EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0585

Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar il-varar ta' eCall interoperabbli madwar l-UE kollha Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 164, 3.6.2014, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/585(2)/oj

3.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/6


DEĊIŻJONI Nru 585/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar il-varar ta' eCall interoperabbli madwar l-UE kollha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 3(d) tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-provvediment armonizzat għal servizz interoperabbli eCall madwar l-UE kollha jikkostitwixxi azzjoni ta' prijorità (l-“azzjoni ta' prijorità tal-eCall”) għall-iżvilupp u l-użu ta' speċifikazzjonijiet u standards.

(2)

Taħt l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2010/40/UE il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet neċessarji biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tal-introduzzjoni u l-użu operattiv ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (“STI”) għall-azzjonijiet ta' prijorità.

(3)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013 (4) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-aġġornament tal-infrastruttura taċ-Ċentru li jwieġeb għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika (PSAP) meħtieġa sabiex l-eCalls jiġu riċevuti u ttrattati kif suppost bl-użu tan-numru 112, sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz armonizzat ta' eCall madwar l-UE kollha.

(4)

Skont id-Direttiva 2010/40/UE, l-Kummissjoni għandha tippreżenta, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 305/2013, fejn jixraq u wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt li tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dwar l-introduzzjoni tal-azzjoni ta' prijorità eCall skont l-ispeċifikazzjonijiet stipulati mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 305/2013.

(5)

Huwa mistenni li, bit-tnaqqis fil-ħin ta' rispons mis-servizzi ta' emerġenza, tas-servizz tal-eCall interoperabbli madwar l-UE kollha se jnaqqas l-għadd ta' fatalitajiet fl-Unjoni kif ukoll is-severità tal-ġrieħi kkawżati b'aċċidenti stradali. Is-servizz tal-eCall interoperabbli madwar l-UE kollha huwa mistenni wkoll li jipprovdi ffrankar ta' flus għas-soċjetà billi jtejjeb il-ġestjoni tal-inċidenti u billi jnaqqas il-konġestjoni tat-toroq u l-aċċidenti sekondarji.

(6)

Sabiex jiġu żgurati l-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà, il-kontinwità u l-konformità totali tas-servizz fl-Unjoni kollha u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' implimentazzjoni għall-Unjoni kollha kemm hi, l-Istati Membri kollha għandhom jintroduċu l-azzjoni ta' prijorità eCall skont l-ispeċifikazzjonijiet komuni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013. Dak għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Stat Membru li jintroduċi aktar mezzi tekniċi biex jittrattaw sejħiet oħra ta' emerġenza.

(7)

L-Istati Membri jeħtieġu jiżguraw li d-data trasmessa permezz tas-servizz madwar l-UE kollha tal-eCall tintuża esklużivament biex jintlaħqu l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni.

(8)

Kif uriet l-esperjenza bis-sistemi ta' sejħiet oħra ta' emerġenza, l-eCalls ġestiti manwalment jistgħu jinkludu sehem sinifikanti ta' sejħiet għall-assistenza. Jekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw il-mezzi tekniċi u organizzattivi xierqa kollha sabiex jiffiltraw dawk is-sejħiet għal assistenza biex jiġi żgurat li sejħiet għal assistenza ta' emerġenza ġenwini biss jiġu ġestiti mill-PSAPs tal-eCall.

(9)

Ladarba mhux iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni huma familjari mal-użu tas-servizz madwar l-UE kollha tal-eCall, l-introduzzjoni tiegħu għandha tkun preċeduta minn kampanja ta' sensibilizzazjoni appoġġata mill-Kummissjoni, fejn jiġu spjegati liċ-ċittadini l-benefiċċji, funzjonalitajiet u salvagwardji għall-protezzjoni tad-data tas-sistema l-ġdida. Il-kampanja għandha ssir fl-Istati Membri u għandu jkollha l-għan li tinforma lill-utenti dwar kif għandhom jużaw is-sistema b'mod korrett u kif jevitaw allarmi foloz.

(10)

F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta' Ħidma tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta' Data Personali (il-“Grupp ta' Ħidma taħt l-Artikolu 29”) fid-Dokument ta' ħidma tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data u l-implikazzjonijiet għall-privatezza fl-inizjattiva eCall, adottat fis-26 ta' Settembru 2006, meta tiġi introdotta l-infrastruttura tal-PSAP tal-eCall, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta' data personali fil-kuntest tat-trattament tal-eCalls ikun totalment konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali previsti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Billi l-eCalls huma sejħiet ta' emerġenza, kif definiti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013, it-trattament ta' dawk is-sejħiet għandu jkun provdut mingħajr ħlas lill-utenti tas-servizz madwar l-UE kollha tal-eCall.

(12)

Skont l-organizzazzjoni tat-trattament ta' sejħiet ta' emerġenza f'kull Stat Membru, tali sejħiet jistgħu l-ewwel jiġu riċevuti taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità pubblika jew organizzazzjoni privata rikonoxxuta mill-Istat Membru kkonċernat. B'mod partikolari, l-eCalls jistgħu jiġu ttrattati b'mod differenti skont it-tip ta' attivazzjoni (manwali jew awtomatika) tal-eCall.

(13)

F'konformità mal-proċeduri nazzjonali determinati mill-awtorità nazzjonali konċernata, id-data tista' tiġi trasferita lis-sħab fis-servizz, definiti bħala organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati rikonoxxuti minn awtoritajiet nazzjonali li jkollhom rwol fit-trattament tal-inċidenti relatati mal-e-Call (inklużi operaturi tat-triq u servizzi ta' assistenza), li għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli ta' privatezza u protezzjoni tad-data kif inhuma applikabbli għall-PSAPs tal-eCall.

(14)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tkun żgurata l-introduzzjoni kkoordinata u koerenti tas-servizz interoperabbli ta' eCall madwar l-Ewropa kollha u li jkunu żgurati l-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà, l-kontinwità u l-konformità totali tas-servizz madwar l-Ewropa, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u/jew mis-settur privat iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu fuq it-territorju tagħhom, mhux inqas minn sitt xhur qabel id-data ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-introduzzjoni tas-sistema eCall immuntata fil-vetturi u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2017, l-infrastruttura tal-PSAP tal-eCALL meħtieġa għar-riċeviment u t-trattament korretti tal-eCalls kollha, jekk meħtieġ ħielsa minn sejħiet mhux ta' emerġenza, f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 305/2013, sabiex jiġu żgurati l-funzjonalità, il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà, l-kontinwità u l-konformità totalitas-servizz eCall interoperabbli madwar l-UE kollha.

2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Stat Membru li jorganizza s-servizzi ta' emerġenza tiegħu b'mod li huwa l-aktar kost-effettiv u l-aktar xieraq għall-bżonnijiet tiegħu, inkluża l-ħila li jirrifjutaw sejħiet li mhumiex sejħiet ta' emerġenza u li jistgħu ma ikunux trattati mill-PSAPs tal-eCall, b'mod partikolari fil-każ ta' eCalls attivati manwalment.

Dan il-paragrafu u l-paragrafu 1 huma mingħajr preġudizzju għad-dritt li kull Stat Membru jħalli lill-organizzazzjonijiet privati rikonoxxuti minnu jittrattaw ir-riċeviment u t-trattament ta' wħud mill-eCalls jew kollha kemm huma, f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 305/2013.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data trasmessa permezz tas-servizz eCall tintuża esklużivament għall-ksib tal-objettivi ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament tal-eCalls isir mingħajr ħlas lill-utenti tas-servizz madwar l-UE kollha tal-eCall.

Artikolu 3

Sa mhux aktar tard mill-24 ta' Diċembru 2015, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Fir-rapporti tagħhom huma għandhom jinkludu mill-inqas il-lista ta' awtoritajiet kompetenti fdati bil-valutazzjoni tal-konformità tal-operazzjonijiet tal-PSAPs ta' eCall, bil-lista tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013, il-lista u l-kopertura ġeografika tal-PSAPs tal-eCall, id-deskrizzjoni tat-testijiet ta' konformità u d-deskrizzjoni tal-protokolli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-Data.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eCalls jistgħu jsiru minn kwalunkwe post fit-territorju tagħhom, dment li tal-anqas ikun hemm disponibbli netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjoni mobbli.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 47.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.

(3)  Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall- interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(4)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013 tas-26 ta' Novembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment armonizzat ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha (ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1).

(5)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(6)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).


Top