EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0382

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/382/PESK tat- 23 ta' Ġunju 2014 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

OJ L 183, 24.6.2014, p. 57–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/382/oj

24.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/57


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/382/PESK

tat-23 ta' Ġunju 2014

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fid-9 ta' Mejju 2014, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) 2127 (2013), inkluda tliet persuni fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri imposti mill-paragrafi 30 u 32 tar-Riżoluzzjoni (UNSC) 2134 (2014).

(3)

L-Anness tad-Deċiżjoni 2013/798/PESK għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


ANNESS

Persuni msemmijin fl-Artikolu 1

1.   FRANÇOIS YANGOUVONDA BOZIZÉ

KUNJOM: BOZIZÉ

ISEM: François Yangouvounda.

MAGĦRUF BĦALA: Bozize Yangouvonda

DATA TAT-TWELID/POST TAT-TWELID: 14 ta' Ottubru 1946/Mouila, il-Gabon

PASSAPORT/INFORMAZZJONI TA' IDENTIFIKAZZJONI: Iben Martine Kofio

NOMINA/ĠUSTIFIKAZZJONI: Parteċipazzjoni f'atti li jimminaw il-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) jew l-għoti ta' appoġġ għal dawn l-atti: Mill-kolp ta' stat fl-24 ta' Marzu 2013, Bozizé pprovda appoġġ finanzjarju u materjali għall-membri tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-tranżizzjoni li għaddejja u biex jirritornawh għall-poter. François Bozizé, bil-kollaborazzjoni tas-sostenituri tiegħu, ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Is-sitwazzjoni fir-RĊA marret malajr għall-agħar wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru f'Bangui mill-forzi anti-balaka fejn aktar minn 700 persuna sfaw maqtula. Minn dak iż-żmien, huwa kompla jipprova jiddestabilizza l-operazzjonijiet u jgħaqqad flimkien il-milizzji anti-balaka, sabiex jinżammu t-tensjonijiet fil-kapital tar-RĊA. Bozizé pprova jerġa' jorganizza bosta elementi mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li kienu dispersi fil-kampanja wara l-kolp ta' stat. Il-forzi leali għal Bozizé saru involuti f'attakki ta' ritaljazzjoni kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Bozizé sejjaħ lill-milizzja tiegħu biex ikomplu bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti.

2.   NOURREDINE ADAM

KUNJOM: ADAM

ISEM: Nourredine

MAGĦRUF BĦALA: Nourredine Adam; Nureldine Adam; Nourreldine Adam; Nourreddine Adam

DATA TAT-TWELID/POST TAT-TWELID: 1970/Ndele, ir-RĊA

Dati alternattivi tat-twelid: 1969, 1971

PASSAPORT/INFORMAZZJONI TA' IDENTIFIKAZZJONI:

 

NOMINA/ĠUSTIFIKAZZJONI: Parteċipazzjoni f'atti li jimminaw il-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA jew l-għoti ta' appoġġ għal dawn l-atti: Noureddine huwa wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Séléka. Huwa ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Séléka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi u li l-akronimu tiegħu huwa anke magħruf bħala CPJP. Bħala ex-kap tal-grupp żgħir “Fundamentali” li nqata' mill-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi (CPJP/F), huwa kien il-koordinatur militari tal-ex-Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn kmieni f'Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-involviment ta' Noureddine, is-Séléka x'aktarx ma kinux ikunu kapaċi jaħtfu l-poter mill-ex-President tar-RĊA François Bozizé. Mill-ħatra tiegħu bħala president interim ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-ex-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-ex-Séléka, il-forzi preċedenti tas-Séléka li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ sinifikanti u direzzjoni lill-ex-Séléka li jaħdmu fir-RĊA.

Involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ: Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi” (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiques — CEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li m'għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali li organizza l-operazzjoni vjolenti f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Séléka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' François Bozizé u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Séléka qatlu għexieren ta' ċivili u f'rewwixta vjolenti serqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu.

Għoti ta' appoġġ lill-gruppi armati jew lin-netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali: Kmieni fl-2013, Nourredine Adam kellu rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-ex-Séléka. Huwa vvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor il-fondi għar-ribelljoni preċedenti. Huwa ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Ċadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad.

3.   LEVY YAKETE

KUNJOM: YAKETE

ISEM: Levy

MAGĦRUF BĦALA: Levi Yakite; Levy Yakite

DATA TAT-TWELID/POST TAT-TWELID: 14 ta' Awwissu 1964/Bangui, ir-RĊA

Data alternattiva tat-twelid: 1965

PASSAPORT/INFORMAZZJONI TA' IDENTIFIKAZZJONI: Iben Pierre Yakété u Joséphine Yamazon.

NOMINA/ĠUSTIFIKAZZJONI: Parteċipazzjoni f'atti li jimminaw il-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA jew l-għoti ta' appoġġ għal dawn l-atti: Fis-17 ta' Diċembru 2013, Yakete sar il-koordinatur politiku tal-grupp ta' ribelli anti-balaka tal-Moviment ta' Reżistenza tal-Poplu għar-Riforma tar-Repubblika Ċentru-Afrikana li kien għadu kif jifforma. Huwa kien involut direttament fid-deċiżjonijiet ta' grupp ta' ribelli li kien involut f'atti li mminaw il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-RĊA, b'mod partikolari fil-5 ta' Diċembru 2013 u minn dak iż-żmien 'l hawn. Barra minn hekk, dan il-grupp ġie individwat espliċitament mir-Riżoluzzjonijiet UNSC 2127, 2134 u 2149 għal tali atti. Yakete ġie akkużat li ordna l-arrest ta' persuni marbuta mas-Séléka, li sejjaħ biex jiġu attakkati dawk li ma jappoġġawx lill-President Bozizé, u li rrekluta membri tal-milizzja żgħażagħ biex jattakkaw b'machetes lill-persuni ostili għar-reġim. Wara li baqa' fil-klikka ta' François Bozizé wara Marzu 2013, huwa ngħaqad mal-Front biex Titreġġa' Lura l-Ordni Kostituzzjonali fir-RĊA (Front pour le Retour à l'Ordre Constitutionnel en CentrAfrique — FROCCA), li kellu l-għan li jirritorna għall-poter il-president iddestitwit b'kull mezz possibbli. Lejn l-aħħar tas-sajf tal-2013, huwa vvjaġġa fil-Kamerun u l-Benin, fejn ipprova jirrekluta persuni biex jiġġieldu kontra s-Séléka. F'Settembru 2013, huwa pprova jerġa' jikseb il-kontroll tal-operazzjonijiet immexxija mill-ġellieda favur Bozizé fl-ibliet u l-irħula qrib Bossangoa. Yakete huwa wkoll issuspettat li ppromwova d-distribuzzjoni ta' machetes lil Kristjani żgħażagħ qiegħda biex jiffaċilita l-attakki tagħhom kontra l-Musulmani.


Top