EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0688

2014/688/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 25 ta' Settembru 2014 li tissottoponi 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll

OJ L 287, 1.10.2014, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/10/2015; Mibdul minn 32015D1875

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/688/oj

1.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/22


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Settembru 2014

li tissottoponi 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll

(2014/688/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Tfasslu rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda 4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), 3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), 3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u 2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) b'mod konformi mad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI f'sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), u sussegwentement intbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-23 ta' April 2014.

(2)

25I-NBOMe, AH-7921, MDPV u l-metossetamina ma kinux taħt evalwazzjoni fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti meta l-evalwazzjoni tar-riskju ntalbet fil-livell tal-Unjoni, iżda ġew evalwati f'Ġunju 2014 mill-Kumitat ta' Esperti dwar id-Dipendenza mid-Droga tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

(3)

25I-NBOMe, AH-7921, MDPV u l-metossetamina ma għandhom l-ebda użu mediku stabbilit jew rikonoxxut (għall-bniedem jew veterinarju). Minbarra l-użu tagħhom f'materjali ta' referenza analitika u fir-riċerka xjentifika li tinvestiga l-proprjetajiet kimiċi tagħhom, il-farmakoloġija u t-tossikoloġija bħala riżultat tat-tfaċċar tagħhom fis-suq tad-drogi — u, fil-każ ta' 25I-NBOMe, anki fil-qasam tan-newrokimika — ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn qed jintużaw għal skopijiet oħra.

(4)

25I-NBOMe hija derivattiv sintetiku b'saħħtu ta' 2,5-dimetossi-4-iodjo fenetilamina (2C-I), serotonergiku alluċinoġenu klassiku, li kien soġġett għal valutazzjoni tar-riskju u għal miżuri ta' kontroll u sanzjonijiet kriminali fil-livell tal-Unjoni mill-2003 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/847/ĠAI (2).

(5)

Huwa diffiċli li jiġu determinati l-effetti fiżiċi speċifiċi ta' 25I-NBOMe għaliex ma hemmx studji ppublikati li jivvalutaw it-tossiċità akuta u kronika tagħha, l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, u l-potenzjal tad-dipendenza, u minħabba l-iskarsità tal-informazzjoni u d-dejta disponibbli. Osservazzjonijiet kliniċi ta' individwi li użaw din is-sustanza jissuġġerixxu li għandha effetti alluċinoġeniċi u għandha l-potenzjal li twassal għal aġitazzjoni gravi, konfużjoni, alluċinazzjonijiet tas-smigħ u viżwali intensi, aggressjoni, inċidenti vjolenti u trawma kkaġunata mill-individwu stess.

(6)

Kien hemm erba' mwiet assoċjati ma' 25I-NBOMe rreġistrati fi tliet Stati Membri. Tossiċità severa assoċjata mal-użu tagħha ġiet irrapportata f'erba' Stati Membri, li nnotifikaw 32 intossikazzjoni mhux fatali. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti. Ma hemmx informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji soċjali assoċjati ma' 25I-NBOMe.

(7)

Wieħed u għoxrin Stat Membru u n-Norveġja rrapportaw lill-EMCDDA u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) li sabu 25I-NBOMe. L-ebda dejta ta' prevalenza ma hija disponibbli dwar l-użu ta' 25I-NBOMe, iżda l-informazzjoni limitata li teżisti turi li tista' tiġi kkunsmata f'firxa wiesgħa ta' kuntesti, bħal pereżempju fid-dar, fil-bars, fin-nightclubs u fil-festivals tal-mużika.

(8)

25I-NBOMe hija apertament kummerċjalizzata u mibjugħa fuq l-Internet bħala “kimika għar-riċerka” u informazzjoni minn sekwestri, kampjuni miġbura, websajts tal-utenti u l-bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet tissuġġerixxi li qed tinbiegħ bħala droga fiha nnifisha u kkummerċjalizzata wkoll bħala sostitut “legali” għal-LSD. EMCDDA identifika aktar minn 15il-bejjiegħ bl-imnut fuq l-Internet li jbigħu din is-sustanza, li jistgħu jkunu bbażati fi ħdan l-Unjoni u ċ-Ċina.

(9)

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli dwar 25I-NBOMe u jindika li jeħtieġ ikun hemm aktar riċerka biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li din iġġib magħħa. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex 25I-NBOMe tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u minħabba n-nuqqas ta' valur jew użu mediku, 25I-NBOMe għandha tkun soġġetta għal miżuri tal-kontroll fl-Unjoni.

(10)

Billi sitt Stati Membri jikkontrollaw 25I-NBOMe fil-leġislazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonformaw mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u seba' Stati Membri jużaw miżuri leġislattivi oħrajn biex jikkontrollawha, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transfruntier tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(11)

AH-7921 hija opjojd analġesiku sintetiku strutturalment atipiku komunement magħrufa mill-fornituri fuq l-Internet, mill-utenti tal-websajts u mill-midja bħala “doksilam”. Din tista' faċilment tiġi konfuża ma' “doksilamina”, mediċina antistamina bi proprjetajiet sedattivi-ipnotiċi, li tista' twassal għal dożi eċċessivi mhux intenzjonati.

(12)

Huwa diffiċli li jiġu determinati l-effetti fiżiċi speċifiċi ta' AH-7921 għaliex ma hemmx studji ppublikati li jivvalutaw it-tossiċità akuta u kronika tagħha, l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, il-potenzjal tad-dipendenza, u wkoll l-iskarsità tal-informazzjoni u d-dejta disponibbli. Abbażi ta' rapporti tal-utenti, l-effetti ta' AH-7921 jidhru li jixbhu lil dawk ta' opjojdi klassiċi b'sentiment ta' ewforija ħafifa, ħakk u rilassament; id-dardir jidher li huwa effett avvers tipiku. Minbarra awtoesperimentazzjoni bl-AH-7921, kif ukoll “l-użu rikreattiv”, xi utenti jirrapportaw li mmedikaw lilhom infushom b'din il-mediċina biex itaffu l-uġigħ, oħrajn biex itaffu s-sintomi ta' rtirar minħabba l-waqfien tal-użu ta' opjodi oħra. Dan jista' jindika potenzjal li AH-7921 tinxtered fost dawk li jinjettaw opjojdi.

(13)

Ma hemm l-ebda dejta prevalenti dwar l-użu ta' AH-7921, iżda l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li ma tintużax ħafna, u meta tintuża, dak l-użu jkun fl-ambjent domestiku.

(14)

Ġew irreġistrati 15-il fatalità fi tliet Stati Membri bejn Diċembru 2012 u Settembru 2013, fejn AH-7921 weħidha, jew flimkien ma' sustanzi oħra, ġiet individwata f'kampjuni meħuda postmortem. Filwaqt li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat b'ċertezza r-rwol ta' AH-7921 f'dawk l-imwiet kollha, f'xi każijiet ġie speċifikament imniżżel fil-kawża tal-mewt. Stat Membru rrapporta sitt każijiet mhux fatali ta' intossikazzjoni assoċjati ma' AH-7921. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida issir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti. Ma hemmx informazzjoni oħra disponibbli dwar ir-riskji soċjali assoċjati ma' AH-7921.

(15)

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji juri li hemm ftit evidenza xjentifika disponibbli dwar AH-7921 u jindika li jeħtieġ issir aktar riċerka biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li din iġġib magħha. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex AH-7921 tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu bla ma jafu jikkunsmawha, u n-nuqqas ta' valur jew użu mediku tas-sustanza, AH-7921 għandha tkun soġġetta għal miżuri tal-kontroll fl-Unjoni.

(16)

Billi Stat Membru jikkontrolla AH-7921 fil-leġislazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonforma mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u ħames Stati Membri jużaw miżuri leġislattivi oħrajn biex jikkontrollawha, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transfruntier tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(17)

MDPV hija derivattiv sintetiku ta' katinon b'ċirku sostitwit, kimikament relatata mal-pirovaleron, li huma t-tnejn suġġetti għal kontroll skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi.

(18)

Informazzjoni dwar it-tossiċità akuta u kronika assoċjati ma' MDPV, kif ukoll dwar l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, u dwar id-dipendenza potenzjali, ma tinġabarx b'mod uniformi madwar l-Unjoni. Informazzjoni minn studji ppubblikati, ikkonfermata minn każijiet kliniċi, tissuġġerixxi li l-profil psikofarmakoloġiku osservat għall-MDPV huwa simili għal dak tal-kokaina u l-metamfetamina, għalkemm aktar b'saħħitha u aktar fit-tul. Barra minn hekk, MDPV instabet li hija għaxar darbiet iktar qawwija fil-kapaċità tagħha li tikkawża attivazzjoni lokomotriċi, takikardija u pressjoni għolja.

(19)

Websajts tal-utenti jindikaw li t-tossiċità akuta tagħha tista' tipprovoka effetti avversi fuq il-bnedmin, simili għal dawk assoċjati ma' stimulanti oħra. Dawn jinkludu l-psikożi paranojjika, takikardija, ipertensjoni, diaforeżi, problemi ta' nifs, aġitazzjoni gravi, alluċinazzjonijiet tas-smigħ u viżwali, ansjetà profonda, ipertermija, okkorrenzi vjolenti u disfunzjonijiet multipli ta' organi.

(20)

Ġew irreġistrati 108 fatalità fi tmien Stati Membri u n-Norveġja bejn Settembru 2009 u Awwissu 2013, fejn l-MDPV instabet f'kampjuni bijoloġiċi post mortem jew implikata fil-kawża tal-mewt. Ġew irrapportati total ta' 525 intossikazzjoni mhux fatali assoċjati mal-MDPV minn tmien Stati Membri. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti.

(21)

L-individwazzjoni tal-MDPV kienet ukoll irrapportata f'kampjuni bijoloġiċi relatati ma' inċidenti tat-traffiku fatali u mhux fatali, jew sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, f'erba' Stati Membri mill-2009.

(22)

MDPV ilha preżenti fis-suq tad-droga tal-UE minn Novembru 2008 u 27 Stat Membru, in-Norveġja u t-Turkija rrapportaw sekwestri ta' bosta kilogrammi tas-sustanza. MDPV qed tinbiegħ bħala sustanza fiha nnifisha iżda nstabet ukoll flimkien ma' sustanzi oħra. Hija disponibbli sew mingħand fornituri u bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet, “head shops” u traffikanti tad-droga fil-livell tat-triq. Hemm xi indikazzjonijiet li jissuġġerixxu ċertu ammont ta' organizzazzjoni fil-manifattura ta' pilloli u d-distribuzzjoni ta' din is-sustanza fl-Unjoni.

(23)

Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju jiżvela li aktar riċerka hija meħtieġa biex jiġu ddeterminati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali kkawżati minn MDPV. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex MDPV tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u n-nuqqas ta' valur jew użu mediku ta-sustanza, MDPV għandha tkun soġġett għal miżuri tal-kontroll fl-Unjoni.

(24)

Billi 21 Stat Membru jikkontrollaw MDPV fil-leġislazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonformaw mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u erba' Stati Membri jużaw miżuri leġislattivi oħrajn biex jikkontrollawha, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transfruntier tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(25)

Il-metossetamina hija sustanza arilċikloessilamina li hija kimikament simili għal ketamina u s-sustanza internazzjonalment ikkontrollata l-fenċiklidina (PCP). Simili għall-ketamina u l-PCP, hija għandha proprjetajiet dissoċjattivi.

(26)

M'hemmx studji li jivvalutaw it-tossiċità kronika u akuta assoċjati mal-metossetamina, kif ukoll l-effetti psikoloġiċi u ta' mġiba, u d-dipendenza potenzjali. L-esperjenzi awtoddikjarati mill-websajts tal-utenti jissuġġerixxu effetti avversi simili għall-intossikazzjoni bil-ketamina. Dawn jinkludu nawsja u remettar sever, diffikultà biex tieħu n-nifs, takikardja, diżorjentazzjoni, ansjetà, katatonija, aggressjoni, alluċinazzjonijiet, il-paranoja u psikożi. Barra minn hekk, intossikazzjonijiet akuti mill-metissetamina jistgħu jinkludu effetti stimulanti (aġitazzjoni, takikardija u pressjoni għolja) u karatteristiċi tal-moħħ, li mhumiex dak li wieħed jistenna minn intossikazzjoni akuta mill-ketamina.

(27)

Għoxrin mewta assoċjata mal-metossetamina ġew irrapportati minn sitt Stati Membri li individwaw is-sustanza f'kampjuni postmortem. Użata weħidha jew flimkien ma' sustanzi oħra, il-metossetamina nstabet f'20 intossikazzjoni mhux fatali rrapportati minn ħames Stati Membri. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti.

(28)

Tlieta u għoxrin Stat Membru, it-Turkija u n-Norveġja rrapportaw li indivdwaw l-metossetamina, minn Novembru 2010. Informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li qed tinbiegħ u użata bħala sustanza fiha nfisha, iżda hija wkoll qed tinbiegħ bħala sostitut “legali” għall-ketamina minn bejjiegħa bl-imnut fuq l-Internet, “head-shops” u traffikanti tad-droga fil-livell tat-triq.

(29)

Kwantitajiet ta' bosta kilogrammi f'forma ta' trab ġew issekwestrati fi ħdan l-Unjoni, iżda ma hemmx informazzjoni dwar l-involviment possibbli ta' kriminalità organizzata. Il-manifattura tal-metossetamina ma teħtieġx tagħmir sofistikat.

(30)

Il-prevalenza tad-dejta hija limitata għal stħarriġ mhux rappreżentattiv f'żewġ Stati Membri. Dawk l-istudji jissuġġerixxu li l-prevalenza tal-użu tal-metossetamina hija aktar baxxa minn dik tal-ketamina. L-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li tista' tkun ikkunsmata f'firxa wiesgħa ta' ambjenti, inkluż fid-dar, bars, nightclubs u festivals tal-mużika.

(31)

Ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju jiżvela li se tkun meħtieġa aktar riċerka biex jiġu ddeterminati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali kkawżati mill-metossetamina. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex il-metossetamina tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rapportati ta' mewt, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u n-nuqqas ta' valur jew użu mediku, il-metossetamina għandha tkun soġġetta għal miżuri tal-kontroll fl-Unjoni.

(32)

Billi disa' Stati Membri jikkontrollaw il-metossetamina fil-leġislazzjoni nazzjonali biex b'hekk jikkonformaw mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u disa' Stati Membri jużaw miżuri leġislattivi oħrajn biex jikkontrollawha, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat it-tfaċċar ta' ostakli fl-infurzar transfruntier tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin biex jipproteġu mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(33)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tirriżerva s-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jingħata rispons rapidu u bbażat fuq għarfien espert fil-livell tal-Unjoni għat-tfaċċar ta' sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi jissottometti dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi ġew issodisfati l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex tqiegħed 25I-NBOMe, AH-7921, MDPV u l-metossetamina taħt kontroll fl-Unjoni kollha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanzi psikoattivi ġodda li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni:

(a)

4-iodjo- 2,5-dimetoksi-N-(2-metoksibenzil) fenetilamina (25I-NBOMe);

(b)

3,4-dikloro-N-[[1-dimetilamino) ċikloeksil] metil] benżamid (AH-7921);

(c)

3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV);

(d)

2- (3-metossifenil)-2-(etillamino)ċikloeżanon (metossetamina).

Artikolu 2

Sat-2 ta' Ottubru 2015, l-Istati Membri għandhom, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom jagħmlu s-sustanzi psikoattivi l-ġodda msemmija fl-Artikolu 1 soġġetti għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif stipulat fil-leġislazzjoni tagħhom b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

F. GUIDI


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/847/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2003 dwar miżuri ta' kontroll u sanzjonijiet kriminali rigward drogi sintetiċi ġodda 2C-I, 2C-T-2, 2C-T-7 u TMA-2 (ĠU L 321, 6.12.2003, p. 64).


Top