Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0422

2014/422/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi l-miżuri rigward ċertu frott taċ-ċitru li joriġina mill-Afrika t'Isfel li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa fl-Unjoni tal- Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa (notifikata bid-dokument C(2014) 4191)

OJ L 196, 3.7.2014, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2016; Imħassar b' 32016D0715

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/422/oj

3.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/21


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Lulju 2014

li tistabbilixxi l-miżuri rigward ċertu frott taċ-ċitru li joriġina mill-Afrika t'Isfel li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa fl-Unjoni tal-Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa

(notifikata bid-dokument C(2014) 4191)

(2014/422/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Guignardia citricarpa Kiely (ir-razez kollha li huma patoġeniċi għaċ-ċitru) huwa elenkat fil-punt (c) 11 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE bħala organiżmu ta' ħsara li mhuwiex magħruf li jeżisti fl-Unjoni. Mill-2011 'l hawn, wara li ġie approvat kodiċi ġdid għan-nomenklatura fungali mill-Kungress Botaniku Internazzjonali, dan l-organiżmu sar magħruf bħala Phyllosticta citricarpa (McAlpine) Van der Aa, minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu speċifikat”.

(2)

Fil-21 ta' Frar 2014 (2) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) ippubblikat valutazzjoni tar-riskji tal-pesti dwar l-organiżmu speċifikat. Fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni tar-riskji tal-pesti ġie konkluż li r-rekwiżiti rigward l-organiżmu speċifikat stabbiliti fid-Direttiva 2000/29/KE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' frott taċ-ċitru li joriġina minn għelieqi 'l barra minn żona ddikjarata ħielsa mill-organiżmu speċifikat mhumiex biżżejjed biex jipproteġu lill-Unjoni kontra l-introduzzjoni ta' dan l-organiżmu. Minħabba l-għadd kbir, fis-snin preċedenti, ta' interċezzjonijiet ta' frott taċ-ċitru li joriġina mill-Afrika t'Isfel li jkun infettat bl-organiżmu speċifikat, jeħtieġ li jsiru miżuri aktar stretti minnufih biex l-Unjoni tkun protetta aħjar kontra l-introduzzjoni ta' dan l-organiżmu. Billi għadd kbir tal-interċezzjonijiet kienu ta' frott taċ-Citrus sinensis (L.) Osbeck “Valencia”, dan il-frott għandu jiġi eżaminat għall-preżenza ta' infezzjonijiet li jkunu għadhom fi stat mhux attiv minbarra l-miżuri li japplikaw għall-frott taċ-ċitru kollu.

(3)

Madankollu, l-Awtorità hija tal-fehma li l-possibbiltà li l-organiżmu speċifikat jidħol fl-Unjoni permezz tal-importazzjoni ta' frott taċ-Citrus latifolia Tanaka hija żgħira ħafna. Għaldaqstant jixraq li ċ-Citrus latifolia Tanaka jiġi eskluż mill-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni.

(4)

Fil-każi ta' interċezzjonijiet ta' frott taċ-ċitru li joriġina mill-Afrika t'Isfel u li jkun infettat bl-organiżmu speċifikat, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-wasla ta' frott infettat hijiex minħabba nuqqasijiet fil-proċeduri tal-monitoraġġ uffiċjali u taċ-ċertifikazzjoni fl-Afrika t'Isfel. Fil-każ li jkun hemm għadd ta' interċezzjonijiet fl-istess sena minħabba nuqqasijiet fil-proċeduri ta' monitoraġġ u ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni se tirrevedi mill-ġdid din id-Deċiżjoni qabel ma tiġi nnotifikata s-sitt interċezzjoni.

(5)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/754/UE (3) għandha tiġi rrevokata.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jibdew japplikaw mill-24 ta' Lulju 2014 biex l-operaturi jingħataw biżżejjed żmien biex jaddattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-introduzzjoni tal-frott taċ-ċitru fl-Unjoni

Mingħajr ħsara għall-punti 16.1, 16.2, 16.3 u 16.5, u b'deroga mill-punt 16.4(c) u (d) tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE, il-frott taċ-Citrus L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf., u l-ibridi tiegħu, minbarra ċ-Citrus aurantium L. u ċ-Citrus latifolia Tanaka, li joriġina mill-Afrika t'Isfel (minn hawn 'il quddiem “il-frott speċifikat”), għandu jiddaħħal fl-Unjoni biss jekk jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Obbligi tar-rappurtar

L-Istati Membri li jkunu qegħdin jimportaw dan il-frott, ta' kull sena u qabel il-31 ta' Diċembru, għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li jkun fih tagħrif dwar l-ammont tal-frott speċifikat li jkun iddaħħal fl-Unjoni b'konformità ma' din id-Deċiżjoni fl-istaġun tal-importazzjoni preċedenti. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Anness.

Artikolu 3

Notifiki

L-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Afrika t'Isfel malli tiġi kkonfermata sejba tal-organiżmu speċifikat.

Artikolu 4

Revoka

Id-Deċiżjoni 2013/754/UE hija rrevokata.

Artikolu 5

Data tal-applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-24 ta' Lulju 2014.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  EFSA PLH Panel (EFSA Panel on Plant Health), 2014. Scientific Opinion on the risk of Phyllosticta citricarpa (Guignardia citricarpa) (L-Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju tal-Phyllosticta citricarpa (Guignardia citricarpa)) għat-territorju tal-UE bl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-għażliet għat-tnaqqis tar-riskji. EFSA Journal 2014;12(2):3557, 243 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3557

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/754/UE tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-Guignardia citricarpa Kiely fl-Unjoni (ir-razez kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), fir-rigward tal-Afrika t'Isfel (ĠU L 334, 13.12.2013, p. 44).


ANNESS

REKWIŻITI GĦAD-DĦUL TAL-FROTT SPEĊIFIKAT IMSEMMI FL-ARTIKOLU 1

1.   Ir-rekwiżiti għall-frott speċifikat

1.1.

Il-frott speċifikat għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, li taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jkun fih id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-frott speċifikat joriġina minn għalqa tal-produzzjoni li ġiet ittrattata kontra l-organiżmu speċifikat fiż-żmien xieraq mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' tkabbir ta' veġetazzjoni;

(b)

saret spezzjoni uffiċjali fuq l-għalqa tal-produzzjoni waqt l-istaġun tat-tkabbir u ma nstabux sintomi tal-organiżmu speċifikat fil-frott speċifikat mill-bidu tal-aħħar ċiklu ta' tkabbir ta' veġetazzjoni;

(c)

ittieħed kampjun bejn il-wasla u l-ippakkjar fil-faċilità tal-ippakkjar, ta' mill-inqas 600 frotta minn kull speċi għal kull 30 tunnellata, jew parti minn kampjun, magħżulin kemm kien possibbli abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-organiżmu speċifikat; il-frott kollu li kampjun tiegħu wera s-sintomi tal-organiżmu speċifikat ġie eżaminat u nstab li kien ħieles minnu;

1.2.

Fil-każ tas-Citrus sinensis (L.) Osbeck “Valencia”, taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni li ġie eżaminat kampjun għal kull 30 tunnellata, jew parti minn kampjun, għal infezzjoni li għadha ma żviluppatx u dan instab li kien ħieles mill-organiżmu speċifikat.

1.3.

It-traċċabbiltà sħiħa tal-frott speċifikat se tkun żgurata bil-mod li jidher hawn taħt:

(a)

l-għalqa tal-produzzjoni, il-faċilità tal-ippakkjar, l-esportaturi u kull operatur ieħor involut fil-maniġġar tal-frott speċifikat għandhom ikunu rreġistrati uffiċjalment għall-kompiti relattivi tagħhom;

(b)

għandha tinżamm informazzjoni dettaljata dwar it-trattamenti ta' qabel u ta' wara l-ħsad;

(c)

matul il-passaġġ tagħhom mill-għalqa tal-produzzjoni sal-punt tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni, il-frott speċifikat għandu jkollu miegħu dokumenti maħruġin taħt is-sorveljanza tal-Organizzazzjoni tal-Protezzjoni tal-Pjanti Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel, bħala parti minn sistema ta' dokumenti li bihom l-Afrika t'Isfel tkun qed tforni lill-Kummissjoni bl-informazzjoni.

2.   Ir-rekwiżiti għall-ispezzjonijiet fl-Unjoni

2.1.

Il-frott speċifikat għandu jiġi eżaminat b'mod viżiv fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1). Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu fuq kampjuni ta' mill-inqas 200 frotta ta' kull speċi tal-frott speċifikat, f'lottijiet ta' 30 tunnellata l-wieħed, jew fuq parti minnhom, li jintgħażlu abbażi ta' kull sintomu possibbli tal-organiżmu speċifikat.

2.2.

Jekk jinstabu sintomi tal-organiżmu speċifikat waqt l-ispezzjonijiet imsemmijin fil-punt 2.1, il-preżenza tal-organiżmu speċifikat għandha tiġi kkonfermata jew rifjutata permezz ta' eżaminazzjoni tal-frott li tkun turi s-sintomi. Jekk il-preżenza tal-organiżmu speċifikat tiġi kkonfermata, il-lott li minnu jkun ittieħed il-kampjun għandu jkun issoġġettat għal waħda minn dawn il-miżuri li jidhru hawn taħt:

(i)

ma jingħatax permess li jidħol fl-Unjoni;

(ii)

jinqered, b'mod li ma jinkludix l-ipproċessar.


(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li ma huwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).


Top