EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0486

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat- 22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine)

OJ L 217, 23.7.2014, p. 42–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/04/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/486/oj

23.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/486/PESK

tat-22 ta' Lulju 2014

dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' April 2014, il-Kunsill esprima r-rieda tiegħu li jgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma fis-settur tas-sigurtà ċivili, l-appoġġ tal-pulizija u l-istat tad-dritt u li jfassal Qafas Politiku għall-Approċċ għall-Kriżijiet (PFCA) fl-Ukraina, filwaqt li jeżamina l-alternattivi kollha, inkluż permezz ta' missjoni possibbli ta' Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK).

(2)

Fit-8 ta' Mejju 2014, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukraina bagħat ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) li esprima interess fl-iskjerament ta' missjoni tal-PSDK fl-Ukraina.

(3)

Fit-12 ta' Mejju 2014, il-Kunsill fakkar fir-rieda tiegħu li jgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, laqa' l-QPAK fl-Ukraina u ta lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) l-kompitu tat-tħejjija ta' Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi (KMK) għal missjoni ċivili tal-PSDK possibbli. Huwa ssottolinja wkoll l-importanza ta' koordinazzjoni u komplementarjetà mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u atturi internazzjonali oħrajn.

(4)

Fit-23 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill approva l-KMK fir-rigward ta' azzjoni possibbli tal-PSDK b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili.

(5)

Fil-11 ta' Lulju 2014, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukraina bagħat ittra lir-RGħ fejn aċċetta l-iskjerament ta' missjoni tal-PSDK.

(6)

EUAM Ukraine ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

L-Unjoni għandha twettaq Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) biex tgħin lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, inkluż il-pulizija u l-istat tad-dritt.

Artikolu 2

Mandat

1.   B'appoġġ għall-impenji tal-Ukraina għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-missjoni ċivili mhux eżekuttiva tal-PSDK għandha tiggwida u tagħti pariri lill-korpi Ukraini rilevanti fit-tfassil ta' strateġiji ta' sigurtà mġedda u fl-implimentazzjoni sussegwenti tal-isforzi ta' riforma komprensivi u koeżivi rilevanti, sabiex:

joħolqu qafas kunċettwali għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' riformi li jirriżultaw f'servizzi tas-sigurtà sostenibbli li jħaddmu l-istat tad-dritt, b'mod li jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-leġittimità tagħhom u għal aktar kunfidenza u fiduċja mill-pubbliku, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u b'konsistenza mal-proċess ta' riforma kostituzzjonali;

jorganizzaw mill-ġdid u jirristrutturaw is-servizzi tas-sigurtà b'mod li jippermetti l-irkupru ta' kontroll u responsabbiltà fuqhom.

Biex tilħaq l-għanijiet tagħha, EUAM Ukraine għandha topera skont il-parametri stabbiliti fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi (KMK) approvat mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2014 u fid-dokumenti ta' ippjanar operazzjonali.

2.   Fi ħdan il-mandat inizjali tagħha, il-missjoni għandha tassisti fi proċess ta' ppjanar komprensiv għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, tappoġġa tħejjija rapida u implimentazzjoni tal-miżuri ta' riforma.

Artikolu 3

Linja ta' kmand u struttura

1.   EUAM Ukraine għandu jkollha linja ta' kmand unifikata għall-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.   EUAM Ukraine għandu jkollha l-Kwartieri Ġenerali tagħha fi Kiev.

3.   EUAM Ukraine għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti ta' ppjanar tagħha.

Artikolu 4

Ippjanar u tnedija ta' EUAM Ukraine

1.   Il-missjoni għandha titnieda permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta' EUAM Ukraine ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.

2.   Il-kompiti tal-Element Ewlieni ta' EUAM Ukraine għandhom ikunu li jħejji l-installazzjoni tal-missjoni f'termini ta' loġistika, ta' infrastruttura u ta' sigurtà u li jagħti l-kontribut meħtieġ biex jitfasslu d-dokumenti ta' ippjanar operazzjonali kif ukoll it-tieni dikjarazzjoni tal-impatt baġitarju.

Artikolu 5

Kmandant tal-operazzjoni ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CCPC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta' EUAM Ukraine. Is-CCPC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija ta' EUAM Ukraine.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta' EUAM Ukraine.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta' pariri u appoġġ tekniku lilu.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istat ta' oriġini f'konformità mar-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettament.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll ta' EUAM Ukraine fil-livell operattiv fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaqa' direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minnu.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant ta' EUAM Ukraine fil-qasam ta' responsabbiltà tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni fi kwistjonijiet ta' persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal ta' EUAM Ukraine taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għal EUAM Ukraine, inkluż fir-rigward tal-mezzi, ir-riżorsi u t-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji tal-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjonijiet dixxiplinari għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali f'konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.

Artikolu 7

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUAM Ukraine. Il-Kunsill għandu jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet adatti f'dan ir-rigward, f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi b'mod partikolari s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-kunċett ta' operazzjonijiet (CONOPS) u l-pjan ta' operazzjoni (OPLAN). Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni ta' EUAM Ukraine għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma tar-responsabbiltà rispettivi tagħhom.

Artikolu 8

Persunal

1.   Il-persunal ta' EUAM Ukraine għandu jikkonsisti, primarjament, minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta' kuljum.

2.   Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn, jew li jikkonċerna membru tal-persunal issekondat minnu/ha, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.

3.   Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati wkoll fuq bażi kuntrattwali minn EUAM Ukraine jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.

4.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn EUAM Ukraine u l-membri tal-persunal ikkonċernati.

Artikolu 9

Status ta' EUAM Ukraine u l-persunal tagħha

L-istatus ta' EUAM Ukraine u l-persunal tagħha, inklużi, fejn ikun kunsiljabbli, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta' EUAM Ukraine, għandhom ikunu l-oġġett ta' ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għal EUAM Ukraine, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Ukraina, u sakemm huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi ta' EUAM Ukraine, kif meħtieġ.

2.   L-Istati Terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lil EUAM Ukraine għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi daqs l-Istati Membri fil-ġestjoni ta' kuljum ta' EUAM Ukraine.

3.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżi, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' EUAM Ukraine.

Artikolu 11

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta' sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom minn EUAM Ukraine f'konformità mal-Artikolu 5.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta' EUAM Ukraine u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għal EUAM Ukraine, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi megħjun minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

4.   Fir-rigward tas-sigurtà, il-persunal ta' EUAM Ukraine għandu jirċievi taħriġ obbligatorju ta' sigurtà, adattat għar-riskju kif evalwat fil-qasam tar-riorganizzazzjoni. Għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-MSO.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

Artikolu 12

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għal EUAM Ukraine.

Artikolu 13

Arranġamenti legali

EUAM Ukraine għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata ma' EUAM Ukraine sat-30 ta' Novembru 2014 għandu jkun ta' EUR 2 680 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist minn EUAM Ukraine għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Minbarra dan, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija minn EUAM Ukraine. Soġġett għal approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-Missjoni tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lil EUAM Ukraine.

3.   EUAM Ukraine għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-missjoni. Għal dan il-għan, EUAM Ukraine għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus ta' EUAM Ukraine u l-persunal tagħha, EUAM Ukraine għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda minn ..., bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' mġiba ħażina ħafna mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom il-Kap tal-Missjoni għandu jġorr ir-responsabbiltà.

5.   L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali ta' EUAM Ukraine, inkluż il-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-firma tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 15

Ċellula ta' proġetti

1.   EUAM Ukraine għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. EUAM Ukraine għandha, kif meħtieġ, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati ma' EUAM Ukraine u b'appoġġ tal-objettivi tagħha.

2.   Soġġetta għall-paragrafu 3, EUAM Ukraine għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra ta' EUAM Ukraine, jekk il-proġett ikun:

previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja ta' din id-deċiżjoni; jew

inkluż matul il-mandat permezz ta' modifika ta' din id-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

EUAM Ukraine għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet minn EUAM Ukraine fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet minn EUAM Ukraine fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi liċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni tal-KPS.

Artikolu 16

Konsistenza tar-rispons u l-koordiment tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali.

2.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Ukraina sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Ukraina. Mingħajr ma jinterferixxi fil-linja ta' kmand, il-Kap tad-Delegazzjoni fi Kiev għandu jagħti direttivi politiċi fuq livell lokali lill-Kap tal-Missjoni EUAM Ukraine. Il-Kap tal-Missjoni EUAM Ukraine u l-Kap tad-Delegazzjoni fi Kiev għandhom jagħtu bidu għall-konsultazzjonijiet kif meħtieġ.

3.   Għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn EUAM Ukraine u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukraina (EUBAM Moldova-Ukraina).

4.   Barra minn hekk, għandhom jitfittxu l-kooperazzjoni sistematika, il-koordinazzjoni u l-komplimentarjetà mal-attivitajiet ta' sħab internazzjonali oħra rilevanti, b'mod partikolari mal-OSKE sabiex tiġi żgurata azzjoni effettiva.

Artikolu 17

Rilaxx ta' informazzjoni

1.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata, jekk meħtieġ u skont il-ħtiġijiet ta' EUAM Ukraine, tikkomunika lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta' EUAM Ukraine, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

2.   Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ għandha tkun awtorizzata ukoll tikkomunika lill-Istat ospitanti kull informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” ġenerata għall-finijiet ta' EUAM Ukraine, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

3.   Ir-RGħ għandha tkun awtorizzata tikkomunika lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-Unjoni Ewropea marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar EUAM Ukraine u li jkunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (2).

4.   Ir-RGħ tista' tiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kompetenza li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2, lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni skont l-Anness VI, taqsima VII tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

Artikolu 18

Rieżami Strateġiku

Il-mandat inizjali tal-EUAM Ukraine għandu jkun ta' sentejn. Sena wara t-tnedija tal-missjoni għandu jsir rieżami strateġiku.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u dewmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Din għandha tapplika għal perijodu ta' 24 xahar mid-data tat-tnedija ta' EUAM Ukraine.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top