EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0472

Deċiżjoni Nru 472/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)

OJ L 136, 9.5.2014, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/472/oj

9.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/1


DEĊIŻJONI Nru 472/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209 u l-Artikolu 210(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropewtal-10 ta' Diċembru 2013 (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-tnaqqis tal-faqar u fl-aħħar mill-aħħar il-qerda tiegħu huma l-għan ewlieni tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-ġlieda kontra l-faqar globali tgħin ukoll biex tinbena dinja aktar stabbli, aktar paċifika, b'aktar ġid u aktar ġusta, li tirrifletti l-interdipendenza bejn pajjiżi aktar sinjuri u aktar foqra.

(2)

Kif jingħad fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2012 bl-isem “Aġenda għall-Bidla: il-Futur tal-politika tal-iżvilupp tal-UE”, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tikkonsisti wkoll fil-promozzjoni tal-iżvilupp tal-bniedem u l-progress tal-bnedmin fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inkluża d-dimensjoni kulturali.

(3)

L-Unjoni ilha tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp mill-1957 u issa hija l-akbar donatur tal-għajnuna uffiċjali għall-Iżvilupp fid-dinja.

(4)

It-Trattat ta' Lisbona integra fis-sod il-politika għall-iżvilupp fl-azzjoni esterna tal-Unjoni b'appoġġ għall-interess li għandha l-Unjoni f'dinja stabbli u b'aktar ġid. Il-politika għall-iżvilupp tgħin ukoll biex jiġu indirizzati sfidi globali oħrajn u tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020, stipulata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”.

(5)

L-Unjoni ilha fuq quddiem fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kunċett ta' koerenza fil-politika għall-iżvilupp, li għandha l-għan li ssaħħaħ is-sinerġiji u tnaqqas il-kontradizzjonijiet bejn politiki mhux ta' għajnuna u l-għanijiet ta' żvilupp, sabiex tiżgura li l-politiki tal-Unjoni jappoġġjaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew għall-inqas ma jmorrux kontra l-għan tal-eliminazzjoni tal-faqar.

(6)

Fl-2000, il-komunità internazzjonali ntrabtet li tieħu passi konkreti sal-2015 fil-ġlieda kontra l-faqar, bl-adozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), li ġew aċċettati mill-Unjoni u l-Istati Membri.

(7)

Id-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew” (3), u li jibqa' l-bażi l-aktar komprensiva għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-Unjoni, jappella lill-Unjoni biex tgħin fit-tisħiħ tar-rwol ta' Stati Membri ġodda bħala donaturi ġodda.

(8)

Id-dinja għaddiet minn bidla enormi fis-snin riċenti, inklużi bidliet fix-xejriet li jaffettwaw l-ekonomija globali u l-bilanċ politiku. Fix-xena globali tfaċċaw atturi ġodda, inklużi atturi privati u oħrajn mhux governattivi. Fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni fid-dinja żdiedu l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi. Filwaqt li ekonomiji żviluppati u emerġenti huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-prodott gross domestiku globali, dawn tal-aħħar issa saru l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir globali u diġà għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija dinjija.

(9)

Huwa vitali appoġġ kontinwu fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp f'dinja li qed tinbidel malajr. Madwar 1,3 biljun ruħ għadhom jgħixu f'faqar estrem u l-ħtiġijiet ta' żvilupp uman ta' ħafna aktar għadhom mhux qed jiġu sodisfatti. L-ambjent naturali jinsab taħt pressjoni li dejjem tiżdied u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma affettwati b'mod partikularment qawwi mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Dawk l-isfidi huma universali u marbutin ma' xulxin u jeħtieġ li jiġu indirizzati flimkien mill-pajjiżi kollha.

(10)

Bdew id-diskussjonijiet dwar il-qafas għal wara l-2015: fuq il-bażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011 bl-isem “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 dwar l-Aġenda għall-Bidla, li diġà wasslu għal orjentament ġdid maġġuri tal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp, il-Kummissjoni Ewropea fissret il-fehmiet tagħha fil-komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Frar 2013 bl-isem: “Ħajja diċenti għal kulħadd, neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli”u fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill adotta “L-Aġenda Ġenerali ta' Wara l-2015”, bil-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-qafas ta' żvilupp li jeżisti bħalissa, u li jiġi stabbilit approċċ komuni sabiex jinġiebu flimkien il-qerda tal-faqar u tħassib dwar is-sostenibbilità f'qafas internazzjonali ġenerali.

(11)

Is-sena 2015 għandha tkun emblematika u kruċjali, peress li hija l-aħħar sena biex jintlaħqu l-MDGs, li dwarhom kien hemm qbil kollettiv, u b'hekk tingħata opportunità unika biex jiġu evalwati l-impenji internazzjonali. Is-sena 2015 se tkun ukoll is-sena li fiha għandhom jittieħdu deċiżjonijiet internazzjonali ewlenin dwar il-qafas għall-iżvilupp li se jieħu post il-qafas tal-MDG tul id-deċennji li ġejjin.

(12)

Is-sena 2015 hija s-sena xierqa biex matulha jiġu ppreżentati r-riżultati tal-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni wara l-implimentazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda għall-Bidla.

(13)

Is-sena 2015 se tkun ukoll is-sena li matulha jseħħu avvenimenti internazzjonali importanti fl-Istati Membri, bħall-Wirja Universali “Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-Ħajja” f'Milan, li se tagħti opportunità speċjali biex jiġu diskussi l-politiki għall-iżvilupp globali u biex jitwettqu attivitajiet pubbliċi ta' komunikazzjoni estensivi dwar l-iżvilupp sostenibbli u kwistjonijiet relatati.

(14)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Aġenda għall-Bidla, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tiddikjara s-sena 2015 bħala s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp, u esprima t-tama tiegħu li dan jista' jgħolli l-profil tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

(15)

Is-sena 2015 għandha għalhekk tiġi nominata Sena Ewropea għall-Iżvilupp (“is-Sena Ewropea”) sabiex tipprovdi opportunità f'waqtha biex titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku inġenerali dwar l-orjentazzjoni attwali tal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp. Hija meħtieġa informazzjoni dwar kif Unjoni li tħares 'il barra tista' tgħin biex tiżgura sostenibbiltà globali. Dan jinkludi t-tqajjim tal-għarfien dwar l-interdipendenza globali u li jintwera li l-iżvilupp huwa aktar minn sempliċiment għajnuna.

(16)

Ta' importanza essenzjali għall-impatt pożittiv tal-azzjoni tal-Unjoni għall-iżvilupp hija sa liema livell hija tgawdi minn appoġġ popolari u politiku wiesa' u tagħti prova tal-użu effettiv u effiċjenti tal-fondi pubbliċi biex jinkisbu riżultati għall-iżvilupp. Is-Sena Ewropea għandha, għalhekk, isservi ta' katalist biex titqajjem kuxjenza, inkluż permezz ta' dibattitu politiku pubbliku u l-edukazzjoni għall-iżvilupp, biex tinħoloq enerġija dinamika u għall-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, is-sħab soċjali u l-entitajiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet involuti fi kwistjonijiet tal-iżvilupp. Hija għandha tgħin biex tiġi ffukata l-attenzjoni politika u biex jiġi mmobilizzat kull min hu kkonċernat sabiex jiġu promossi azzjonijiet u inizjattivi ulterjuri kemm f'livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, flimkien mal-benefiċjarji tal-għajnuna għall-iżvilupp u r-rappreżentanti tagħhom.

(17)

Is-Sena Ewropea għandha tqajjem kuxjenza dwar kull forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li jiffaċċjaw in-nisa u t-tfajliet f'bosta reġjuni, partikolarment f'termini ta' aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u s-sistemi tal-kura tas-saħħa kif ukoll iż-żwieġ sfurzat, l-isfruttament sesswali u l-mutilazzjoni ġenitali u prattiki ħżiena oħra.

(18)

L-Ewrobarometru Speċjali 392 bl-isem “Solidarjetà li twassal madwar id-Dinja: l-Ewropej u l-għajnuna għall-iżvilupp”, ippubblikat f'Ottubru 2012, wera li 85 % taċ-ċittadini tal-Unjoni kienu favur li tingħata għajnuna lil nies f'pajjiżi sħab. Kif jingħad fir-rapport, minkejja l-klima ekonomika attwali, aktar minn sitta minn kull għaxar ċittadini jaħsbu li l-għajnuna għan-nies fil-pajjiżi sħab għandha tiżdied. Fl-istess ħin, dak ir-rapport wera b'mod ċar li hemm nuqqas ta' għarfien dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, fatt li jindika l-ħtieġa ta' komunikazzjoni aħjar.

(19)

Il-koordinazzjoni effiċjenti bejn is-sħab kollha li jikkontribwixxu fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali hija prerekwiżit fundamentali għal Sena Ewropea effettiva. Is-sħab lokali u reġjonali f'dan il-każ għandhom rwol partikolari fil-promozzjoni tal-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni.

(20)

Il-kuntesti u s-sensitivitajiet nazzjonali soċjoekonomiċi u kulturali diversi jirrikjedu li xi attivitajiet tas-Sena Ewropea jkunu deċentralizzati fil-livell nazzjonali, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, l-iffissar tal-prijoritajiet politiċi fil-livell nazzjonali għandu jiġi kkoordinat mal-Kummissjoni bil-ħsieb li tkun iggarantita l-konsistenza mal-għanijiet strateġiċi tas-Sena Ewropea. Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tal-Kummissjoni u dawk tal-Istati Membri hija ta' importanza kbira sabiex jinħolqu sinerġiji u s-Sena Ewropea tkun suċċess.

(21)

Minbarra l-Istati Memrbi, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati fil-qafas tas-Sena Ewropea għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u f'deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Għandha tiġi inkoraġġuta l-koordinazzjoni mal-miżuri nazzjonali, b'mod partikolari mal-programmi nazzjonali ta' Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni għall-Iżvilupp (DEAR). Il-livell u l-forma ta' involviment fis-Sena Ewropea għandu jibqa' fid-diskrezzjoni ta' kull Stat Membru.

(22)

Għandha tiġi żgurata konsistenza u kumplimentarjetà ma' leġiżlazzjoni u azzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) inkluż il-programm DEAR, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u strumenti oħra tal-Unjoni għall-finanzjament ta' azzjoni esterna, fejn ikunu rilevanti għall-politika tal-iżvilupp.

(23)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta' miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa meta ma kinux dovuti jew użati b'mod ħażin u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(24)

Sabiex l-attivitajiiet maħsuba għas-Sena Ewropea jkunu kemm jista' jkun effettivi u effiċjenti, huwa importanti li titwettaq sensiela ta' azzjonijiet preparatorji fl-2014.

(25)

Il-Kummissjoni diġà ħadet bosta miżuri li jippromwovu politiki ta' żvilupp u li jinfurmaw liċ-ċittadini tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha. Dawk il-miżuri eżistenti għandhom jintużaw kemm jista' jkun għas-Sena Ewropea.

(26)

Ir-responsabbiltà primarja biex jitqajjem l-għarfien taċ-ċittadini fi kwistjonijiet ta' żvilupp tinsab f'idejn l-Istati Membri. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tikkomplementa u tissuplimenta l-azzjonijiet meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif enfasizzat fid-dikjarazzjoni politika ffirmata fit-22 ta' Ottubru 2008 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bl-isem “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija”.

(27)

Peress li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa ta' sħubiji multilaterali, ta' skambju transnazzjonali ta' informazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni u t-tixrid ta' prassi tajba madwar l-Unjoni kollha, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala tas-Sena Ewropea jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-deċiżjoni ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Is-sena 2015 għandha tiġi ddikjarata bħala “Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp” (“Is-Sena Ewropea”).

Il-motto tas-Sena Ewropea għandu jkun “Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-ġejjieni tagħna”.

Artikolu 2

Għanijiet

L-għanijiet tas-Sena Ewropea għandhom ikunu:

(a)

li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu infurmati dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni u tal-Istati Membri, b'enfasi fuq ir-riżultati li l-Unjoni, b'ħidma flimkien mal-Istati Membri, kisbet bħala attur globali u li se tkompli tagħmel dan f'konformità mad-diskussjonijiet l-aktar riċenti dwar il-qafas ġenerali ta' wara l-2015;

(b)

li jitrawwem involviment dirett, ħsieb kritiku u interess attiv taċ-ċittadini u l-partijiet interessati tal-Unjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika; kif ukoll

(c)

li jitqajjem għarfien dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni mhux biss għall-benefiċjarji tal-assistenza għall-iżvilupp tal-Unjoni iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni u li jinkiseb fehim usa' tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, kif ukoll biex jitrawwem, fost iċ-ċittadini fl-Ewropa u n-nies f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, sens ta' responsabbiltà konġunta, solidarjetà u opportunità f'dinja li dejjem qed tinbidel u ssir dejjem aktar indipendenti.

Artikolu 3

Miżuri

1.   Il-miżuri meħuda sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Sena Ewropea għandhom jinkludu l-miżuri li ġejjin, li jistgħu jkunu organizzati fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali, kif jingħad fl-Anness, u ma' pajjiżi sħab, skont l-Artikolu 6(5):

(a)

kampanji ta' komunikazzjoni biex jinxterdu l-messaġġi ewlenin immirati lejn il-pubbliku ġenerali u lejn udjenzi aktar speċifiċi, b'mod partikolari żgħażagħ u gruppi oħra fil-mira ewlenin, inkluż permezz tal-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali;

(b)

l-organizzazzjoni ta' konferenzi, avvenimenti u inizjattivi mal-partijiet interessati rilevanti kollha, illi tiġi promossal-parteċipazzjoni attiva u d-dibattitu, u biex titqajjem kuxjenza fil-livelli kollha;

(c)

jittieħdu miżuri konkreti fl-Istati Membri mmirati lejn il-promozzjoni tal-għanijiet tas-Sena Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni għall-iżvilupp, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-prassi tajba fost amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u organizzazzjonijiet oħra; u

(d)

it-twettiq ta' studji u stħarriġ u t-tixrid tar-riżultati tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni tista' tidentifika miżuri oħrajn li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-Sena Ewropea u tista' tippermetti li l-isem tas-Sena Ewropea u l-motto jintużaw fil-promozzjoni ta' dawk il-miżuri sakemm dawn ikunu jikkontribwixxu biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

Artikolu 4

Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex kull wieħed minnhom jaħtar koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem ta' dak l-Istat Membru fis-Sena Ewropea. L-Istati Membrigħandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ħatra bħal din.

2.   Il-koordinaturi nazzjonali, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi s-soċjetà ċivili u s-settur privat, il-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali, u, fejn xieraq, aġenziji nazzjonali, l-Istat federali jew il-livell tal-gvern subnazzjonali, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali u fejn applikabbli pajjiżi u territorji extra-Ewropej assoċjati jew punti ta' kuntatt għall-programmi rilevanti tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istati Membri biex jibagħtulha, sal-1 ta' Settembru 2014, il-programm ta' ħidma tagħhom, li għandu jippreżenta d-dettalji dwar l-attivitajiet nazzjonali ippjanati għas-Sena Ewropea, skont l-għanijiet tas-Sena Ewropea u d-dettalji tal-miżuri li jinsabu fl-Anness.

4.   Qabel ma tapprova l-programmi ta' ħidma, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk l-attivitajiet jikkonformaw, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7), mal-għanijiet tas-Sena Ewropea.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni

Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tas-Sena Ewropea li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati li jkunu qed jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, bi qbil mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u f'deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni u l-implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta din id-Deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni, partikolarment billi taddotta d-deċiżjonijiet ta' finanzjament meħtieġa skont ir-Regolamenti li jistabbilixxu l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna rilevanti għall-azzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu 2014-2020, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (“l-istrumenti għall finanzjament ta' azzjoni esterna”).

2.   Il-Kummissjoni flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandha tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-korpi u l-assoċjazzjonijiet attivi fi kwistjonijiet ta' żvilupp fil-livell tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni torganizza laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali biex tikkoordina l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea u biex isir skambju tat-tagħrif dwar l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Il-Kummissjoni tista' tistieden rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll membri tal-Parlament Ewropew biex jattendu għal dawk il-laqgħat bħala osservaturi.

4.   Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat tal-partijiet interessati rilevanti kollha involuti fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni biex jassistuha fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell tal-Unjoni. Il-koordinaturi nazzjonali għandhom ikunu mistiedna għal dawk il-laqgħat.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel is-Sena Ewropea prijorità fl-attivitajiet ta' komunikazzjoni tar-Rappreżentanzi tagħha fl-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi sħab. Bil-għan li jipparteċipaw f'attivitajiet relatati mas-Sena Ewropea, kemm jekk dawk l-attivitajiet isiru fl-Unjoni u kemm jekk isiru fil-pajjiżi terzi, sħab fl-iżvilupp f'pajjiżi terzi għandhom ikunu appoġġjati minn Delegazzjonijiet tal-UE filwaqt li l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej għandhom ikunu appoġġjati permezz ta' kanali istituzzjonali xierqa.

6.   Is-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu s-Sena Ewropea parti integrali mill-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni li jkunu għaddejjin.

Artikolu 7

Konsistenza u kumplimentarjetà

Skont ir-Regolamenti li jistabbilixxu l-istrumenti għall-finanzjament ta' azzjoni esterna rilevanti għall-azzjonijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jkunu konsistenti ma' kwalunkwe miżuri oħrajn tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali li jgħinu fil-kisba tal-għanijiet tas-Sena Ewropea, u jkunu jikkomplementaw bis-sħiħ il-miżuri eżistenti tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar sostenn finanzjarju u mhux finanzjarju

1.   Il-miżuri li min-natura tagħhom huma mifruxa mal-Unjoni kollha, u li huma msemmija fil-Parti A tal-Anness, għandhom iwasslu għal proċedura ta' sejħa għall-offerti jew għal għotjiet iffinanzjati mill-Unjoni skont it-Titoli V u VI tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   Il-miżuri li jkunu min-natura tagħhom mifruxa mal-Unjoni kollha, imsemmija fil-Parti B tal-Anness, jistgħu jiġu kofinanzjati mill-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista' tagħti kofinanzjament lil kull koordinatur nazzjonali skont il-proċedura stabbilita fil-Parti C tal-Anness.

4.   Fejn xieraq, u bla ħsara għall-għanijiet u l-baġit tagħhom, il-programmi eżistenti li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-iżvilupp jistgħu jsostnu s-Sena Ewropea. Barra minn hekk, l-isforzi eċċezzjonali mill-Istati Membri fil-ġestjoni ta' avvenimenti internazzjonali relatati mal-iżvilupp jew ħidmiet internazzjonali għall-iżvilupp jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fil-programmi ta' ħidma nazzjonali.

5.   Il-Kummissjoni tista' tagħti appoġġ mhux finanzjarju għal attivitajiet li jsiru minn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati u li jkunu konformi mal-Artikolu 3(2).

6.   Biex il-miżuri jitqiesu bħala eliġibbli għall-finanzjament taħt din id-Deċiżjoni huma għandhom ikunu rekwiżiti li jagħmlu użu effettiv ta' nfiq pubbliku, biex jagħtu valur miżjud, u jkunu orjentati lejn ir-riżultati.

Artikolu 9

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, b'verifiki u spezzjonijiet effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti li jkunu tħallsu mingħajr ma kienu dovuti u, fejn xieraq, b'penalitajiet amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonali u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha, li rċevew fondi tal-Unjoni taħt din id-Deċiżjoni.

3.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'konnessjoni ma' xi ftehim jew deċiżjoni ta' għotja jew ta' xi kuntratt iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Rappurtar u valutazzjoni

Sal-31 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tal-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni sabiex tipprepara azzjoni ta' segwitu xierqa.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M.SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).

(6)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(7)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85).

(9)  Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1).

(10)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).

(11)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 77).

(12)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, EC) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex jiġu mħarsal-interessi finanzjarji tal-komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(13)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


ANNESS

DETTALJI TAL-MIŻURI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

L-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea għandha tiffoka fuq kampanja wiesgħa ta' informazzjoni mifruxa mal-Unjoni, u kkumplimentata minn azzjoni meħuda mill-Istati Membri. L-azzjonijiet kemm tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali jistgħu jinvolvu wkoll is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, is-sħab soċjali, is-settur privat, il-parlamenti nazzjonali u, fejn xieraq, aġenziji nazzjonali, l-Istat federali jew il-livell tal-gvern subnazzjonali, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati l-oħra bil-għan li jinħoloq sens ta' sjieda fost l-atturi ewlenin.

L-Unjoni għandha tagħti appoġġ finanzjarju, kif ukoll l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-logo żviluppat mill-Kummissjoni, u materjal ieħor assoċjat mas-Sena Ewropea, għal miżuri mwettqa minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, meta dawk l-organizzazzjonijiet jagħtu garanzija lill-Kummissjoni li dawk il-miżuri jitwettqu jew ikunu se jitwettqu matul is-sena 2015 u jkun hemm il-probabbiltà li dawn ikunu ta' kontribut sinifikanti għall-kisba tal-għanijiet tas-Sena Ewropea.

A.   MIŻURI DIRETTI TAL-UNJONI

Il-finanzjament għandu jieħu l-forma ta' xiri dirett ta' prodotti u servizzi skont il-kuntratti ta' qafas attwali. Jista' jieħu wkoll il-forma ta' għotjiet li jkopru sa 80 % tal-kost finali ta' attivitajiet. Il-miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

kampanji ta' informazzjoni u ta' promozzjoni li jinkludu:

(i)

il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' materjal awdjoviżiv u stampat li jirrifletti l-għanijiet tas-Sena Ewropea;

(ii)

avvenimenti ta' profil għoli biex titqajjem kuxjenza dwar l-għanijiet tas-Sena Ewropea u fora għall-iskambju tal-esperjenza u tal-prattika t-tajba;

(iii)

miżuri biex jiġu ppubbliċizzati r-riżultati u jgħollu l-profil tal-programmi tal-Unjoni kif ukoll miżuri li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-Sena Ewropea;

(iv)

l-istabbiliment ta' websajt interattiva b'informazzjoni fuq Europa (http://europa.eu/index_mt.htm) iddedikata għall-azzjoni li tkun qed tittieħed fil-kuntest tas-Sena Ewropea u għall-użu xieraq tal-midja soċjali;

(iv)

premju għal kunċetti ta' komunikazzjoni innovattivi u ta' suċċess u kampanji li jgħinu, jew li għenu, biex iqajmu kuxjenza u jrawmu riflessjoni dwar kwistjonijet ta' żvilupp b'modi mhux tas-soltu jew oriġinali, b'mod partikolari dawk imfassla biex jilħqu udjenzi ta' mira li qabel ftit li xejn kienu esposti għal kwistjonijiet ta' żvilupp globali;

(b)

Inizjattivi oħrajn:

(i)

il-forniment ta' servizzi lingwistiċi (traduzzjoni, interpretazzjoni, informazzjoni multilingwi);

(ii)

stħarriġ ta' monitoraġġ u eżerċizzji ta' awditjar fil-livell tal-Unjoni biex tkun tista' ssir valutazzjoni u jsir rappurtar dwar it-tħejjija, l-effettività u l-impatt tas-Sena Ewropea.

B.   KOFINANZJAMENT TA' MIŻURI TAL-UNJONI

Avvenimenti ta' profil għoli fuq skala tal-Unjoni li jkollhom l-għan li jqajjmu kuxjenza dwar l-għanijiet tas-Sena Ewropea, li jistgħu jiġu organizzati f'kooperazzjoni mal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill matul l-2015, jistgħu jirċievu għotja mill-Unjoni li ma taqbiżx it-80 % tal-kosti finali tal-attivitajiet.

C.   KOFINANZJAMENT TAL-MIŻURI TAL-ISTATI MEMBRI

Kull koordinatur nazzjonali jista' jissottometti applikazzjoni ta' kofinanzjament mill-Unjoni għal miżuri jew programm ta' ħidma biex jippromwovi s-Sena Ewropea. Il-programm ta' ħidma għandu jiddeskrivi l-attivitajiet speċifiċi nazzjonali li għandhom ikunu ffinanzjati. F'dak il-qafas, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-prijoritajiet u l-inizjattivi proprji tagħhom skont l-Artikolu 2 u jistgħu jinkludu l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej fejn applikabbli.

L-applikazzjoni ta' kofinanzjament għandha tkun akkumpanjata minn baġit dettaljat li jistipula l-kosti totali tal-miżuri jew il-programm ta' ħidma propost, kif ukoll l-ammont u s-sorsi ta' kofinanzjament possibbli. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista' tkopri sa 80 % tal-kosti finali tal-attivitajiet. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina ammonti indikattivi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-kofinanzjament għall-koordinatur nazzjonali u l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, li għandhom ikunu msejsa fuq kriterji li jikkunsidraw il-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja tal-Istat Membru kkonċernat. Ammont fiss għal kull Stat Membru għandu jiggarantixxi livell minimu ta' attivitajiet.

Meta tidderemina dak l-ammont fiss, il-Kummissjoni għandha tqis l-esperjenza relattivament qasira fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' dawk l-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni mill-1 ta' Jannar 2004. Il-Kummissjoni għandha wkoll tqis miżuri ppreżentati flimkien jew kondiviżi minn bosta Stati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura proċedura ta' approvazzjoni trasparenti, mgħaġġla u effiċjenti msejsa fuq il-prinċipji ta' trattament indaqs u ġestjoni finanzjarja soda.


Top