EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0755

2014/755/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta' Ottubru 2014 dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Awstralja għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

OJ L 311, 31.10.2014, p. 66–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/755/oj

31.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/66


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta' Ottubru 2014

dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju tal-Awstralja għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(2014/755/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi li tidher fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li l-istandards regolatorji tagħhom huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament li tipprovdi servizzi ta' kklerjar lill-membri tal-ikklerjar jew ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni ta' ekwivalenza previsti fih jikkontribwixxu għalhekk biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu tas-CCPs li huma sikuri u sodi sabiex jiġu kklerjati l-kuntratti tad-derivattivi barra l-Borża (“OTC”), inkluż dawk fejn is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li huma jiksbu. Għalhekk l-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa li jiġi verifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati bihom ma jesponux lil membri tal-ikklerjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Awstralja. Il-parir tekniku jikkonkludi li d-dispożizzjonijiet kollha fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma rreplikati minn rekwiżiti legalment vinkolanti korrispondenti li huma applikabbli, f'livell ta' ġurisdizzjoni, għas-CCPs awtorizzati fl-Awstralja.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati fih huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Awstralja għas-CCPs awtorizzati fiha jikkonsistu fl-Att dwar il-Korporazzjonijiet 2001 (“l-Att dwar il-Korporazzjonijiet”), li flimkien mar-Regolamenti tal-Korporazzjonijiet 2001 (“Regolamenti tal-Korporazzjonijiet”), jistabbilixxu l-qafas legali għal faċilitajiet tal-ikklerjar u tas-saldu (“faċilitajiet tas-CS”). Parti 7.3 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tipprevedi li qabel ma tingħata liċenzja biex jitwettqu l-attivitajiet ta' kklerjar jew ta' saldu, il-Ministru irid ikun sodisfatt, fost affarijiet oħra, li s-CCP ikkonċernata jkollha regoli u proċeduri ta' operat adegwati li huma konformi mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli biex jiġi żgurat, sa fejn ikun raġonevolment prattikabbli, li r-riskju sistemiku jitnaqqas, u li s-CCP tkun operata b'mod ġust u effettiv. Is-CCP irid ukoll ikollha arranġamenti adegwati biex jiġu trattati l-kunflitti ta' interess u biex tinforza r-regoli u l-proċeduri interni tagħha. Il-Kummissjoni għall-Investimenti u s-Sigurtajiet Awstraljana (“ASIC”) u Il-Bank tar-Riżerva tal-Awstralja (“RBA”) jagħtu parir lill-Ministru dwar l-għoti ta' liċenzji għall-faċilitajiet tas-CS u bidliet tar-regoli u tal-proċeduri interni tagħhom, u huma responsabbli mill-evalwazzjoni, u fil-każ tal-ASIC tal-infurzar, tal-konformità tas-CCPs mal-obbligi tagħhom skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet.

(7)

L-ASIC tipprovdi gwida regolatorja għal entitajiet regolati li tispjega kwistjonijiet speċifiċi li huma diġà koperti mil-leġiżlazzjoni. B'mod partikolari, l-ASIC irrevediet l-gwida regolatorja tagħha dwar il-liċenzjar u s-sorveljanza tal-liċenzji tal-faċilitajiet tas-CS f'Diċembru 2012 skont il-gwida aġġornata Regulatory Guide 211 “Clearing and settlement facilities: Australian and overseas operators” (“RG 211”). L-RG 211 tal-ASIC timplimenta l-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Saldu (2) (“CPSS”) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”), li huma rilevanti għall-obbligi stabbiliti fl-Att dwar il-Korporazzjonijiet, u tipprovdi gwida għas-CCPs dwar kif għandhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt l-Att dwar il-Korporazzjonijiet. Għalhekk, nuqqas ta' konformità mal-Att dwar il-Korporazzjonijiet kif spjegat fl-RG 211 jista' jinvolvi azzjoni ta' infurzar u miżuri ta' sanzjonijiet.

(8)

Skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-RBA għandha s-setgħa li tiddetermina l-istantards tal-istabbiltà finanzjarja, bl-għan li jiġi żgurat li s-CCPs joperaw b'mod li jikkawża jew jippromwovi l-istabbiltà globali tas-sistema finanzjarja Awstraljana. B'mod partikolari, f'Novembru 2012, il-Bord tas-Sistema għall-Pagamenti tal-RBA approva l-introduzzjoni ta' standards ġodda għall-istabbiltà finanzjarja, l-Istandards għall-Istabbiltà Finanzjarja għall-Kontropartijiet Ċentrali (“FSS”), li jinkludu 21 standard għas-CCPs, akkumpanjati mis-substandards u l-gwida. Bl-eċċezzjoni ta' ċerti substandards li daħlu fis-seħħ fil-31 ta' Marzu 2014, l-FSS saru effettivi f'Marzu 2013. L-FSS iridu jiġu rrispettati mis-CCPs liċenzjati kollha.

(9)

Il-prinċipji ewlenin għall-faċilitajiet tas-CS stipulati fil-Parti 7.3 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u r-Regolamenti tal-Korporazzjonijiet, kif spjegati fl-RG 211 tal-ASIC, u l-FSS iddeterminati mill-RBA (flimkien mar-“regoli primarji”), jistabbilixxu l-istandards ta' livell għoli li magħhom is-CCPs iridu jkunu konformi sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar fl-Awstralja. Dawn ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel livell ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Awstralja. Barra minn hekk, sabiex jikkonformaw mar-regoli primarji, s-CCPs jadottaw, ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi stipulati fl-Att tal-Korporazzjonijiet u r-Regolamenti tal-Korporazzjonijiet, kif spjegat fl-RG 211, u l-FSS, li jiġu ppreżentati lill-Ministru qabel ma jiġu awtorizzati bħala faċilità tas-CS. Bidliet fir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs iridu jiġu notifikati lill-Ministru. Il-Ministru jista' ma jippermettix bidliet fir-regoli u l-proċeduri interni tas-CCPs. Il-proċeduri u r-regoli interni tas-CCPs għandhom l-effett ta' kuntratt u huma legalment vinkolanti fuq is-CCPs u l-parteċipanti rispettivi tagħhom.

(10)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti fir-regoli primarji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Awstralja jagħtu riżultati sostanzjali ekwivalenti għal dawk ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(11)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja jiżguraw li s-CCPs awtorizzati bihom jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(12)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja fir-rigward ta' CCPs awtorizzati bihom iridu jipprevedu għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(13)

Is-CCPs awtorizzati fl-Awstralja huma soġġetti għal superviżjoni u sorveljanza kontinwa mill-ASIC u mill-RBA. L-ASIC hija responsabbli għall-infurzar tal-konformità tas-CCPs mal-obbligi tagħhom taħt l-Att dwar il-Korporazzjonijiet u f'dan ir-rigward, twettaq valutazzjonijiet perjodiċi ta' konformità mis-CCPs mal-obbligi tal-liċenzja tagħhom, minbarra l-obbligi tagħhom relatati mal-FSS u t-tnaqqis tar-riskju sistemiku, u b'mod partikolari d-dmir tagħhom li joperaw b'mod ġust u effikaċi, sa fejn huwa raġonevoli li jagħmlu dan, u tibgħat rapport lill-Ministru, li jiġi ppubblikat. L-RBA jissorvelja l-konformità mis-CCPs mal-obbligi tagħhom taħt il-liċenzji rispettivi tagħhom u fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja u t-tnaqqis tar-riskju sistemiku jwettaq valutazzjonijiet perjodiċi ta' konformità ta' kull CCP mal-FSS u jibgħat rapport lill-Ministru, li jiġi wkoll ippubblikat. Is-CCPs awtorizzati fl-Awstralja jistgħu jirċievu istruzzjonijiet bil-miktub mill-Ministru u mill-ASIC. Jekk CCP tonqos milli tikkonforma ma' ordni bil-miktub, l-ASIC tista' tirrikorri għall-qrati fejn dawn jistgħu jordnaw lis-CCP sabiex tikkonforma ma' dik l-ordni bil-miktub.

(14)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja fir-rigward ta' CCPs awtorizzati fihom jipprovdu għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(15)

Skont it-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja iridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent tas-CCPs awtorizzati skont ir-reġimi legali ta' pajjiż terz (“CCPs ta' pajjiż terz”).

(16)

Is-CCPs ta' pajjiżi terzi jistgħu japplikaw għal liċenzja għall-faċilitajiet ta' kklerjar u ta' saldu barranija (“liċenzja tas-CCP barranija”) li tippermettilhom li jipprovdu fl-Awstralja xi wħud jew is-servizzi kollha tal-ikklerjar li huma awtorizzati li jipprovdu f'pajjiżhom.

(17)

Il-kriterji applikati għal CCPs ta' pajjiżi terzi li japplikaw għal liċenzja tas-CCP barranija fl-Awstralja huma komparabbli ma' dawk previsti minn CCPs ta' pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Bħala prerekwiżit għar-rikonoxximent, ir-reġim regolatorju tal-pajjiż terz li fih is-CCP tkun awtorizzata jrid jitqies bħala “suffiċjentement ekwivalenti”, fir-rigward tal-livell ta' protezzjoni minn riskju sistemiku u livell ta' effiċjenza u korrettezza ta' servizzi li jikseb, għal mar-reġim regolatorju Awstraljan għal CCPs domestiċi komparabbli. Il-valutazzjoni ta' “ekwivalenza suffiċjenti” tinvolvi kunsiderazzjonijiet simili bħal dawk ivvalutati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-istabbiliment ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Awstraljani u l-awtoritajiet ta' sorveljanza barranin rilevanti huwa meħtieġ wkoll sabiex tingħata liċenzja tas-CCP barranija.

(18)

Għalhekk, għandu jitqies li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi.

(19)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu għalhekk jitqiesu milħuqa mill-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja rigward CCPs awtorizzati fiha u dawn l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni, infurmata mill-ESMA, għandha tkompli ssegwi l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju Awstraljan għas-CCPs u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(20)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Awstralja applikabbli għas-CCPs awtorizzati fihom, li jikkonsistu fil-Parti 7.3 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet 2001 u r-Regolamenti tal-Korporazzjonijiet 2001, kif spjegat fir-Regulatory Guidance 211 “Clearing and settlement facilities: Australian and overseas operators”, u fl-Istandards għall-Istabbiltà Finanzjarja ta' Kontropartijiet Ċentrali, jiġu kkunsidrati li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014 l-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-sistemi ta' pagament u l-Infrastrutturi tas-Suq “CPMI”).


Top