Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0113

2014/113/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE

OJ L 62, 4.3.2014, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/113(1)/oj

4.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Marzu 2014

li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE

(2014/113/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (minn hawn ‘il quddiem il-Kumitat) ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/320/KE (1) biex jevalwa l-effetti tas-saħħa tas-sustanzi kimiċi fuq il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ix-xogħol tal-Kumitat jappoġġa direttament l-attività regolatorja tal-Unjoni fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Huwa jiżviluppa għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja u jiżgura li l-proposti, id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Kummissjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda.

(2)

Il-Kumitat jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-aħħar dejta xjentifika disponibbli u billi jipproponi limiti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali (OELs) għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji kimiċi, li jridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (2) u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Il-membri tal-SCOEL huma esperti indipendenti u speċjalizzati kkwalifikati ħafna, magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni b’Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet li huma neċessarji għall-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema. In-natura tal-kontribut tagħhom hija tali li mingħajru l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tilħaq l-għanijiet tal-politika soċjali tagħha biex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Għalhekk, dawn l-esperti indipendenti għandhom jirċievu rimunerazzjoni lil hinn mir-rimborż tal-ispejjeż, li tkun proporzjonali għal kompiti partikolari attribwiti lilhom.

(4)

Ix-xogħol tal-Kumitat jagħti kontribut effettiv għat-titjib tal-ambjent tax-xogħol biex jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema billi jipprovdi lill-Kummissjoni b’evidenza xjentifika dwar l-effetti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol u dan huwa indispensabbli biex il-Kummissjoni tkun kapaċi tilħaq l-objettivi tal-politika soċjali rilevanti tal-Unjoni. Għalhekk, l-iffinanzjar tal-attivitajiet tiegħu se jiġi pprovdut mil-linja baġitarja rilevanti li hija ddedikata biex tappoġġja l-inizjattivi fil-qasam tal-politika soċjali u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

(5)

Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi introdott titjib fl-istruttura u l-proċeduri ta’ ħidma tal-Kumitat.

(6)

Il-membri tal-Kumitat għandhom jintgħażlu permezz ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess. Dan jiżgura li l-proċedura tirrispetta l-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trasparenza.

(7)

Bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità u l-effiċjenza tal-ħidma tal-Kumitat, il-membri maħtura bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/985/UE (4) għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru membri ġodda tal-Kumitat.

(8)

Il-parir xjentifiku mogħti dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji etiċi ta’ eċċellenza, indipendenza, imparzjalità, u trasparenza, kif żviluppati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “The collection and use of expertise by the Commission: principles and guidelines. Improving the knowledge for better policies” (5), u jrid jiġi organizzat b’konformità mal-prinċipji tal-aqwa prassi tal-valutazzjoni tar-riskju.

(9)

Billi jridu jsiru emendi sostantivi fid-Deċiżjoni 95/320/KE, dik id-Deċiżjoni għandha titħassar u tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida fl-interess taċ-ċarezza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Limiti tal-Esposizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol

Għandu jitwaqqaf Kumitat Xjentifiku dwar il-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (“il-Kumitat”) biex jevalwa l-effetti fuq is-saħħa tas-sustanzi kimiċi fuq il-ħaddiema fuq ix-xogħol.

Artikolu 2

Il-Missjoni

(1)   Il-missjoni tal-Kumitat għandha tkun li jipprovdi lill-Kummissjoni b’Rakkomandazzjonijiet jew Opinjonijiet fuq talba ta’ din tal-aħħar dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-evalwazzjoni tossikoloġika tas-sustanzi kimiċi għall-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-ħaddiema.

(2)   Il-Kumitat, wara li jikkonsulta lis-Segretarjat kif previst fl-Artikolu 5(3), għandu jadotta metodoloġija għad-derivazzjoni tal-Limiti tal-Espożizzjoni marbuta max-Xogħol (“OELs”) u jirrevediha minn żmien għal żmien, biex tirrifletti l-fatturi xjentifiċi kollha rilevanti għall-iffissar tal-OELs. Dan għandu jiżgura li l-metodoloġija tiegħu tirrifletti l-prassi attwali tal-istima tar-riskju.

(3)   B’mod partikolari l-Kumitat għandu jirrakkomanda OELs ibbażati fuq dejta xjentifika, kif iddefiniti fid-Direttivi 98/24/KE u 2004/37/KE, li għandha tinkludi, iżda mhux tkun limitata għal:

il-medja differenzjata ta’ tmien sigħat xogħol (TWA);

il-limiti ta’ żmien qasir/limiti ta’ eskursjoni (STEL);

il-valuri tal-limitu bijoloġiku/il-valuri ta’ gwida bijoloġijka (BLV/BGV).

L-OELs jistgħu jkunu ssupplimentati kif xieraq, b’notazzjonijiet oħrajn li għandhom jinkludu:

l-assorbiment probabbli mill-ġilda;

il-potenzjali li jissensitizza;

il-proprjetajiet karċinoġeniċi.

Jistgħu jiġu introdotti notazzjonijiet xierqa addizzjonali b’emendi fid-dokument ta’ metodoloġija tal-Kumitat.

(4)   Kwalunkwe Rakkomandazzjoni għal OEL għandha tissaħħaħ u tiġi spjegata fid-dettall b’informazzjoni dwar id-dejta bażika, deskrizzjoni tal-effetti kritiċi, it-tekniki tal-estrapolazzjoni użati u kwalunkwe dejta dwar riskji possibbli għal saħħet il-bniedem. Il-vijabilità tal-monitoraġġ ta’ espożizzjoni ta’ kwalunkwe OEL propost għandha wkoll tiġi nnutata.

(5)   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Kumitat biex iwettaq azzjonijiet oħra marbuta mal-evalwazzjoni tossikoloġika tas-sustanzi kimiċi.

(6)   Il-Kumitat għandu jidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika speċifika li tista’ tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tar-riskji kimiċi u għandu jinforma lill-Kummissjoni skont dan.

(7)   Il-Kumitat għandu jidentifika kwistjonijiet ta’ prijorità attwali li jirrigwardaw l-effetti fuq is-saħħa tal-kimiċi u għandu jinforma lill-Kummissjoni skont dan.

(8)   Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Kumitat għandu jwaqqaf gruppi ta’ diskussjoni tematiċi biex jirrevedi d-dejta u l-għarfien xjentifiku dwar is-sustanzi kimiċi jew kwistjonijiet marbutin mal-metodoloġija tiegħu. Dawn il-gruppi ta’ diskussjoni għandhom ikunu organizzati bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-Kumitat.

(9)   Skont l-Artikolu 5(5), fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-kumitat għandu jfittex li jiżgura kooperazzjoni mal-korpi l-oħra rilevanti stabbiliti skont il-liġi tal-UE, inklużi Aġenziji tal-Unjoni li jwettqu ħidmiet simili fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni.

Artikolu 3

Ħatra tal-Membri tal-Kumitat

(1)   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn wieħed u għoxrin espert individwali magħżula minn lista ta’ kandidati eleġibbli stabbilita wara l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Għandha tiġi pprovduta wkoll ħolqa li mir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u ta’ entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru”) twassal għall-paġna tal-Internet fejn tkun ppubblikata s-sejħa.

Il-membri għandhom jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom mill-Kummissjoni.

Il-membri għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ evidenza tal-għarfien espert xjentifiku u l-esperjenza tagħhom, wara li tkun tqieset il-ħtieġa li jkun żgurat:

li l-firxa sħiħa tal-għarfien espert xjentifiku meħtieġ biex tintlaħaq il-missjoni tkun evidenti, inkluż, b’mod partikolari, għarfien fil-kimika, fit-tossikoloġija, fl-epidemjoloġija, fil-mediċina okkupazzjonali u l-iġjene industrijali, u kompetenza ġenerali fl-iffissar tal-OELs;

li jkun hemm distribuzzjoni ġeografika bilanċjata tal-membri tal-Kumitat.

(2)   L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru kif ukoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għal skopijiet ta’ informazzjoni.

Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(3)   Il-membri maħtura bid-Deċiżjoni 2009/985/UE skont id-Deċiżjoni 95/320/KE għandhom jibqgħu fil-kariga skont din id-Deċiżjoni sakemm il-ħatra ta’ membri għal mandat ġdid skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 4

Il-mandat

(1)   Il-mandat għall-membri tal-Kumitat għandu jkun ta’ tliet snin. Wara li jiskadi l-perjodu ta’ tliet snin, il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinbidlu jew sakemm il-ħatriet tagħhom jiġġeddu.

(2)   Fil-każ ta’ riżenja ta’ membru tal-Kumitat qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet snin jew fejn membru jkun assenti għal aktar minn terz tal-laqgħat jew għal kwalunkwe raġuni oħra mhux kapaċi aktar li jikkontribwixxi b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat, huwa/hija jista’/tista’ jinbidel/tinbidel għall-bqija tal-mandat. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha taħtar membru ġdid mil-lista preċedenti tal-kandidati f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

Il-Bord u s-Segretarjat tal-Kumitat

(1)   Fil-bidu ta’ kull mandat, il-Kumitat għandu jeleġġi minn fost il-membri tiegħu stess, b’maġġoranza sempliċi, president u żewġ viċi presidenti. Dawn it-tliet membri għandhom jikkostitwixxu l-Bord tal-Kumitat (“il-Bord”).

(2)   Il-Bord għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet proċedurali interni tal-Kumitat u għandu jippresiedi l-laqgħat bil-ħsieb li jinkiseb kunsens xjentifiku dwar l-Opinjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet li jridu jkunu adottati.

(3)   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-Segretarjat tal-Kumitat u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu, flimkien mal-appoġġ amministrattiv neċessarju biex jitħaffef l-iffunzjonar effiċjenti tal-Kumitat.

(4)   Is-Segretarjat għandu jiżgura kooperazzjoni effettiva tal-Kumitat ma’ Kumitati Xjentifiċi oħrajn u Aġenziji tal-Unjoni.

(5)   Is-Segretarjat għandu jieħu ħsieb li jiżgura l-identifikazzjoni bikrija ta’ sorsi potenzjali ta’ konflitt bejn l-Opinjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat u dawk ta’ korpi oħrajn stabbiliti skont il-liġi tal-UE, inklużi l-Aġenziji tal-Unjoni, li jwettqu xi kompitu simili fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni.

Artikolu 6

Gruppi ta’ Ħidma

(1)   Fuq talba tal-Bord, il-Kumitat għandu jaħtar gruppi ta’ ħidma minn fost il-membri tiegħu, bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni.

(2)   Mill-gruppi ta’ ħidma għandu jkun meħtieġ li jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi rilevanti għax-xogħol tal-Kumitat, abbażi tat-termini ta’ referenza ddefiniti mill-Kumitat, u li jirrapportaw dwar ir-riżultati tad-deliberazzjonijiet tagħhom. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu xolti hekk kif jilħqu l-għan tagħhom.

Artikolu 7

Laqgħat plenarji tal-Kumitat u laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma

(1)   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(2)   Il-laqgħat plenarji tal-Kumitat għandhom iseħħu, bħala regola ġenerali, erba’ darbiet fis-sena.

(3)   Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom ilaqqgħu u jieħdu sehem fil-laqgħat plenarji tal-Kumitat u għandhom isejħu l-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma.

(4)   Il-Kumitat u l-gruppi ta’ ħidma għandhom normalment jiltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, il-laqgħat jistgħu jinżammu xi mkien ieħor.

Artikolu 8

Proċeduri u metodoloġija

(1)   Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għandhom jirrelataw ma’ kwalunkwe talba għal Rakkomaandazzjoni dwar OEL għal sustanza speċifika jew grupp ta’ sustanzi jew kwalunkwe Opinjoni xjentifika (“Opinjoni”) oħra mitluba mill-Kummissjoni.

(2)   Il-Kummissjoni, meta titlob kwalunkwe Rakkomandazzjoni jew Opinjoni tal-Kumitat, f’konformità mal-paragrafu 1, tista’ tiffissal-perjodu ta’ żmien li fih dawn għandhom jingħataw.

(3)   Il-Kumitat, u b’mod partikolari l-Bord, għandu jagħmel kull sforz biex jibbaża r-Rakkomandazzjonijiet jew l-Opinjoni tiegħu fuq qbil. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ma għandhomx jiġu segwiti b’vot. Fin-nuqqas ta’ qbil unanimu, il-pożizzjonijiet varji meħuda fil-kors tad-deliberazzjonijiet għandhom ikunu rrappurtati lill-Kummissjoni mill-Kumitat.

(4)   Il-Kumitat għandu jiżgura, bl-appoġġ tas-Segretarjat, li l-metodoloġija tiegħu tirrifletti l-aħħar standards xjentifiċi u li tiġi implimentata.

(5)   Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 9(3), il-Kummissjoni għandha tippubblika l-Metodoloġija aġġornata flimkien mar-Rakkomandazzjoni u l-Opinjonijiet adottati tal-Kumitat fil-parti tal-websajt tagħha ddedikata lill-Kumitat.

Artikolu 9

Prinċipji etiċi

Il-membri tal-Kumitat għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe influwenza esterna. Dawn ma għandhomx jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil xi persuna oħra.

Dawn għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxu fl-interess pubbliku u li jiddikjaraw jew l-assenza jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jitqies ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jieħdu nota u jikkonkludu dwar ir-rilevanza ta’ kwalunkwe interess iddikjarat.

Il-Kumitat għandu jiżgura li r-Rakkomandazzjonijiet u l-Opinjonijiet tiegħu jippreżentaw b’mod ċar il-motivazzjoni użata fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni tiegħu, kif spjegat fil-metodoloġija tiegħu.

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Membri tal-Kumitat ma għandhomx jagħtu informazzjoni li jistgħu jsiru jafu biha minħabba x-xogħol tagħhom fil-Kumitat, gruppi ta’ diskussjoni tematiċi, gruppi ta’ ħidma jew attivitajiet oħra marbuta ma’ din id-Deċiżjoni.

Għandha tiġi ffirmata dikjarazzjoni bil-miktub ta’ kunfidenzjalità mill-membri tal-Kumitat fil-bidu ta’ kull mandat.

Artikolu 10

Osservaturi u esperti esterni

(1)   Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jistiednu lill-pajjiżi tal-ŻEE/EFTA jissottomettu proposti biex ix-xjenzjati jattendu l-laqgħat bħala osservaturi.

(2)   Fejn ikun xieraq, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jistiednu esperti xjentifiċi minn barra l-Kumitat li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat jew fi grupp ta’ ħidma fuq bażi ad hoc.

Artikolu 11

Kumpensi speċjali

(1)   Il-Membri tal-Kumitat u l-esperti esterni mistiedna fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni għandhom ikunu intitolati għal kumpens speċjali ta’ massimu ta’ EUR 450 taħt il-forma ta’ unità ta’ spiża ta’ kuljum għal kull jum sħiħ tax-xogħol. Il-kumpens totali għandu jiġi kkalkulat u aġġustat ‘l fuq għall-ammont li jikkorrispondi għall-eqreb nofs jum tax-xogħol. Il-ħlasijiet kollha għandhom isiru fl-ewro.

(2)   L-ispejjeż li jagħmlu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Kumitat għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza għandhom jiġu rrimburżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet applikabbli (7). Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimburżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

(3)   L-Artikolu 11(1) għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-membri jinħatru għall-mandat li jmiss tal-Kumitat skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 3.

Artikolu 12

Trasparenza

(1)   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dokumenti kollha rilevanti (bħall-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) jew fir-Reġistru jew permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit tal-Internet ddedikat.

(2)   Għandhom ikunu possibbli eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ ta’ dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien tal-interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar- Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Artikolu 13

Revoka

(1)   Id-Deċiżjoni 95/320/KE hija b’dan irrevokata.

(2)   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/320/KE tat-12 ta’ Lulju 1995 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (ĠU L 188, 9.8.1995, p. 14).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

(3)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/985/UE tat-18 ta’ Diċembru 2009 li taħtar il-Membri tal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq ix-Xogħol għal mandat ġdid (ĠU L 338, 19.12.2009, p. 98).

(5)  COM(2002) 713 finali tal-11 ta’ Diċembru 2002.

(6)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5858 Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba min-nies barra mill-Kummissjoni mistiedna jattendu laqgħat fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsubin sabiex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċedimenti fil-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditjar u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.


Top