Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0134

2014/134/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Marzu 2014 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja (notifikata bid-dokument C(2014) 1657) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 74, 14.3.2014, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 28/03/2014; Imħassar b' 32014D0178

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/134/oj

14.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/63


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Marzu 2014

dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja

(notifikata bid-dokument C(2014) 1657)

(Il-verżjoni bil-Pollakk biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/134/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u dawk selvaġġi b’oriġini domestiċi u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tal-irziezet tal-ħnieżer u tisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent patoġeniku jista’ jinxtered fi rziezet oħra tal-ħnieżer u fost il-ħnieżer selvaġġi b’oriġini domestiċi. B’hekk, jista’ jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE jistipula l-istabbiliment ta’ żona infettata wara li jiġi kkonfermat każ wieħed jew iżjed ta’ deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi b’oriġini domestiċi.

(4)

Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, u b’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żona infettata fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel mhux meħtieġ għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati l-ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li tiġi stabbilita, f’kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, lista tal-Unjoni tat-territorji infettati bid-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja.

(6)

Għalhekk, it-territorji infettati fil-Polonja għandhom jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien ta’ dan il-qsim f’reġjuni f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/100/UE (4) għandha tiġi kkonfermata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja għandha tiżgura li ż-żona infettata stabbilita f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE tkun tinkludi tal-anqas it-territorji mniżżlin fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ April 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/100/UE tat-18 ta’ Frar 2014 li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja (ĠU L 50, 20.2.2014, p. 35).


ANNESS

ŻONA NFETTATA

It-territorji li ġejjin fir-Repubblika tal-Polonja:

fil-vojvodja ta’ Podlaskie: il-povjat ta’ Sejneński fil-povjat ta’ Augustowski, il-muniċipalitajiet ta’ Płaska, Lipsk u Sztabin; il-povjat ta’ Sokólski; fil-povjat ta’ Białostocki, il-muniċipalitajiet ta’ Czarna Białostocka, Supraśl, Zabudów, Michałowo u Gródek; u l-povjati Hajnowski, Bielski u Siemiatycki;

fil-vojvodja ta’ Mazowieckie: il-povjat ta’ Łosicki;

fil-vojvodja ta’ Lubelskie: il-povjati ta’ Bialski, Biała Podlaska Włodawski.


Top