EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0541

Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju

OJ L 158, 27.5.2014, p. 227–234 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0696

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/541(1)/oj

27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/227


DEĊIŻJONI Nru 541/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 189(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' April 2011 bit-titolu “Lejn strateġija tal-ispazju għall-Unjoni Ewropea li tibbenefika liċ-ċittadini tagħha”, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kompetenza kondiviża fil-qasam tal-ispazju mogħtija lill-Unjoni bit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) hija marbuta mill-qrib ma' sħubija msaħħa mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li kull azzjoni ġdida għandha tkun ibbażata fuq riżorsi eżistenti u fuq l-identifikazzjoni konġunta fejn huma meħtieġa riżorsi ġodda.

(2)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2008 bit-titolu “Jitwettaq progress fil-Politika Spazjali Ewropea” (3), il-Kunsill fakkar li l-assi spazjali saru indispensabbli għall-ekonomija tagħna u li s-sigurtà tagħhom għandha tiġi żgurata. Huwa ssottolinja l-'ħtieġa għall-Ewropa […] li tiżviluppa kapaċità Ewropea għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-infrastruttura spazjali tagħha u tal-fdalijiet spazjali, inizjalment ibbażata fuq assi eżistenti nazzjonali u Ewropej, waqt li tibbenefika minn relazzjonijiet li setgħu kienu diġà stabbiliti ma' nazzjonijiet sħab oħrajn u l-kapaċitajiet tagħhom'.

(3)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 bit-titolu “Sfidi globali: nieħdu vantaġġ sħiħ mis-sistemi spazjali Ewropej”, il-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa għal kapaċità futura ta' għarfien tas-sitwazzjonijiet fl-ispazju (SSA) bħala attività fil-livell Ewropew biex jiġu żviluppati u sfruttati assi ċivili u militari kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej u stieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jipproponu skema ta' governanza u politika dwar id-data li ser jippermettu lill-Istati Membri jikkontribwixxu bil-kapaċitajiet nazzjonali rilevanti tagħhom f'konformità mar-rekwiżiti u r-regolamenti tas-sigurtà applikabbli. Huwa stieden ukoll 'lill-atturi istituzzjonali Ewropej kollha biex jesploraw miżuri adatti' li jkunu bbażati fuq rekwiżiti ċivili u militari tal-utenti definiti, jużaw l-assi rilevanti skont ir-rekwiżiti ta' sigurtà applikabbli, u jisfruttaw l-iżviluppi mill-programm ta' tħejjija tas-SSA tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

(4)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2011 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn strateġija spazjali tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini” u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2011 bit-titolu 'Orjentazzjonijiet dwar il-valur miżjud u l-benefiċċji tal-ispazju għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej' (4) tennew il-ħtieġa għal kapaċità effettiva għal SSA bħala attività fil-livell Ewropew, u talba lill-Unjoni biex 'tagħmel l-aktar użu wiesa' possibbli tal-assi, il-kompetenzi u l-ħiliet diġà eżistenti jew li qed jiġu żviluppati fl-Istati Membri, fil-livell Ewropew u kif xieraq f'dak internazzjonali'. Filwaqt li rrikonoxxa n-natura ta' użu doppju ta' tali sistema u qies id-dimensjoni ta' sigurtà partikolari tagħha, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESA u l-Istati Membri, li huma s-sidien ta' tali assi u għandhom kapaċitajiet, u f'konsultazzjoni mal-atturi kollha involuti, biex jippreżentaw proposti għall-isfruttament ta' u l-bini fuq dawk l-assi u l-kapaċitajiet sabiex tiġi żviluppata kapaċità għal SSA bħala attività f'livell Ewropew, u f'dak il-kuntest, biex jiddefinixxu politika adatta ta' governanza u data b'kont meħud tas-sensittività kbira tad-data tas-SSA.

(5)

Is-SSA huwa ġeneralment mifhum li jkopri tliet oqsma prinċipali jiġifieri s-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (STT), il-Monitoraġġ u l-Previżjoni tat-Temp fl-Ispazju; u Oġġetti Qrib id-Dinja. Attivitajiet f'dawn iż-żoni għandhom l-għan li jipproteġu l-infrastrutturi fl-ispazju u mill-ispazju. Din id-Deċiżjoni, li tkopri l-SST, għandha trawwem sinerġiji fost dawn l-oqsma.

(6)

Bil-għan li jitnaqqsu r-riskji ta' kolliżjoni, l-Unjoni tfittex ukoll sinerġiji ma' inizjattivi ta' tneħħija attiva u miżuri ta' passivazzjoni tar-residwi spazjali, bħal dik żviluppata mill-ESA.

(7)

Ir-residwu spazjali sar theddida serja għas-sigurtà, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet fl-ispazju. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit qafas għall-appoġġ tal-SST bil-għan li jappoġġa l-istabbiliment u t-tħaddim ta' servizzi li jikkonsistu f'monitoraġġ u spezzjoni ta' oġġetti spazjali bil-għan li tiġi evitata l-ħsara lill-vetturi spazjali li tirriżulta minn kolliżjonijiet u l-proliferazzjoni tar-residwu spazjali, u bil-għan li jipprevedi t-trajettorji u mogħdijiet ta' dħul mill-ġdid, sabiex jipprovdi l-aħjar informazzjoni lis-servizzi governattivi u tal-protezzjoni ċivili fl-eventwalità ta' dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat ta' vetturi spazjali sħaħ jew ir-residwu spazjali tagħhom fl-atmosfera tad-Dinja.

(8)

Il-qafas għall-appoġġ tal-SST għandu jikkontribwixxi għall-iżgurar tad-disponibbiltà fit-tul tal-infrastruttura, il-faċilitajiet u s-servizzi spazjali Ewropej u nazzjonali li huma essenzjali għas-sikurezza u s-sigurtà tal-ekonomiji, is-soċjetajiet u ċ-ċittadini fl-Ewropa.

(9)

L-operaturi kollha pubbliċi u privati ta' infrastrutturi bbażati fl-ispazju ser jibbenefikaw mill-forniment tas-servizzi tal-SST, inkluża l-Unjoni, fid-dawl tar-responsabbiltajiet tal-Unjoni għall-programmi spazjali tal-Unjoni, b'mod partikolari s-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita Galileo u EGNOS stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif ukoll il-Programm Copernicus stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). It-twissijiet bikrija ta' dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat u l-istima tal-perijodu ta' żmien u ż-żona tal-impatt ser igawdu wkoll minnhom l-awtoritajiet pubbliċi relatati mal-protezzjoni ċivili. Barra minn hekk dawk is-servizzi jistgħu jkunu wkoll ta' interess għal utenti oħra, bħal assiguraturi privati biex jagħmlu stima tar-responsabbiltajiet potenzjali li jirriżultaw minn kolliżjoni matul il-ħajja ta' satellita. Barra minn hekk, għandu jiġi previst fit-tul, servizz ta' informazzjoni għall-pubbliku disponibbli b'xejn u li jista' jintuża mill-ġdid dwar elementi orbitali ta' oġġetti spazjali f'orbita mad-Dinja.

(10)

Is-servizzi tal-SST għandhom ikunu komplementari għall-attivitajiet ta' riċerka relatati mal-protezzjoni tal-infrastruttura bbażata fl-ispazju mwettqa taħt Orizzont 2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-programmi spazjali ewlenin tal-Unjoni, Copernicus u Galileo, l-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” infrastrutturi oħra tat-telekomunikazzjoni, li jgħinu fir-realizzazzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni, inizjattivi relatati mas-sigurtà, kif ukoll għall-attivitajiet tal-ESA.

(11)

Il-qafas għall-appoġġ tal-SST għandu jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-użu u l-esplorazzjoni paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku.

(12)

Il-qafas għall-appoġġ tal-SST għandu jikkunsidra l-kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali, b'mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet terzi oħra, partikolarment biex jiġu evitati kolliżjonijiet fl-ispazju u tiġi prevenuta l-proliferazzjoni tar-residwu spazjali. Barra minn hekk, għandu jkun ukoll komplementari għall-miżuri ta' mitigazzjoni eżistenti bħal-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-mitigazzjoni tar-residwu spazjali jew inizjattivi oħra, biex jiġu żgurati s-sikurezza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet extratmosferiċi. Għandu jkun konsistenti wkoll mal-proposta tal-Unjoni għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali dwar l-attivitajiet extratmosferiċi.

(13)

Il-qafas għall-appoġġ tal-SST għandu jikkonsisti f'netwerking u fl-użu ta' assi nazzjonali tal-SST biex jiġu pprovduti servizzi tal-SST. Ladarba dan ikun inkiseb, għandu jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta' sensers ġodda jew it-titjib ta' sensers eżistenti mħaddma mill-Istati Membri.

(14)

Il-Kummissjoni u l-konsorzju tal-SST stabbilit taħt din id-Deċiżjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESA u partijiet interessati oħra, għandhom ikomplu jieħdu f'idejhom it-tmexxija ta' djalogi tekniċi dwar l-SST mas-sħab strateġiċi, f'konformità mal-kompetenza rispettiva tagħhom.

(15)

Ir-rekwiżiti tal-utent ċivili u militari tas-SSA ġew definiti fid-dokument ta' ħidma approvati tal-persunal tal-Kummissjoni “Rekwiżiti tal-utenti ċivili-militari ta' livell għoli għall-għarfien tas-sitwazzjonijiet fl-ispazju Ewropew”. Il-forniment tas-servizzi tal-SST għandha tkun mqanqla minn bżonnijiet tal-utenti ċivili. Skopijiet purament militari ma għandhomx jiġu indirizzati b'din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura mekkaniżmu għar-reviżjoni u l-aġġornament regolari tar-rekwiżiti tal-utent kif adatt, bl-involviment tar-rappreżentanti tal-komunità ta' utenti. Għal dak il-għan, għandha tkompli d-djalogu meħtieġ mal-atturi rilevanti bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-ESA.

(16)

It-tħaddim tas-servizzi tal-SST għandu jkun ibbażat fuq sħubija bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jagħmel użu minn għarfien espert u assi nazzjonali eżistenti kif ukoll futuri, inklużi dawk żviluppati permezz tal-ESA. L-Istati Membri għandhom iżommu l-pussess u l-kontroll tal-assi tagħhom u għandhom jibqgħu responsabbli għat-tħaddim, il-manutenzjoni u t-tiġdid tagħhom. Il-qafas għall-appoġġ tal-SST ma għandux jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta' sensers tal-SST ġodda. Jekk tinqala' l-ħtieġa għal sensers ġodda sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-utent, dik il-ħtieġatista' tiġi indirizzata jew f'livell nazzjonali jew permezz ta' programm Ewropew tar-riċerka u l-iżvilupp, skont kif xieraq. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mill-akbar għadd ta' Stati Membri fil-qafas għall-appoġġ tal-SST, soġġett għall-konformità mal-kriterji tal-parteċipazzjoni.

(17)

Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), aġenzija tal-Unjoni li twaqqfet permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK (8) li tipprovdi servizzi u prodotti ta' informazzjoni dwar l-immaġini ġeospazjali b'livelli varji ta' klassifikazzjoni lill-utenti ċivili u militari, jista' jikkontribwixxi għall-forniment tas-servizzi tal-SST. L-għarfien espert tiegħu fl-immaniġġjar tal-informazzjoni klassifikata f'ambjent sigur u r-rabtiet istituzzjonali stretti mal-Istati Membri huwa vantaġġ li jiffaċilita l-immaniġġjar u l-forniment tas-servizzi tal-SST. Prekundizzjoni għar-rwol tas-SATCEN fil-qafas għall-appoġġ tal-SST hija l-emenda ta' dik l-Azzjoni Konġunta li attwalment ma tipprevedix azzjoni tas-SATCEN fil-qasam tal-SST. Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tikkoopera mas-SEAE, fid-dawl tar-rwol tas-SEAE ta' appoġġ għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika tal-Affarijiet Esteri u tas-Siġurtà fl-għoti ta' direzzjoni operazzjonali lis-SATCEN.

(18)

Informazzjoni preċiża dwar in-natura, l-ispeċifikazzjonijiet u l-pożizzjoni ta' ċerti oġġetti spazjali tista' taffettwa s-sigurtà tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi. L-Istati Membri u, fejn adatt, permezz tal-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill (Kumitat tas-Sigurtà) għandhom iqisu kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà adegwati u, fl-istabbiliment u l-operazzjoni tan-netwerk tal-kapaċitajiet rilevanti, inkluż is-sensers tal-SST, il-kapaċità li tiġi pproċessata u analizzata d-data tal-SST u l-forniment tas-servizzi tal-SST. Għalhekk huwa meħtieġ li f'din id-Deċiżjoni jiġu stipulati dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-użu u l-iskambju sigur tal-informazzjoni tal-SST bejn l-Istati Membri, ir-riċevituri ta' servizzi tal-SST u, fejn rilevanti, is-SATCEN. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni meħtieġa biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-qafas għall-appoġġ tal-SST.

(19)

L-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu responsabbli għan-negozjati u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tad-data tal-SST u dwar l-użu u l-iskambju tal-informazzjoni tal-SST. Id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tad-data tal-SST u dwar l-użu u l-iskambju tal-informazzjoni tal-SST stabbilita f'din id-Deċiżjoni u fil-ftehim bejn l-Istati Membri parteċipanti u, fejn adatt, is-SATCEN għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet approvati dwar is-sigurtà tad-data tal-SST.

(20)

Is-sensittività potenzjali tad-data tal-SST tirrikjedi kooperazzjoni bbażata fuq effiċjenza u fiduċja, inkluż fil-mod kif id-data tal-SST tiġi pproċessata u analizzata. L-użu potenzjali ta' softwer b'sors miftuħ li jippermetti l-aċċess sigur tal-kontributuri awtorizzati tad-data tal-SST għall-kodiċi tas-sors għal modifiki u titjib operattiv għandu jikkontribwixxi għal dak l-objettiv.

(21)

Il-Kumitat tas-Sigurtà irrakkomanda l-ħolqien ta' struttura għall-immaniġġjar tar-riskji sabiex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tad-data jitqiesu kif dovut fl-implimentazzjoni tal-qafas għall-appoġġ tal-SST. Għal dak il-għan, l-istrutturi u l-proċeduri xierqa għall-immaniġġjar tar-riskji għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri u, fejn adatt, is-SATCEN, b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tas-Sigurtà.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(23)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, fosthom li tappoġġa azzjonijiet maħsuba għall-istabbiliment u t-tħaddim tan-netwerk ta' sensers, l-istabbiliment tal-kapaċità tal-proċess u l-analiżi tad-data tal-SST, u l-istabbiliment u t-tħaddim ta' servizzi tal-SST, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri meta jaġixxu waħidhom, minħabba li l-forniment ta' servizzi bħal dawn minn konsorzju ta' Stati Membri parteċipanti jkun ta' benefiċċju għall-Unjoni, partikolarment fir-rwol tagħha bħala sid ewlieni tal-assi tal-ispazju, iżda jistgħu, minħabba l-iskala ta' din id-Deċiżjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. dwar l-Unjoni Ewropea Konformement mall-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(24)

L-objettivi ta' din id-Deċiżjoni huma simili għall-objettivi tal-programmi stabbiliti: bir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 fl-Artikoli 1, 3(c) u (d) u 4 tiegħu; bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (10), fl-Artikolu 2(2)(b) u (c) tiegħu, fl-Anness I, parti II, punt 1.6.2 (d) tiegħu u fl-Anness I, parti III, punti 7.5 u 7.8 tiegħu; bir-Regolament (UE) Nru 377/2014, fl-Artikolu 8(2)(b) tiegħu, li jalloka ammont sa EUR 26,5 miljunfi prezzijiet attwali. L-isforz finanzjarju globali għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-qafas għall-appoġġ tal-SST, partikolarment in-netwerking tal-assi eżistenti, huwa stmat li jkun EUR 70 miljun. B'kont meħud tas-similarità tal-objettivi ta' din id-Deċiżjoni u dawk tal-programmi msemmija hawn fuq, l-azzjonijiet stabbiliti permezz ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu finanzjati minn dawk il-programmi, f'konformità sħiħa mal-att bażiku tagħhom.

(25)

Il-garanzija ta' livell aċċettabbli ta' awtonomija Ewropea fl-attivitajiet tal-SST tista' titlob l-adozzjoni ta' att bażiku skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) għall-SST. Tali possibilità għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali.

(26)

Filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura sensittiva tal-għarfien tal-SSA, it-tħaddim ta' sensers u l-ipproċessar ta' data li twassal għall-forniment ta' servizzi tal-SST għandha tibqa' tal-Istati Membri parteċipanti. L-assi nazzjonali tal-SST ser jibqgħu taħt l-awtorità tal-Istati Membri responsabbli għall-kontroll u t-tħaddim tagħhom,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-qafas

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas għall-appoġġ tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Oġġett spazjali” tfisser kwalunkwe oġġett magħmul mill-bniedem fl-ispazju extratmosferiku;

(2)

“Vettura spazjali” tfisser kwalunkwe oġġett spazjali li jkollu skop speċifiku, inklużi s-satelliti artifiċjali attivi u l-partijiet ta' fuq tal-lanċaturi;

(3)

“Residwu spazjali” tfisser kwalunkwe oġġett spazjali inklużi l-vetturi spazjali jew frammenti u elementi tagħhom, fl-orbita tad-Dinja jew li jerġgħu jidħlu fl-atmosfera tad-Dinja, li mhumiex funzjonali jew li ma għadx għandhom skop speċifiku, inklużi l-partijiet ta' rokits jew satelliti artifiċjali, jew satelliti artifiċjali inattivi;

(4)

“Senser tal-SST” tfisser mezz jew kumbinazzjoni ta' mezzi, bħal pereżempju radars u teleskopji bbażati fl-art jew fl-ispazju, bil-kapaċità li jkejlu parametri fiżiċi relatati mal-oġġetti spazjali, bħad-daqs, il-pożizzjoni u l-veloċità;

(5)

“Data tal-SST” tfisser parametri fiżiċi tal-oġġetti spazjali miksuba mis-sensers tal-SST jew il-parametri fl-orbita ta' oġġetti spazjali meħudin mill-osservazzjonijiet tas-sensers tal-SST.

(6)

“Informazzjoni tal-SST” tfisser data tal-SST ipproċessata li tkun tista' tinftiehem malajr minn min qed jirċeviha.

Artikolu 3

Objettivi tal-qafas għall-appoġġ tal-SST

1.   L-objettiv ġenerali tal-qafas għall-appoġġ tal-SST huwa li jikkontribwixxi għall-iżgurar tad-disponibbiltà fit-tul tal-infrastruttura, il-faċilitajiet u s-servizzi spazjali Ewropej u nazzjonali li huma essenzjali għas-sikurezza u s-sigurtà tal-ekonomiji, is-soċjetajiet u ċ-ċittadini fl-Ewropa.

2.   L-objettivi speċifiċi tal-qafas għall-appoġġ tal-SST huma:

(a)

il-valutazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji għal operazzjonijiet fl-orbita ta' inġenji spazjali Ewropej relatati ma' kolliżjonijiet u biex l-operaturi tal-inġenji spazjali jkunu jistgħu jippjanaw u jwettqu l-miżuri ta' mitigazzjoni b'mod aktar effiċjenti;

(b)

it-tnaqqas tar-riskji relatati mal-varar ta' vetturi spazjali Ewropej;

(c)

is-sorveljanza tad-dħul mill-ġdid mhux kontrollat ta' vetturi jew residwi spazjali fl-atmosfera tad-Dinja u l-forniment ta' twissijiet bikrija aktar preċiżi u effiċjenti sabiex jitnaqqsu r-riskji potenzjali għas-sikurezza taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-mitigazzjoni tal-ħsara potenzjali lill-infrastruttura terrestri ta' importanza;

(d)

it-tentattiv li tiġi evitata l-proliferazzjoni tar-residwu spazjali.

Artikolu 4

Azzjonijiet appoġġati mill-qafas għall-appoġġ tal-SST

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi li jinsabu fl-Artikolu 3, il-qafas għall-appoġġ tall-SST għandu jappoġġa l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu kapaċità tal-SST fil-livell Ewropew u b'livell adegwat ta' awtonomija Ewropea:

(a)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' funzjoni tas-sensers li tikkonsisti minn netwerk ta' sensers tal-Istati Membri bbażati fl-art u/jew fl-ispazju, inklużi sensers nazzjonali żviluppati permezz tal-ESA, biex jispezzjonaw u jsegwu l-oġġetti spazjali u jipproduċu bażi tad-data dwaru;

(b)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' funzjoni ta' pproċessar biex tiġi pproċessata u analizzata d-data tal-SST fil-livell nazzjonali sabiex tipproduċi informazzjoni u servizzi tal-SST għat-trasmissjoni lill-funzjoni tal-forniment tas-servizz tal-SST;

(c)

l-istabbiliment ta' funzjoni tal-forniment tas-servizzi tal-SST kif definita fl-Artikolu 5(1) lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(2).

2.   Il-qafas għall-appoġġ tal-SST ma għandux ikopri l-iżvilupp ta' sensers ġodda tal-SST.

Artikolu 5

Servizzi tal-SST

1.   Is-servizzi tal-SST imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom ikunu ta' natura ċivili. Huma għandhom jikkonsistu fis-servizzi li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskji ta' kolliżjoni bejn vetturi spazjali jew bejn vetturi spazjali u r-residwu spazjali u l-ġenerazzjoni ta' twissijiet għall-evitar tal-kolliżjonijiet matul il-fażijiet tal-varar, l-orbita bikrija, l-operazzjoni fl-orbita u l-irtirar ta' missjonijiet tal-vetturi spazjali;

(b)

l-individwazzjoni u l-karatterizzazzjoni tal-frammentazzjonijiet, it-tifrik jew il-kolliżjonijiet fl-orbita;

(c)

il-valutazzjoni tar-riskju tad-dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat ta' oġġetti spazjali u residwu spazjali fl-atmosfera tad-Dinja u l-ġenerazzjoni ta' informazzjoni relatata, inkluża l-istima tal-perijodu ta' żmien u l-pożizzjoni prevista tal-impatt possibbli.

2.   Is-servizzi tal-SST għandhom jiġu pprovduti lil:

(a)

l-Istati Membri kollha;

(b)

l-Kunsill;

(c)

il-Kummissjoni;

(d)

is-SEAE;

(e)

il-propjetarji u l-operaturi tal-vetturi spazjali pubbliċi u privati;

(f)

l-awtoritajiet pubbliċi relatati mal-protezzjoni ċivili.

Is-servizzi tal-SST għandhom jiġu pprovduti f'konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-użu u l-iskambju tad-data u l-informazzjoni tal-SST stabbiliti fl-Artikolu 9.

3.   L-Istati Membri parteċipanti, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, is-SATCEN, ma għandhomx jinżammu responsabbli għal:

(a)

kwalunkwe ħsara li tirriżulta min-nuqqas jew l-interruzzjoni tal-forniment tas-servizzi tal-SST;

(b)

kwalunkwe dewmien fil-forniment tas-servizzi tal-SST;

(c)

kwalunkwe nuqqas ta' eżattezza tal-informazzjoni pprovduta permezz tas-servizzi tal-SST; jew

(d)

kwalunkwe azzjoni meħuda b'rispons għall-forniment tas-servizzi tal-SST.

Artikolu 6

Rwol tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

timmaniġġja l-qafas għall-appoġġ tal-SST u tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

tieħu l-miżuri meħtieġa biex tidentifika, tikkontrolla, timmitiga u tissorvelja r-riskji relatati mal-qafas għall-appoġġ tal-SST;

(c)

tiżgura l-aġġornament tar-rekwiżiti tal-utent tal-SST kif adatt;

(d)

tiddefinixxi linji gwida ġenerali għall-governanza tal-qafas għall-appoġġ tal-SST, partikolarment biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment u l-operazzjoni tal-konsorzju msemmi fl-Artikolu 7(3);

(e)

tiffaċilita l-ikbar parteċipazzjoni ġenerali possibbli tal-Istati Membri, kull meta adegwat, f'konformità mal-Artikolu 7.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu pjan ta' koordinazzjoni u miżuri tekniċi rilevanti għall-attivitajiet tal-qafas għall-appoġġ tal-SST. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien xieraq, l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għall-appoġġ tal-SST, b'mod partikolari biex tingħata trasparenza u ċarezza dwar:

(a)

l-isforzi indikattivi u s-sorsi differenti ta' finanzjament tal-Unjoni;

(b)

il-parteċipazzjoni fil-qafas għall-appoġġ tal-SST u l-azzjonijiet appoġġati minnu;

(c)

l-evoluzzjoni tan-netwerking tal-assi tal-SST tal-Istati Membri u tal-forniment tas-servizz tal-SST;

(d)

l-iskambju u l-użu ta' informazzjoni tal-SST.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni ta' Stati Membri

1.   Stat Membru li jixtieq jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4 għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni li turi l-konformità mal-kriterji li ġejjin:

(a)

sjieda ta' jew aċċess għal:

(i)

sensers tal-SST adegwati disponibbli jew li qed jiġu żviluppati u riżorsi tekniċi u umani biex iħaddmuhom, jew

(ii)

kapaċitajiet adegwati tal-analiżi operattiva u tal-ipproċessar tad-data speċifikament allokati għall-SST;

(b)

l-istabbiliment ta' pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 inklużi l-modalitajiet ta' kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' proċeduri għall-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet u l-konformità tal-Istati Membri mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(2).

3.   L-Istati Membri kollha li jkunu konformi mal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jaħtru entità nazzjonali li tirrappreżentahom. L-entitajiet nazzjonali maħtura għandhom jikkostitwixxu konsorzju u għandhom jikkonkludu l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 10.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna fil-websajt tagħha l-lista tal-Istati Membri parteċipanti.

5.   Ir-responsabbiltà għat-tħaddim tas-sensers, l-ipproċessar tad-data u l-implimentazzjoni tal-politika dwar id-data għandha tkun tal-Istati Membri parteċipanti. L-assi tal-Istati Membri parteċipanti għandhom jibqgħu kompletament taħt il-kontroll nazzjonali.

Artikolu 8

Rwol taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea

Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN) jista' jikkoopera mal-konsorzju li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 7(3). F'dak il-każ huwa għandu jikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa ta' implimentazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 9

Data tal-SST u informazzjoni tal-SST

L-użu u l-iskambju tal-informazzjoni tal-SST maħruġa mill-konsorzju u l-użu tad-data tal-SST fil-kuntest tal-qafas għall-appoġġ tal-SST għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4 għandhom ikunu soġġetti għar-regoli li ġejjin:

(a)

id-divulgazzjoni mhux awtorizzata ta' data u informazzjoni għandha tiġi evitata filwaqt li jitħallew isiru biżżejjed operazzjonijiet u jiġi massimizzat l-użu tal-informazzjoni ġġenerata;

(b)

għandha tiġi żgurata s-sigurtà tad-data tal-SST;

(c)

l-informazzjoni u s-servizzi tal-SST għandhom ikunu disponibbli fuq bażi ta' ħtieġa għall-informazzjoni lir-riċevituri tas-servizzi tal-SST definiti fl-Artikolu 5(2), skont l-istruzzjonijiet u r-regoli ta' sigurtà ta' min jagħti l-informazzjoni u tas-sid tal-oġġett spazjali kkonċernat.

Artikolu 10

Koordinazzjoni tal-attivitajiet operattivi

L-entitajiet nazzjonali maħtura li jikkostitwixxu l-konsorzju msemmi fl-Artikolu 7(3) għandhom jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi r-regoli u l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4. B'mod partikolari, dak il-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal:

(a)

l-użu u l-iskambju tal-informazzjoni tal-SST filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet approvati “Politika tad-data dwar l-Għarfien tas-Sitwazzjonijiet fl-Ispazju — rakkomandazzjonijiet dwar l-aspetti tas-sigurtà”;

(b)

l-istabbiliment ta' struttura għall-immaniġġjar tar-riskji biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu u l-iskambju sigur tad-data tal-SST u l-informazzjoni tal-SST;

(c)

kooperazzjoni mas-SATCEN biex tiġi implimentata l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(c).

Artikolu 11

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ fuq l-implimentazzjoni tal-qafas għall-appoġġ tal-SST.

2.   Sal-1 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għall-appoġġ tal-SST fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ta' din id-Deċiżjoni, mill-perspettiva kemm tar-riżultati kif ukoll tal-impatti, l-effettività tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew.

Dan ir-rapport jista' jiġi akkumpanjat minn proposti għal emendi, fejn adegwat, inkluża l-possibbiltà għal att bażiku skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għall-SST.

Artikolu 12

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  ĠU C 268, 23.10.2008, p. 1.

(4)  ĠU C 377, 23.12.2011, p. 1.

(5)  Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(8)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istabbiliment ta' Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 200, 25.7.2001, p. 5).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


Top