EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0161

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/161/UE tal- 11 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2009/831/KE fir-rigward tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha

OJ L 89, 25.3.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/161/oj

25.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/161/UE

tal-11 ta’ Marzu 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2009/831/KE fir-rigward tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/831/KE (2) awtorizzat lill-Portugall, sal-31 ta’ Diċembru 2013, biex japplika rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fil-Madejra, bħala reġjun ultraperiferiku, fir-rigward ta’ rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fl-Azores, bħala reġjun ultraperiferiku, fir-rigward ta’ likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment. L-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni illimita d-deroga msemmija hawn fuq għal prodotti speċifiċi. Bis-saħħa ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Portugall jista’ japplika għal dawn il-prodotti, rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol kif stipulata fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE (3), u aktar baxxa mir-rata minima tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol kif ġiet stipulata fid-Direttiva 92/84/KEE, iżda li mhijiex iktar minn 75 % aktar baxxa mir-rata tad-dazju tas-sisa normali nazzjonali fuq l-alkoħol.

(2)

L-applikazzjoni ta’ rata tad-dazju tas-sisa iktar baxxa tistabbilixxi tassazzjoni differenzjata, li tibbenefika l-produzzjoni lokali ta’ ċerti prodotti. Din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(3)

Il-Kummissjoni kkonfermat li t-tnaqqis fir-rata tad-dazju tas-sisa għandha tibqa’ tkun awtorizzata biex tpatti għall-iżvantaġġ kompetittiv li qiegħed iħabbat wiċċu miegħu x-xorb alkoħoliku ddistillat prodott fil-Madejra u fl-Azores bħala riżultat ta’ spejjeż ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ogħla, iġġenerati mis-sitwazzjoni soċjali u ekonomika strutturali speċifika ta’ dawk iż-żewġ reġjuni ultraperiferiċi, li hija aggravata mir-restrizzjonijiet speċjali tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u li diġà preċedentement iġġustifikaw id-deroga stipulata fid-Deċiżjoni 2009/831/KE.

(4)

Peress li s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika strutturali speċifika f’dawk iż-żewġ reġjuni ultraperiferiċi għadha tippersisti, jinħtieġ li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/831/KE jiġi estiż ulterjorment.

(5)

Fit-28 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida tagħha dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perijodu 2014–20, li jistabbilixxu kif l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna lill-kumpanniji sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ reġjuni żvantaġġati fl-Ewropa bejn l-2014 u l-2020. Dawk il-Linji Gwida, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014, jiffurmaw parti minn strateġija usa’ biex jiġi mmodernizzat il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, bil-għan li jitrawwem it-tkabbir fis-Suq Uniku billi jiġu nkoraġġuti miżuri ta’ għajnuna aktar effettivi u l-infurzar tal-Kummissjoni jkun iffokat fuq il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq il-kompetizzjoni.

(6)

Id-Deċiżjoni 2009/831/KE kienet applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013. Għalhekk, huwa xieraq li l-perijodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/831/KE jiġi estiż b’sitt xhur, biex b’hekk id-data tal-iskadenza tikkoinċidi mad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–20.

(7)

Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-Portugall jista’ japplika mingħajr kwalunkwe interruzzjoni t-tnaqqis ikkonċernat hekk kif tiskadi l-awtorizzazzjoni analoga mogħtija permezz tad-Deċiżjoni 2009/831/KE. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni l-ġdida mitluba għandha tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

(8)

Id-Deċiżjoni 2009/831/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2009/831/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2013” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2014”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Frar 2014.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/831/KE tal-10 ta’ Novembru 2009 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Azores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment (ĠU L 297, 13.11.2009, p. 9).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29).


Top