EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0291

2014/291/UE: Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta' Mejju 2014 li tagħti deroga mitluba mill-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2014) 3103)

OJ L 148, 20.5.2014, p. 88–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/291/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/88


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Mejju 2014

li tagħti deroga mitluba mill-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2014) 3103)

(Il-verżjoni bl-Olandiż biss hija awtentika)

(2014/291/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru bi ħsiebu jdemmel kull ettaru bih fis-sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat b'tali mod li ma jippreġudikax l-ilħiq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, staġuni twal tat-tkabbir u għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fit-8 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/880/KE (2) li tippermetti ż-żieda tad-demel tal-bhejjem li jirgħu sa limitu ta' 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, f'ċerti kundizzjonijiet, fl-irziezet fejn mill-inqas 70 % tal-art tkun bwar.

(3)

Fil-5 ta' Frar 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/65/UE (3), li temenda d-Deċiżjoni 2005/880/KE u li testendi d-deroga sal-31 ta' Diċembru 2013.

(4)

Din id-deroga mogħtija kienet tirrigwarda 21 752 razzett fl-2012, jiġifieri 46 % tar-raba' totali nett.

(5)

Fit-22 ta' Jannar 2014, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu lill-Kummissjoni biex tiġġeddilhom id-deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

(6)

Il-Pajjiżi l-Baxxi, f'konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, jimplimentaw programm ta' azzjoni fit-territorju kollu tagħhom.

(7)

Il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE tinkludi standards għall-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfati.

(8)

Id-dejta rrappurtata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-perjodu bejn l-2008 u l-2011 turi żieda ta' 7 % fl-għadd ta' ħnieżer u 8 % fl-għadd ta' tjur meta mqabbla ma' dik tal-perjodu bejn l-2004 u l-2007. L-għadd ta' bhejjem tal-ifrat, nagħaġ u mogħoż baqa' stabbli. L-awtoritajiet kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi stabbilixxew limiti fuq l-għadd ta' ħnieżer u tjur u fl-istess ħin intrabtu li l-produzzjoni tad-demel f'termini tan-nitroġenu kif ukoll tal-fosfru ma tiżdiedx aktar mil-livell tas-sena 2002. Barra minn hekk, minn Jannar 2015, l-awtoritajiet kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiżguraw li sehem xieraq mid-demel żejjed tas-settur tal-ħalib jiġi pproċessat. Dawn il-miżuri huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tad-deroga attwali ma twassalx għal aktar intensifikazzjoni.

(9)

L-użu tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011 kien ta' 344 000 tunnellata, li jfisser li kien hemm tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2004 u l-2007. L-użu tal-fertilizzanti kimiċi bin-nitroġenu naqas bi 18 % fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011 meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2004 u l-2007. Il-fosfru żejjed fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011 kien ta' 16 000 tunnellata, bi tnaqqis ta' 51 % meta mqabbel mal-perjodu bejn l-2004 u l-2007.

(10)

Il-klima tal-Pajjiżi l-Baxxi, ikkaratterizzata minn xita li tinżel fi kwantitajiet indaqs matul is-sena kollha u firxa annwali relattivament żgħira tat-temperatura, tippromwovi staġun twil ta' 250 ġurnata fis-sena li fih jikber il-ħaxix.

(11)

L-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tad-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2010/65/UE, tindika li d-deroga ma waslitx biex il-kwalità tal-ilma tmur għall-agħar. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2008 u l-2011, juri li għall-ilma ta' taħt l-art fil-Pajjiżi l-Baxxi, madwar 88 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 79 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Mid-dejta tal-monitoraġġ joħroġ li t-tendenza hi li l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta' taħt l-art qiegħda tonqos meta mqabbla ma' dik tal-perjodu preċedenti tar-rappurtar (2004-2007). Għall-ilma tal-wiċċ, 98 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 92 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Mill-biċċa l-kbira tal-punti ta' monitoraġġ fl-ilmijiet tal-wiċċ joħroġ li t-tendenza hi li l-konċentrazzjonijiet tan-nitrati huma stabbli jew qed jonqsu. L-ammont ta' nitroġenu u fosfru żejjed fil-ħamrija fis-sena tnaqqas, l-aktar permezz ta' tnaqqis fl-użu tad-demel u l-fertilizzanti minerali minħabba t-tnaqqis kontinwu tal-istandards għall-applikazzjoni tan-nitroġenu u l-fosfru fil-programmi ta' azzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-perjodu tar-rappurtar ta' bejn l-2008 u l-2011, l-ilmijiet ħelwin u tranżizzjonali kollha ġew ikklassifikati bħala ewtrofiċi jew ipertrofiċi.

(12)

Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-deroga għandhom jinbidlu fuq il-bażi tal-eżami tat-talba mill-Pajjiżi l-Baxxi mibgħuta fit-22 ta' Jannar 2014 u b'kunsiderazzjoni tal-programm ta' azzjoni, tal-informazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma u tal-esperjenza miksuba mid-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2010/65/UE u mid-derogi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li ammont ta' demel mill-bhejjem li jirgħu li jikkorrispondi għal 230 kg ta' nitroġenu fis-sena għal kull ettaru jista' jiġi permess fl-irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art tkun bwar b'ħamrija ramlija tan-Nofsinhar jew ċentrali u ħamrija “loessf” kif definit fil-programm ta' azzjoni, filwaqt li 250 kg ta' nitroġenu fis-sena għal kull ettaru jistgħu jkunu permessi biss fl-irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art tkun bwar b'ħamrija oħra. Il-Kummissjoni tqis li dan mhux se jippreġudika l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet stretti.

(13)

Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-istabbiliment ta' pjan għall-fertilizzanti fil-livell tal-irziezet, ir-reġistrazzjoni tal-użu tal-fertilizzanti permezz ta' kontijiet tal-fertilizzanti, analiżijiet perjodiċi tal-ħamrija, kopertura ħadra fix-xitwa wara l-qamħirrum, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħrit tal-ħaxix, l-ebda tidmil qabel il-ħrit tal-ħaxix, l-aġġustament taż-żieda tal-fertilizzanti biex titqies il-kontribuzzjoni tal-għelejjel leguminużi, l-ebda żieda ta' fosfati minn fertilizzanti kimiċi u kontrolli msaħħin. Dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba biex jiżguraw li l-fertilizzant jiżdied mal-ħamrija skont il-ħtiġijiet tal-għelejjel u ma jkunx hemm telf ta' nitroġenu u fosfru fl-ilma.

(14)

L-informazzjoni mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi turi li l-ammont ta' demel mill-bhejjem li jirgħu li jikkorrispondi għal 230 kg ta' nitroġenu fis-sena għal kull ettaru f'irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art hija bwar b'ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ċentrali u ħamrija “loess” kif definit fil-programm ta' azzjoni, u għal 250 kg ta' nitroġenu fis-sena għal kull ettaru f'irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art hija bwar b'ħamrija oħra, huwa ġġustifikat abbażi tal-kriterji oġġettivi bħall-preċipitazzjoni għolja netta, l-istaġuni twal tat-tkabbir u l-produzzjonijiet kbar ta' ħaxix b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE.

(16)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (4) tipprovdi għal approċċ komprensiv u transfruntier għall-ħarsien tal-ilma organizzat skont id-distretti tal-baċiri tax-xmajjar (RBDs — River Basin Districts), bil-għan li l-korpi tal-ilma Ewropej jiksbu status tajjeb qabel l-2015. It-tnaqqis tan-nutrijenti huwa parti integrali minn dak l-għan. L-għoti ta' deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skont id-Direttiva 2000/60/KE u ma jeskludix li jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali biex jissodisfaw l-obbligi li joħorġu minnha.

(17)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (5)tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea għall-finijiet tal-politika ambjentali tal-Komunità u l-politika jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. Fejn applikabbli, l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta' din id-deroga għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u titjieb il-koerenza tad-dejta, il-Pajjiżi l-Baxxi, huma u jiġbru d-dejta meħtieġa skont din id-deroga, fejn xieraq, għandhom jużaw l-informazzjoni ġġenerata mis-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (6).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mill-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-ittra tat-22 ta' Jannar 2014, bl-iskop li jiġi permess ammont ta' demel mill-bhejjem li jirgħu għat-tidmil tal-art kull sena li huwa ikbar minn dak previst fis-subparagrafu (a) tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE tingħata, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1.

“razzett tal-bwar” tfisser kull azjenda fejn mill-inqas 80 % tar-raba' li jista' jiddemmel huwa mergħa;

2.

“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tas-simna), nagħaġ, mogħoż u żwiemel, ħmir, ċriev u bufli Indjani;

3.

“raba'” tfisser l-erja li tkun proprjetà tal-bidwi jew mikrija jew ġestita minnu b'tip ta' kuntratt individwali ieħor bil-miktub, li fiha l-bidwi jkollu r-responsabilità diretta tal-ġestjoni.

4.

“Ħaxix” tfisser bur permanenti jew bur temporanju li ilu inqas minn ħames snin.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għall-irziezet tal-bwar, u hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Applikazzjoni annwali u impenn

1.   Biex jingħataw deroga skont din id-Deċiżjoni, il-bdiewa għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-bdiewa għandhom jintrabtu bil-miktub li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 5

It-tidmil bid-demel u fertilizzanti oħra

1.   L-ammont ta' demel fis-sena mill-bhejjem li jirgħu għat-tidmil tar-raba' f'irziezet tal-bwar, inkluż mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta' demel li jkun fih 230 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f'irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art hija bwar b'ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ċentrali u ħamrija “loess” kif definit fil-programm ta' azzjoni u 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f'irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art hija bwar b'ħamrija oħra, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 9.

2.   L-ammont totali ta' nitroġenu u fosfati użat għandu jkun konformi mal-bżonn tan-nutrijenti tal-għalla u mal-ammont li diġà jinsab fil-ħamrija. L-ammont totali ta' nitroġenu u fosfati użat ma għandux jaqbeż l-istandards massimi għall-applikazzjoni stabbiliti fil-programm ta' azzjoni.

3.   L-użu tal-fosfati mill-fertilizzani kimiċi mhuwiex permess fl-irziezet li jkunu ngħataw deroga skont din id-Deċiżjoni.

4.   Għal kull razzett għandu jinżamm pjan tal-fertilizzazzjoni b'deskrizzjoni tan-newba tal-għelejjel tar-raba' u t-tidmil ippjanat bid-demel u b'fertilizzanti oħra tan-nitroġenu u tal-fosfati. Dan il-pjan għandu jkun disponibbli fir-razzett għal kull sena kalendarja sa mhux aktar tard minn Ġunju għall-ewwel sena u Frar għas-snin ta' wara.

5.   Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta' bhejjem, deskrizzjoni tal-bini fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum ta' ħżin għad-demel disponibbli;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas it-telf fil-bini tal-bhejjem u fil-maħżen) u l-fosfru mid-demel li jiġi prodott fir-razzett;

(c)

il-pjan tat-tinwib tal-għelejjel, li jrid jispeċifika l-erja tal-għelieqi individwali bil-ħaxix u b'għelejjel oħra, inkluż tpinġija ta' mappa li tindika fejn jinsabu l-għelieqi individwali;

(d)

il-bżonnijiet prevedibbli ta' nitroġenu u fosfru tal-għelejjel;

(e)

l-ammont u t-tip ta' demel li jingħata lill-kuntratturi u li ma jintużax fir-raba' tar-razzett;

(f)

l-ammont ta' demel impurtat użat fir-raba';

(g)

kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-mineralizzazzjoni ta' materjal organiku, tal-għelejjel leguminużi u tad-depożizzjoni atmosferika u tal-ammont ta' nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-għalla tibda tużah f'ammonti sinifikanti;

(h)

l-applikazzjoni tan-nitroġenu u l-fosfru mid-demel f'kull għalqa (taqsimiet tar-razzett li huma omoġeni f'dak li jirrigwarda l-għelejjel u t-tip ta' ħamrija);

(i)

iż-żieda tan-nitroġenu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn f'kull għalqa;

(j)

il-kalkoli għall-istima tal-konformità mal-istandards għall-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli attwali.

6.   Għandu jinżamm kont tal-fertilizzazzjoni għal kull biċċa raba'. Dan għandu jintbagħat lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

7.   Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-erja tal-għelejjel;

(b)

l-għadd u t-tip ta' bhejjem;

(c)

il-produzzjoni tad-demel għal kull annimal;

(d)

l-ammont ta' fertilizzanti impurtati mir-razzett;

(e)

l-ammont ta' demel li r-razzett jagħti u lil min.

8.   Għal kull razzett tal-bwar li jkun ingħata deroga individwali, il-bidwi għandu jaċċetta li ż-żieda tal-fertilizzanti u l-kont tal-fertilizzazzjoni jistgħu jiġu soġġetti għall-kontrolli.

9.   Perjodikament għandha ssir analiżi tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-ħamrija għal kull razzett li jkun ingħata deroga individwali, għallinqas darba kull erba' snin għal kull żona omoġenja tar-razzett. Din l-analiżi għandha tqis in-newba tal-għelejjel u l-karatteristiċi tal-ħamrija.

Wara l-ħrit tal-bur, għal kull żona omoġenja tar-razzett għandha ssir analiżi tan-nitroġenu fir-rigward tan-nitroġenu minerali u l-parametri biex jiġi vvalutat kemm tikkontribwixxi nitroġenu l-mineralizzazzjoni tal-materjal organiku.

Fir-rigward tal-analiżijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu, għandha ssir minimu ta' analiżi waħda għal kull ħames ettari ta' art.

10.   Ma għandux jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-koltivazzjoni tal-ħaxix.

Artikolu 6

Kopertura tal-art

1.   Il-bdiewa li jkunu ngħataw deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom ikabbru l-ħaxix fuq 80 % jew aktar tal-art disponibbli għat-tidmil fl-irziezet tagħhom.

2.   Barra minn hekk, il-bdiewa li jkunu ngħataw deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

fuq il-ħamrija ramlija u “loess”, wara l-qamħirrum għandu jiġi kkultivat il-ħaxix jew għelejjel oħra li jiżguraw il-kopertura tal-ħamrija fix-xitwa sabiex jitnaqqas il-potenzjal tal-lissija;

(b)

l-għelejjel għall-konservazzjoni tan-nutrijenti m'għandhomx jinħartu qabel l-1 ta' Frar sabiex ikun żgurat li r-raba' jkun dejjem miksi bil-veġetazzjoni għall-irkupru tan-nitrati li jintilfu mis-saff sekondarju tal-ħamrija fil-ħarifa u sabiex dan it-telf jiġi limitat fix-xitwa;

(c)

il-ħaxix fuq ħamrija ramlija u “loess” għandu jinħarat biss fir-rebbiegħa;

(d)

wara l-ħrit tal-ħaxix fuq kull tip ta' ħamrija, għandu jkun hemm għelejjel b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu u ż-żieda tal-fertilizzant għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-ħamrija fir-rigward tan-nitroġenu minerali u parametri oħra. Din l-analiżi għandha tagħti referenzi għall-istima tar-rilaxx tan-nitroġenu mill-mineralizzazzjoni tal-materja organika fil-ħamrija; u

(e)

jekk in-newba tal-għelejjel tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku, iż-żieda tal-fertilizzant għandha titnaqqas b'rata proporzjonali.

3.   B'deroga mill-punt (c), il-ħrit tal-ħaxix huwa permess fil-ħarifa għat-tħawwil tal-basal tal-fjuri.

Artikolu 7

Miżuri għall-produzzjoni tad-demel

L-awtoritajiet nazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiżguraw li l-produzzjoni tad-demel fil-livell nazzjonali ma tiżdiedx aktar mil-livell tas-sena 2002, kemm għan-nitroġenu u kif ukoll għall-fosfru. Dan ifisser li d-drittijiet tal-produzzjoni għall-ħnieżer u t-tjur għandhom jinżammu għal kemm iddum fis-seħħ id-deroga mogħtija b'din id-Deċiżjoni.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiżguraw li, minn Jannar 2015, jiġi pproċessat sehem xieraq tad-demel żejjed tas-settur tal-ħalib.

Artikolu 8

Monitoraġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tħejji, u taġġorna kull sena, il-mapep li juru l-perċentwal ta' rziezet tal-bwar, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal ta' raba' kopert minn deroga individwali f'kull muniċipalità.

2.   Għandu jitwaqqaf netwerk ta' monitoraġġ għat-teħid ta' kampjuni ta' ilma tal-ħamrija, nixxigħat u l-ilma ta' taħt l-art qrib il-wiċċ u dan in-netwerk għandu jinżamm fis-siti ta' monitoraġġ tad-deroga.

3.   In-netwerk ta' monitoraġġ, li jikkorrispondi għal mill-inqas 300 razzett li ngħataw derogi individwali, għandu jkun jirrappreżenta kull tip ta' ħamrija (tafal, pit, ħamrija ramlija, u “loess” ramlija), kull prassi ta' fertilizzazzjoni u kull newba tal-għelejjel. Il-kompożizzjoni tan-netwerk ta' monitoraġġ ma għandhiex tiġi mmodifikata matul iż-żmien li fih tkun applikabbli din id-Deċiżjoni.

4.   Stħarriġiet u analiżijiet kontinwi tan-nutrijenti għandhom jipprovdu d-dejta dwar l-użu lokali tar-raba', it-tinwib tal-għelejjel u l-prattiċi agrikoli fuq irziezet li ngħataw derogi individwali. Dik id-dejta tista' tintuża biex tiġi kkalkulata, abbażi ta' mudelli, il-lissija ta' nitrati u t-telf tal-fosfru minn għelieqi li jiddemmlu b'massimu ta' 230 kg jew 250 kg ta' nitroġenu fis-sena għall kull ettaru b'demel minn bhejjem li jirgħu.

5.   In-netwerk ta' monitoraġġ, inkluż l-ilma ta' taħt l-art qrib il-wiċċ, l-ilma tal-ħamrija, l-ilma tad-drenaġġ u n-nixxigħat f'irziezet tan-netwerk ta' monitoraġġ, għandu jipprovdi dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u tal-fosfru fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fejn hemm l-għeruq u jidħol fis-sistemi tal-ilma ta' taħt l-art u tal-wiċċ.

6.   Il-monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma għandu jindirizza l-baċiri agrikoli b'ħamrija ramlija.

Artikolu 9

Kontrolli

1.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-irziezet kollha li ngħataw deroga individwali għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ammont massimu ta' 230 kg jew 250 kg ta' nitroġenu fis-sena għal kull ettaru mid-demel tal-bhejjem li jirgħu f'irziezet fejn mill-inqas 80 % tal-art tkun bur, mal-istandards totali għall-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru, u mal-kundizzjonijiet tal-użu tal-art. Meta l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali juru li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ma jkunux ġew sodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b'dan. F'dan il-każ, l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi aċċettata.

2.   Għandu jiġi stabbilit programm ta' spezzjonijiet fuq bażi tar-riskju u bi frekwenza xierqa, li jikkunsidra r-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta' qabel u r-riżultati tal-kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE u kwalunkwe informazzjoni li tista' tindika nuqqas ta' konformità.

L-ispezzjonijiet amministrattivi għandhom jindirizzaw mill-anqas 5 % tal-irziezet li ngħataw deroga individwali fir-rigward tal-użu tal-art, l-għadd ta' bhejjem u l-produzzjoni tad-demel.

L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru f'mill-anqas 7 % tal-irziezet li ngħataw deroga individwali skont din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta' din id-Deċiżjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità ma' deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Rappurtar

1.   Sa Marzu ta' kull sena l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dejta marbuta mal-fertilizzazzjoni fl-irziezet kollha li ngħataw deroga individwali, inkluż informazzjoni dwar il-produzzjonijiet u t-tipi ta' ħamrija;

(b)

ix-xejriet fl-għadd ta' bhejjem għal kull kategorija ta' bhejjem fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-irziezet li tad-deroga;

(c)

ix-xejriet nazzjonali tal-produzzjoni tad-demel f'dak li għandu x'jaqsam man-nitroġenu u l-fosfati fid-demel;

(d)

sommarju tar-riżultati tal-kontrolli marbuta mal-koeffiċjenti tal-eskrezzjoni għad-demel tal-ħnieżer u tat-tjur fil-livell nazzjonali;

(e)

mapep li juru l-perċentwal ta' rziezet, il-perċentwal ta' bhejjem u l-perċentwal ta' raba' koperti minn deroga individwali f'kull muniċipalità, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1);

(f)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilmijiet ta' taħt l-art u tal-wiċċ, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma;

(g)

informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u tal-fosfru fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fejn hemm l-għeruq u jidħol fis-sistema tal-ilma ta' taħt l-art jew tal-wiċċ kif imsemmi fl-Artikolu 8(5) u r-riżultati mill-monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma f'baċiri agrikoli b'ħamrija ramlija kif imsemmi fl-Artikolu 8(6);

(h)

ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu lokali tal-art, in-newba tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, u r-riżultati tal-kalkoli abbażi ta' mudelli tal-kwantitajiet ta' nitroġenu u fosfru mitlufa minn irziezet li ngħataw deroga individwali, kif imsemmi fl-Artikolu 8(4);

(i)

valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga, abbażi tal-kontrolli fil-livell tal-irziezet u ta' informazzjoni dwar l-irziezet li mhumiex konformi, abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u l-ispezzjonijiet fuq il-post, kif imsemmi fl-Artikolu 9.

2.   Id-dejta ġeografika fir-rapport għandha, fejn applikabbli, tissodisfa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn xieraq, fil-ġbir tad-dejta meħtieġa l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jagħmlu użu mill-informazzjoni ġġenerata mis-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 324, 10.12.2005, p. 89.

(3)  ĠU L 35, 6.2.2010, p. 18.

(4)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.


Top