Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1357

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2013 tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

OJ L 341, 18.12.2013, p. 47–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0481

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1357/oj

18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/47


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1357/2013

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,’

Billi:

(1)

Ir-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali għandhom jiġu applikati għal miżuri ta’ politika kummerċjali mhux preferenzjali kollha, inklużi d-dazji antidumping u dawk kompensatorji.

(2)

Fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, il-prinċipju bażiku huwa stabbilit li merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż meta tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew xogħol f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

(3)

Id-dikjarazzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom ġiet suġġetta għal dazji antidumping provviżorji mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013 (2).

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta u uniformi tad-dazji antidumping provviżorji, jeħtieġ li tiġi stabbilita regola dettaljata għall-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 biex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-prodotti koperti minn dawk il-miżuri rigward moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin u komponent ewlieni tagħhom, ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin.

(5)

Il-proċess ta’ produzzjoni ta’ moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin jista’ jinqasam fil-passi l-kbar li ġejjin: produzzjoni ta’ wejfers tas-siliċju, ipproċessar tal-wejfers tas-siliċju f’ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin; assemblaġġ ta’ diversi ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin f’modulu jew pannell fotovoltajku bis-siliċju kristallin.

(6)

L-aktar stadju importanti fil-manifattura ta’ pannelli jew moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin huwa l-ipproċessar ta’ wejfers tas-siliċju f’ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin. Dak huwa l-istadju ta’ produzzjoni deċiżiv li matulu l-użu li għalih ser jitqiegħdu il-partijiet komponenti tal-pannell jew il-modulu isir definittiv u meta dawn jingħataw kwalitajiet speċifiċi tagħhom.

(7)

Dik it-trasformazzjoni għalhekk għandha titqies bħala dik li fiha l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali fil-proċess ta’ produzzjoni tal-pannelli jew moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. Il-pajjiż ta’ manifattura taċ-ċelloli bis-siliċju kristallin għandu għalhekk ikun il-pajjiż ta’ oriġini mhux preferenzjali tal-pannelli jew moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin.

(8)

Bid-Deċiżjoni 94/800/KE (3) il-Kunsill approva, inter alia, il-Ftehim dwar ir-Regoli ta’ Oriġini (WTO- GATT 1994) mehmuż mal-att finali ffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994. Skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim għall-Programm ta’ Ħidma għall-Armonizzazzjoni, id-determinazzjoni tal-pajjiż li fih il-prodotti għaddew mill-aħħar trasformazzjoni sostanzjali għandha l-ewwel nett tkun ibbażata fuq il-pajjiż li fih il-proċess ta’ produzzjoni wassal għal bidla fil-klassifikazzjoni tat-tariffi. Huwa biss meta dak il-kriterju ma jippermettix li jiġu ddeterminati l-pajjiż tal-aħħar trasformazzjoni sostanzjali li jistgħu jintużaw kriterji oħrajn, bħall-kriterju tal-valur miżjud jew id-determinazzjoni ta’ operazzjoni speċifika ta’ pproċessar. Huwa xieraq li jintużaw l-istess prinċipji fil-leġiżlazzjoni doganali tal-UE.

(9)

Ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin huma kklassifikati f’intestatura 8541 tas-Sistema Armonizzata (SA). Moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin huma kklassifikati fl-istess intestatura. Il-materjal li jidħol, wejfers tas-siliċju, huwa kklassifikat fl-intestatura tas-SA 3818. Ir-regola bbażata fuq bidla ta’ intestatura ta’ tariffa b’hekk tesprimi adegwatament l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali taċ-ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin. Fl-istess ħin teskludi l-assemblaġġ tal-pannelli jew moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin miċ-ċelloli biex tagħti l-oriġini lill-prodott finali, minħabba li kemm il-pannelli kif ukoll iċ-ċelloli huma kklassifikati fl-istess intestatura.

(10)

Regola tal-oriġini bbażata fuq il-valur miżjud, li normalment jiġi kkombinat mal-bidla tar-regola tal-intestatura tat-tariffa għad-determinazzjoni ta’ prodotti li għalihom l-aħħar trasformazzjoni hija l-operazzjoni ta’ assemblaġġ, mhijiex adattata fil-każ ta’ moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin, minħabba li l-previżjoni meħtieġa u ċ-ċertezza legali jinkisbu aħjar għal dawk il-prodotti partikolari bl-identifikazzjoni tal-iktar pass ta’ produzzjoni sinifikanti.

(11)

Regola hekk imsejħa “residwa” hija neċessarja sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-pannelli jew moduli fotovoltajċi bis-siliċju meta r-regola primarja ta’ bidla fl-intestatura tat-tariffa ma tiġix sodisfatta. F’dak il-każ, l-oriġini taċ-ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin jew tal-akbar porzjon f’valur taċ-ċelloli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin għandu jkun l-oriġini tal-pannell jew tal-modulu.

(12)

Moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin jistgħu wkoll ikunu kklassifikati taħt ċerti kundizzjonijiet fl-intestatura tas-SA 8501. Regola simili bħala għall-Intestarua HS 8541 għandhom ukoll ikunu stabbiliti għal dawk il-pannelli jew moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin.

(13)

Għalhekk ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4) għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni. Inħasset il-ħtieġa ta’ Att ta’ implimentazzjoni u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell għal aktar diskussjoni. Il-Kumitat tal-Appelli ma ressaqx opinjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness 11 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 513/2013 tal-4 ta’ Ġunju 2013 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2013 li jagħmel dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 152, 5.6.2013, p. 5).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, meta għandhom x’jaqsmu kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha, tal-Ftehim milħuqa fin-negozjati multilaterali tar-Round tal-Uruguay (1986 – 1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


ANNESS

L-Anness 11 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 huwa emendat kif ġej:

1.

L-entrata li ġejja tiddaħħal bejn l-entrati dwar il-prodotti kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 8482 u ex 8520:

“Ex85 01

Moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, ħlief dik tal-prodott u tal-intestatura 8541 .

Meta l-prodott ikun immanifatturat minn materjali kklassifikati fl-intestaturi 8501 jew 8541 , l-oriġini ta’ dawk il-materjali tkun l-oriġini tal-prodott.

Meta l-prodott ikun immanifatturat minn materjali kklassifikati fl-intestaturi 8501 jew 8541  u joriġina f’aktar minn pajjiż wieħed, l-oriġini tal-parti bl-ogħla valur minn dawk il-materjali tkun l-oriġini tal-prodott.”

2.

L-entrata li ġejja tiddaħħal bejn l-entrati dwar il-prodotti kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 8528 u ex 8542:

“Ex85 41

Ċelloli, moduli jew pannelli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin

Manifattura minn materjali ta’ kwalunkwe intestatura, għajr dik tal-prodott.

Meta l-prodott ikun immanifatturat minn materjali kklassifikati fl-intestatura 8541 , l-oriġini ta’ dawk il-materjali tkun l-oriġini tal-prodott.

Meta l-prodott ikun immanifatturat minn materjali kklassifikati fl-intestatura 8541 u jkun joriġina f’aktar minn pajjiż wieħed, l-oriġini tal-parti bl-ogħla valur minn dawk il-materjali tkun l-oriġini tal-prodott.”


Top