Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0322

2014/322/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014

OJ L 165, 4.6.2014, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/322/oj

4.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/49


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Mejju 2014

dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014

(2014/322/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

L-Artikolu 145 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza ta' xogħol b'ħiliet u swieq tax-xogħol, imħarrġa u li jadattaw u li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bil-ħsieb li jiksbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

L-“Istrateġija Ewropa 2020” proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni li ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, akkumpanjat minn impjiegi ta' livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tiegħu dwar linji gwida wesgħin għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (3). Barra minn hekk, fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu 2010/707/UE (4) (“linji gwida dwar l-impjiegi”). Dawk is-settijiet ta' linji gwida jifformaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (“linji gwida integrati”). Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida integrati rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li jikkunsidraw il-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, kif ukoll il-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol tal-istrateġija Ewropa 2020.

(3)

Dawn il-linji gwida integrati huma f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri dwar id-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) TFUE, b'mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) TFUE. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jifformaw ukoll il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

(4)

L-eżami tal-programmi nazzjonali ta' riforma tal-Istati Membri li qegħdin fl-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi adottat mill-Kunsill fit-28 ta' Frar 2013, juri li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin: li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u li jonqos il-qgħad strutturali, jitrawmu ħaddiema ta' ħila skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u ssir promozzjoni ta' xogħol ta' kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja, tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni t-taħriġ f'kull livell u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

(5)

Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jibqgħu stabbli sa tmiem l-2014 sabiex jiżguraw fokus fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Sal-aħħar tal-2014 kull aġġornament tal-linji gwida dwar l-impjiegi għandu jibqa' strettament limitat. Fl-2011, l-2012 u l-2013, il-linji gwida dwar l-impjiegi nżammu. Dawn għandhom jinżammu wkoll għall-2014,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, kif imniżżel fl-Anness għad- 2010/707/UE jinżammu għall-2014 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS


(1)  Opinjoni tas-26 ta' Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-21 ta' Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).


Top