EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0699

2014/699/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 24 ta' Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha

OJ L 293, 9.10.2014, p. 26–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/699/oj

9.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta' Ġunju 2014

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha

(2014/699/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni aderixxiet mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980 kif emendata mill-Protokoll ta' Vilnius tat-3 ta' Ġunju 1999 (“il-Konvenzjoni COTIF”), skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' Ċipru u Malta, japplikaw il-Konvenzjoni COTIF.

(3)

Il-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit skont il-punt (c) tal-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni COTIF, waqt il-25 seduta tiegħu li ser issir bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014, huwa mistenni li jiddeċiedi dwar ċerti emendi fil-Konvenzjoni COTIF kif ukoll f'ċerti Appendiċijiet tagħha, jiġifieri l-Appendiċijiet B (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta' Prodotti bil-Ferrovija — CIM), D (Regoli Uniformi għall-Kuntratti tal-Użu tal-Vetturi fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali — CUV), E (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Użu tal-Infrastruttura fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali — CUI), F (Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta' Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta' Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi Applikati għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali — APTU) u G (Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta' Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali — ATMF).

(4)

L-emendi fil-Konvenzjoni COTIF jimmiraw li jaġġornaw il-kompiti tal-Kumitat tal-Esperti Tekniċi u d-definizzjoni ta' “detentur” bi qbil mal-liġi tal-Unjoni, u jemendaw ċerti regoli dwar il-finanzjament tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija(OTIF), l-awditjar tiegħu u r-rappurtar dwaru, kif ukoll jagħmlu xi bidliet amministrattivi żgħar.

(5)

L-emendi tal-Appendiċi B (CIM) huma mmirati biex jagħtu preferenza lill-forma elettronika tan-nota ta' konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha, u li jiċċaraw ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-ġarr.

(6)

L-emendi tal-Appendiċi D (CUV) imressqin mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni fil-kuntratti tal-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju. Franza ressqet proposta separata dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara li tista' tikkawża vettura. Il-Ġermanja ppreżentat proposta separata dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli uniformi tas-CUV.

(7)

L-emendi fl-Appendiċi G (ATMF) huma mmirati biex jaġġornaw id-dispożizzjonijiet dwar il-permissibbiltà teknika tal-materjali ferrovjarji li jintużaw fit-traffiku internazzjonali, biex jiċċaraw il-funzjonijiet ta', u r-relazzjonijiet bejn, l-Istat Kontraenti kif definiti f'dak l-Appendiċi, l-awtorità kompetenti u l-entità tal-valutazzjoni, kif ukoll biex jarmonizzaw it-termini bi qbil mal-liġi tal-Unjoni.

(8)

L-emendi fl-Appendiċi F (APTU) huma mmirati biex iżommu konsistenza mal-Appendiċi G (ATMF) emendat.

(9)

L-emendi fl-Appendiċi E (CUI) proposti mill-Kumitat għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (CIT) huma mmirati biex jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli uniformi dwar il-kuntratt tal-użu tal-infrastruttura għat-trasport ferrovjarju domestiku, biex joħolqu bażi legali għat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, u biex jestendu r-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsarat jew telf li jistgħu jiġu kkawżati mill-infrastruttura.

(10)

Is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF ippropona wkoll xi tibdiliet editorjali biex jissostitwixxu t-terminu “Komunitajiet Ewropej” bit-terminu “Unjoni Ewropea” fil-Konvenzjoni COTIF u l-Appendiċijiet tagħha kollha.

(11)

Il-maġġoranza tal-emendi proposti jaqblu mal-liġi u mal-għanijet strateġiċi tal-Unjoni, u għaldaqstant għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni. Xi emendi ma għandhomx impatt fuq il-liġi tal-UE u ma jeħtiġux li jkun hemm qbil dwar pożizzjoni fil-livell tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ċerti emendi jeħtieġu aktar diskussjoni dwarhom fl-Unjoni u għandhom jitwarrbu f'din il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni; jekk dawn emendi tal-aħħar jiġu approvati b'tibdiliet li ma jkunux aċċettabbli għall-Unjoni, l-Unjoni tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35(4) tal-Konvenzjoni COTIF,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha f'isem l-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit mill-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija għandha tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma' tibdiliet żgħar fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2014

Għall-Kunsill

Il-President

E. VENIZELOS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta' Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni msemmija (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).


ANNESS

1.   INTRODUZZJONI

Is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF sejjaħ il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni (KR) tal-Konvenzjoni COTIF f'Berne bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014.

2.   DOKUMENTI TA' REFERENZA

Id-dokumenti dwar il-punti fl-aġenda ġew iċċirkolati lill-Istati Membri tal-OTIF, u dawn huma disponibbli fil-websajt tal-OTIF fil-link li tidher taħt: http://otif.org/en/law/revision-committee/working-documents.html.

3.   KUMMENTI DWAR KULL PUNT TAL-AĠENDA

PUNT 1. IL-FTUĦ TAL-LAQGĦA U L-ISTABBILIMENT TA' KWORUM

Dokument: m'hemmx.

Kompetenza: kondiviża.

Eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: m'hemmx.

Jeżisti kworum fil-KR meta l-maġġoranza tal-Istati Membri tal-OTIF li għandhom id-dritt li jivvutaw ikunu rappreżentati meta ssir il-votazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 13(3) tal-Konvenzjoni COTIF jistipula li l-Istati Membri tal-OTIF li jkunu għamlu dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' xi Appendiċijiet ma għandhomx dritt jivvutaw dwar l-emendi li jsiru f'dik l-Appendiċi.

L-Istati Membri tal-OTIF elenkati hawn taħt ma rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' ċerti Appendiċijiet:

 

il-Pakistan, ir-Russja (dwar ir-Regoli Uniformi dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Passiġġieri bil-Ferrovija (CIV), it-Trasport Internazzjonali ta'Oġġetti Perikolużibil-Ferrovija (RID), is-CUV, is-CUI, l-APTU u l-ATMF), Ġeorġja (dwar is-CUV, is-CUI, l-APTU u l-ATMF), ir-Repubblika Ċeka, in-Norveġja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit (dwar is-CUI, l-APTU u l-ATMF), Franza (dwar l-ATMF).

 

Meta jkunu qegħdin jiġu diskussi l-emendi fl-Appendiċijiet rilevanti, l-għadd ta' Stati Membri tal-OTIF li jkunu għamlu dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni tal-Appendiċi kkonċernata jrid jitnaqqas mill-għadd tal-membri attivi tal-OTIF (46) biex jiġi stabbilit il-kworum għall-votazzjoni dwar l-Appendiċi kkonċernata.

 

Fil-każ fejn il-kompetenza tkun tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tivvota f'isem il-membri kollha tagħha li jkollhom id-dritt li jivvutaw, mingħajr bżonn tal-preżenza fiżika ta' dawk il-membri meta tkun qed issir il-votazzjoni; b'hekk, il-kworum jista' jkun differenti fil-każ fejn l-Unjoni tirrappreżenta lill-Istati Membri tagħha u fil-każ fejn l-Istati Membri tal-Unjoni jivvutaw għalihom stess.

PUNT 2. L-ELEZZJONI TAL-PRESIDENT U L-VIĊI PRESIDENT

Dokument: m'hemmx.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: m'hemmx.

PUNT 3. L-ADOZZJONI TAL-AĠENDA

Dokument: CR 25/3.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: m'hemmx.

PUNT 4. IR-REVIŻJONI PARZJALI TAL-KONVENZJONI BAŻIKA — COTIF

Dokumenti: CR 25/4, CR 25/4 Add. 1.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

L-emendi fl-Artikolu 3 (Il-kooperazzjoni internazzjonali) għandhom jiġu appoġġati (tibdil editorjali biex ir-referenzi għall-“Komunitajiet Ewropej” jinbidlu għal referenzi għall-“Unjoni Ewropea”).

L-emendi fl-Artikolu 12 (L-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Mehmuża) għandha tiġi appoġġata peress li temenda d-definizzjoni ta' “detentur” bi qbil mal-liġi tal-Unjoni.

L-emendi fl-Artikolu 20 (Il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi) għandhom jiġu appoġġati billi dawn huma meħtieġa biex jiġu aġġornati r-Regoli Uniformi APTU u r-Regoli Uniformi ATMF biex jibqgħu jaqblu mal-liġi tal-Unjoni.

Emendi oħra: mhijiex meħtieġa pożizzjoni tal-Unjoni billi dawn l-emendi huma marbutin mal-finanzjament tal-organizzazzjoni, jew mal-awditjar, jew jinkludu bidliet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-programm ta' ħidma, mar-rapport annwali u mal-listi tal-linji jew tas-servizzi li ma għandhomx impatt fuq il-liġi tal-Unjoni.

PUNT 5. IR-REVIŻJONI PARZJALI TAL-APPENDIĊI B (CIM)

Dokumenti: CR 25/5, CR 25/5 Add. 1, CR 25/5 Add. 2, CR 25/5.1.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: l-Unjoni fuq l-Artikoli 6 u 6a; l-Istati Membri fuq l-Artikoli l-oħrajn.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

L-emendi fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 6a jikkonċernaw il-liġi tal-Unjoni minħabba l-użu tan-nota ta' konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha għad-dwana u minħabba l-proċeduri sanitarji u fitosanitarji (SPS). L-Unjoni taqbel mal-ħsieb tal-OTIF li tingħata prijorità lill-forma elettronika tan-noti tal-konsenja. Iżda fil-preżent, l-adozzjoni ta' dawn l-emendi tista' twassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Il-proċedura ssimplifikata attwali għat-tranżitu mid-dwana bil-ferrovija hija possibbli li ssir biss b'dokumenti f'forma ta' karti. Għaldaqstant, jekk il-ferroviji jagħżlu li jużaw in-nota ta' konsenja elettronika, ikollhom jużaw il-proċedura standard għat-tranżitu u s-Sistema ta' Tranżitu Komputerizzata l-Ġdida (NCTS).

Il-Kummissjoni bdiet tħejji grupp ta' ħidma biex jiddiskuti l-użu ta' dokumenti tat-trasport elettroniċi għat-tranżitu taħt ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dak il-grupp ta' ħidma se jkollu l-laqgħa inizjali tiegħu fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014. L-Unjoni taqbel ukoll mal-ħsieb li d-dokumenti ta' akkumpanjament ikunu f'format elettroniku. Madankollu, taħt il-liġi attwali tal-Unjoni ma hemmx bażi legali biex id-dokumenti (eż. id-Dokument Veterinarju Komuni tad-Dħul, id-Dokument Komuni tad-Dħul) li jridu jakkumpanjaw il-prodotti marbutin mal-SPS jingħataw f'format elettroniku, u għaldaqstant jeħtieġ li dawn jingħataw f'forma ta' karti. Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta' Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni elettronika, u fil-preżent l-abbozz qed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Huwa previst li dak ir-Regolament (Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) jiġi adottat sa tmiem l-2015 jew sal-bidu tal-2016; madankollu, se jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni għall-infurzar.

Għalhekk, l-Unjoni tipproponi li fis-seduta preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar dawn il-punti u li l-OTIF jibqa' jikkoopera mal-Unjoni dwar din il-kwistjoni biex tinstab soluzzjoni maħsuba tajjeb sar-reviżjoni li ġejja tas-CIM, li idealment tkun issinkronizzata mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu li se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2016. Ċerti proċeduri elettroniċi jistgħu jiddaħħlu fuq bażi gradwali bejn l-2016 u l-2020 bi qbil mal-Artikolu 278 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Emendi oħra: mhijiex meħtieġa pożizzjoni tal-Unjoni, billi dawn id-dispożizzjonijiet ma jinċidux fuq il-liġi tal-Unjoni.

PUNT 6. DOKUMENTI ELETTRONIĊI LI JIKKONĊERNAW IT-TRASPORT TA' OĠĠETTI PERIKOLUŻI — INFORMAZZJONI DWAR IL-ĦIDMA TAL-KUMITAT TA' ESPERTI TAL-RID

Dokument: CR 25/6.

Kompetenza: Unjoni.

Eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: osservazzjoni tal-informazzjoni.

PUNT 7. REVIŻJONI PARZJALI TAL-APPENDIĊI D (CUV)

Dokumenti: CR 25/7, CR 25/7 Add. 1, CR 25/7 Add. 2, CR 25/7 Add. 3.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni rakkomandata: L-emendi għall-Artikoli 2 u 9 għandhom jiġu appoġġati peress li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni (Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)).Madankollu, l-emenda proposta għall-Artikolu 7 ppreżentata minn Franza dwar ir-responsabbiltà tal-persuna li pprovdiet vettura għall-użu bħala mezz ta' trasport fil-każ ta' ħsara li tirriżulta minn difett tal-vettura teħtieġ aktar analiżi fl-Unjoni qabel tittieħed deċiżjoni fl-OTIF. Għaldaqstant, l-Unjoni mhijiex f'pożizzjoni li tappoġġa din il-proposta għal emenda f'dan il-KR u tipproponi li d-deċiżjoni tiġi posposta sal-Assemblea Ġenerali li jmiss sabiex din il-kwistjoni tiġi vvalutata aktar. L-Unjoni tieħu l-istess pożizzjoni, jiġiferi li tipposponi d-deċiżjoni sal-Assemblea Ġenerali li jmiss sabiex tkompli tivvaluta l-kwistjoni, fuq il-proposta tal-Ġermanja għal Artikolu 1a ġdid ippreżentat lill-OTIF waqt il-koordinazzjoni tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni rakkomandata addizzjonali tal-Unjoni: Fid-dokument CR 25/7 ADD 1, paġna 6, fl-aħħar tal-paragrafu 8a, fi tmiemu, tiżdied: “The amendment to Article 9, paragraph 3, first indent, does not affect the existing allocation of liabilities between ECM and the keeper of the vehicles.”.

PUNT 8. IR-REVIŻJONI TAL-APPENDIĊI G (ATMF)

Dokumenti: CR 25/8, CR 25/8 Add. 1, CR 25/8 Add. 2.

Kompetenza: Unjoni.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

(1)

Dwar Ref. CR 25/8 Reviżjoni tal-Appendiċi G (ATMF)

Għandu jingħata vot favur bil-kummenti li ġejjin:

żid is-sentenza li ġejja mal-Artikolu 3a(3):

“When operating in the EU, railway undertakings and infrastructure managers shall only be subject to European legislation.”

L-Unjoni tista' taċċetta l-alternattivi li ġejjin:

“For railway undertakings and infrastructure managers, when operating within the EU, EU legislation takes precedence over the provisions in these Uniform Rules.”

;

jew

“When operating within the European Union, railway undertakings and infrastructure managers are solely subject to European Union rules and shall therefore not apply these Uniform Rules except in so far as there is no EU rule governing the particular subject concerned.”

;

Artikolu 4(1): tiżdied is-sentenza li ġejja fl-aħħar [wara l-punt (b)]:

“If the vehicle is admitted in a single stage, the type of construction of the vehicle is admitted at the same time.”

;

Artikolu 5(5): Tiġi kkoreġuta r-referenza; jinbidel “Artikolu 2w1)” b'“Artikolu 2wa(1)”.

Artikolu 19: Jingħaqdu l-Artikolu 19(2) u (2a) billi jitħassar (2a) u jiġi sostitwit (2) bit-test modifikat hawn taħt:

“These Uniform Rules do not affect admissions issued before 1.1.2011 for vehicles which exist as at 1.1.2011 and which are marked RIV or RIC as proof of current compliance with the technical provisions of the RIV 2000 agreement (revised edition of 1 January 2004) or the RIC agreement respectively, and for existing vehicles not marked RIV or RIC but admitted and marked according to bilateral or multilateral agreements between Contracting States notified to the Organisation.”

.

(2)

Dwar 25/8 Add. 1. Dokument ta' ġustifikazzjoni għar-Reviżjoni tal-Appendiċi G (ATMF)

Ġustifikazzjonijiet ġenerali (fl-aħħar tal-paġna 2): is-sentenza tiġi modifikata kif ġej: “The changes which are not covered by these general justifications are explained in the rest of this document.”;

il-punt (t) tal-Artikolu 2: jiżdied paragrafu ġdid “When infrastructure managers operate vehicles, e.g. freight wagons to transport materials for construction or for infrastructure maintenance activities, the infrastructure managers do so in the capacity of a railway undertaking.”;

il-punt (b) tal-Artikolu 4(1): Jiżdied il-modulu SH 1 peress li t-tip ta' ċertifikat ta' tfassil maħruġ fil-fażi tat-tfassil ta' dan il-modulu jipprovdi wkoll il-possibbiltà li tintuża l-proċedura deskritta. Is-sentenza l-ġdida tgħid hekk:

“According to Article 10 § 8, the appropriate manner to demonstrate that the vehicle corresponds to the admitted type of construction is a certificate of verification, it is not really a simplified procedure. The certificate of verification is issued according to the appropriate module defined in the UTP(s) concerned which may be module SD or module SF for type examination certificate or module SH1 for design examination certificate.”

;

Artikolu 7(1a): biex tiġi allinjata l-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ma' dik tal-Unjoni (Artikolu 8(7) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/217/UE (3)), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Due to the fact that the admission procedures can take several months, it is recommended that the rules to be applied by the competent authority for a specific admission process are those that were in force at the date of the application and that no new rule is imposed during the subsequent process.”

.

(3)

Riżultat tal-verifika tal-verżjoni Ġermaniża tar-Reviżjoni tal-Appendiċi G (ATMF):

il-punt (ab) tal-Artikolu 2: Tiġi allinjata d-definizzjoni ta' akkreditazzjoni mal-formulazzjoni tal-Artikolu 2 (10) tar-Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)

“Akkreditierung: die Bestätigung durch eine nationale Akkreditierungsstelle, dass eine Konformitätsbewertungsstelle die in europäischen harmonisierten Normen oder anwendbaren internationalen Normen festgelegten Anforderungen und, gegebenenfalls, zusätzliche Anforderungen, einschließlich solcher in relevanten sektoralen Akkreditierungssystemen, erfüllt, um eine spezielle Konformitätsbewertungstätigkeit durchzuführen.”

Artikolu 5(2): “assessing entities” tiġi tradotta bħala “Bewertungsstelle”. Skont l-ETV GEN-E “the assessing entity” hija tradotta bħala “Prüforgan”. Fl-Unjoni, it-terminu “Bewertungsstelle” huwa b'mod speċjali assenjat għal korpi ta' valutazzjoni skont il-metodu ta' sigurtà komuni għall-istima tar-riskju (CSM RA). Għalhekk, it-terminu tal-OTIF skont l-Artikolu 5 § 2 jista' jqarraq. Huwa propost li tintuża l-kelma “Prüforgan” fl-ATMF. Ara wkoll il-punt (cb) tal-Artikolu 2, Artikolu 5(3) — (7), Artikolu 6(4), Artikolu 10(3a), (4), (6) — (8).

Artikolu 5(4) tinbidel il-formulazzjoni: “Die Anforderungen in § 3 gelten sinngemäß für die zuständige Behörde, in Bezug auf die in § 2 genannten Aufgaben, die nicht an eine Bewertungsstelle übertragen wurden.”

Artikolu 10(8): jitħassru l-parentesi.

Artikolu 5(3): wara l-kelma “Voraussetzungen”, biddel “verfüllen” b' “erfüllt”.

il-punt (b) tal-Artikolu 11(3): il-kelma “Identifizierungscode(se)” għandha tinbidel b' “Identifizierungscode(s)”.

it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1): titħassar “nicht”.

it-tieni sentenza tal-Artikolu 15a(1): jitqiegħed punt wara “entsprechen” u t-tielet sentenza tibda b' “Es hat insbesondere:”.

(4)

Fil-verżjoni Franċiża, id-definizzjoni fil-punt (n) tal-Artikolu 2 għandha tgħid hekk:

“‘détenteur’ désigne la personne ou l'entité propriétaire du véhicule ou disposant d'un droit de disposition sur celui-ci, qui exploite ledit véhicule à titre de moyen de transport et est inscrite en tant que telle dans le registre des véhicules prévu à l'article 13.”

.

PUNT 9. IR-REVIŻJONI PARZJALI TAL-APPENDIĊI F (APTU)

Dokumenti: Ref.: CR 25/9, CR 25/9 Add. 1.

Kompetenza: Unjoni.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: l-emendi editorjali għandhom jiġu appoġġati.

PUNT 10. IL-MANDAT GĦALL-KONSOLIDAZZJONI TAR-RAPPORT TA' SPJEGAZZJONI

Dokument: CR 25/10.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni rakkomandata: għandha tiġi appoġġata.

PUNT 11. L-EMENDI EDITORJALI

Dokument: CR 25/11.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: għandhom jiġu appoġġati biż-żieda tat-tieni inċiż ġdid imniżżel hawn taħt:

“—

to provide for a period of 3 weeks open for Member States for a check of those editorial amendments before their notification;”

.

PUNT 12. IR-REVIŻJONI PARZJALI TAL-APPENDIĊI E (CUI)

Dokument: CR 25/12.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: l-emendi għandhom jiġu rifjutati. Dawn l-emendi proposti mis-CIT jinkludu l-estenzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tas-CUI biex jinkludi l-operazzjoniijiet domestiċi, l-introduzzjoni ta' Termini u Kundizzjonijiet Ġenerali li jkunu vinkolanti, u l-estenzjoni tar-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsara li tista' ssir. Minkejja li dawn għandhom jingħataw aktar ħsieb, billi ma ġew diskussi f'ebda forum intern tal-OTIF qabel is-seduta tal-KR, l-impatt tagħhom ma jistax ikun li ġie vvalutat biżżejjed fid-dettall. Jidher li huwa daqsxejn prematur li jiġi emendat s-CUI (li fil-preżent jaqbel mal-liġi tal-UE) f'din is-seduta tal-KR mingħajr tħejjija xierqa.

PUNT 13. IR-REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-GRUPPI TA' ĦIDMA TAL-KUMITAT TAR-REVIŻJONI FEJN JIKKONĊERNA L-APPENDIĊIJIET A, B, D, U E

Dokument: CR 25/13.

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: m'hemmx.

PUNT 14. INFORMAZZJONI DWAR XOGĦOL FIL-ĠEJJIENI.

Dokument: CR 25/14 (għadu mhux disponibbli).

Kompetenza: kondiviża.

Eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax.

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: għandha tiġi determinata dak il-ħin.


(1)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(2)  Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 62).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2011 dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi strutturali u ta' vetturi skont id- Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 95, 8.4.2011, p. 1).

(4)  Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).


Top