EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1309

Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006

OJ L 347, 20.12.2013, p. 855–864 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1309/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/855


REGOLAMENT (UE) Nru 1309/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Diċembru 2013

dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi varata strateġija ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (l-"istrateġija Ewropa 2020"). Waħda mit-tliet prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 hija t-tkabbir inklużiv bil-għoti tas-setgħa lin-nies permezz ta' livelli għoljin ta' impjiegi, l-investiment fil-ħiliet, il-ġlieda kontra l-faqar u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, it-taħriġ u sistemi ta’ protezzjoni soċjali sabiex tgħin liċ-ċittadini jantiċipaw u jimmaniġġaw it-tibdil, u tibni soċjetà koeżiva inklussiva. Sabiex jingħelbu l-effetti avversi tal-globalizzazzjoni jeħtieġ ukoll li jinħolqu l-impjiegi fl-Unjoni kollha u li jkun hemm politika determinata dwar l-appoġġ għat-tkabbir.

(2)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għad-durata tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-FEG jippermetti lill-Unjoni turi solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja kawża tal-bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u minħabba kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi dinjija, u jista' wkoll joffri appoġġ lill-benefiċjarji fi swieq tax-xogħol żgħar jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollettivi li jinvolvu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), anke jekk in-numru ta’ sensji jkun anqas mil-limitu normali meħtieġ biex il-FEG jiġi mobilizzat.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata: ‘Baġit għall-Ewropa 2020’, il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol tal-FEG bħala fond flessibbli li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom u biex jgħinhom isibu impjieg ieħor malajr kemm jista' jkun. L-Unjoni għandha tkompli tipprovdi, għad-durata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Dicembru 2020, għajnuna speċifika ta’ darba sabiex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f’oqsma, f'setturi, f'territorji jew fi swieq tax-xogħol li jkunu qed ibatu mix-xokk ta' taqlib ekonomiku serju. Fid-dawl tal-għan tiegħu, li huwa li jipprovdi appoġġ f'sitwazzjonijiet urġenti u ċirkostanzi mhux mistennija, il-FEG għandu jibqa' barra mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

(4)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ġie estiż fl-2009 bir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) bħala parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku biex jinkludi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sabiex il-FEG ikun jista' jintervjeni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi li għaddejjin bħalissa jew dawk futuri, il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu għandu jkopri s-sensji li jirriżultaw minn taqlib ekonomiku serju kkawżat minn kontiwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, jew minn kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida.

(5)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Bidla, li huwa bbażat fil-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) f’Dublin, jagħti assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'analiżi kwalitattiva u kwantitattiva sabiex jgħin fil-valutazzjoni tat-tendenzi tal-globalizzazzjoni u tal-użzu tal-FEG.

(6)

Biex tkun żgurata d-dimensjoni Ewropea tal-FEG, applikazzjoni għall-appoġġ għandha tiġi attivata meta l-għadd ta' sensji jilħaq livell minimu. Madankollu, fi swieq tax-xogħol żgħar, bħalma huma Stati Membri żgħar jew reġjuni remoti, jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jistgħu jitressqu applikazzjonijiet għal numru inqas ta' sensji.

(7)

Il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet għandu jkollhom aċċess indaqs għall-FEG ikun xi jkun it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg tagħhom. Għalhekk, ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja kif ukoll il-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet għandhom jitqiesu bħala benefiċjarji tal-FEG għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-FEG għandu temporanjament jipprovdi assistenza liż-żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) li jgħixu f'reġjuni eliġibbli taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, minħabba li dawk ir-reġjuni huma milquta b'mod sproporzjonat minn rata maġġuri ta’ sensji.

(9)

L-appoġġ mill-FEG għandu jiffoka prinċipalment fuq miżuri attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn ir-riintegrazzjoni rapida tal-benefiċjarji fid-dinja tax-xogħol sostenibbli, jew ġewwa jew barra s-settur tal-attività inizjali tagħhom. Għalhekk l-inklużjoni ta’ allowances ta' flus f'pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandha tkun ristretta. Il-kumpaniji jistgħu jiġu mħeġġa jipprovdu kofinanzjament għall-miżuri li huma appoġġati mill-FEG.

(10)

Meta jkunu qed jistabbilixxu l-pakkett koordinat tal-miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jiffavorixxu miżuri li jkunu se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-impjegabbiltà tal-benefiċjarji. L-Istati Membri għandhom iħabirku għar-riintegrazzjoni f’impjieg sostenibbli tal-akbar numru possibbli ta’ benefiċjarji li jkunu qed jipparteċipaw f’dawn il-miżuri mill-aktar fis possibbli fil-perjodu ta' sitt xhur qabel ma jkun dovut ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

(11)

L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji żvantaġġati, inklużi ż-żgħażagħ qiegħda u dawk li huma aktar kbar fl-età kif ukoll dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar, meta jkunu qed ifasslu l-pakkett ikkoordinat ta’ miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol, peress li dawk il-gruppi jesperjenzaw problemi partikolari biex jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u l-globalizzazzjoni.

(12)

Il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tan-nondiskriminazzjoni, li huma fost il-valuri ewlenin tal-Unjoni u li jinsabu proklamati fl-istrateġija Ewropa 2020, għandhom jiġu rispettati u promossi meta jkun qed jiġi implimentat il-FEG.

(13)

Biex il-benefiċjarji jiġu appoġġati b'mod effettiv u rapidu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha sabiex iressqu applikazzjonijiet kompluti għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG. L-għoti ta' tagħrif addizzjonali għandu jkun limitat fiż-żmien.

(14)

Fl-interess tal-benefiċjarji u tal-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri, l-Istati Membri applikanti għandhom iżommu lill-atturi kollha li huma involuti fil-proċess tal-applikazzjoni mgħarrfa bil-progress tal-applikazzjoni.

(15)

F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG ma għandhomx jissostitwixxu l-miżuri ta’ appoġġ li huma disponibbli għall-benefiċjarji fi ħdan il-fondi tal-Unjoni jew politiki jew programmi oħra tal-Unjoni iżda fejn hu possibbli għandhom jikkomplementawhom.

(16)

Għandhom jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċjali għal attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni fuq każijiet tal-FEG u r-riżultati tagħhom.

(17)

Sabiex tiġi espressa s-solidarjetà tal-Unjoni mal-ħaddiema li jkunu ġew issensjati u mal-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet, ir-rata ta' kofinanzjament għandha tiġi stabbilita għal 60 % tal-kost tal-pakkett u l-implimentazzjoni tiegħu.

(18)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, in-nefqa għandha tkun eliġibbli jew mid-data li fiha Stat Membru jibda jipprovdi servizzi personalizzati jew mid-data li fiha Stat Membru jġarrab nefqa amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-FEG.

(19)

Sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu b’mod speċjali matul l-ewwel xhur ta’ kull sena, fejn il-possibilitajiet għal trasferimenti minn linji baġitarji oħra jkunu partikolarment diffiċli, għandu jitqiegħed disponibbli ammont adegwat ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-linja baġitarja tal-FEG fil-proċedura baġitarja annwali.

(20)

Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' 2 ta' Diċembru 2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (5) ("il-Ftehim Interistituzzjonali") jiddetermina l-qafas baġitarju tal-FEG.

(21)

Fl-interess tal-benefiċjarji, l-assistenza għandha titqiegħed disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG għandhom jagħmlu ħilithom biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

(22)

Fil-każ li tagħlaq xi intrapriża, il-ħaddiema ssensjati minn dik l-intrapriża jistgħu jiġu megħjuna jieħdu f’idejhom xi wħud mill-attivitajiet tagħha jew l-attivitajiet kollha tagħha u l-Istat Membru li fih tinsab l-intrapriża jista' javvanza l-fondi li jkunu meħtieġa b'mod urġenti biex dan isir possibbli.

(23)

Sabiex jippermettu skrutinju politiku mill-Parlament Ewropew u monitoraġġ kontinwu mill-Kummissjoni tar-riżultati miksuba bl-għajnuna tal-FEG, l-Istati Membri għandhom iressqu rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-FEG.

(24)

L-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja u għall-ġestjoni u l-kontroll tal-azzjonijiet appoġġati mill-finanzjament tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament Finanzjarju”) (6). L-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw l-użu li jkun sar mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jkunu rċevew mill-FEG. Minħabba l-perjodu ta’ implimentazzjoni qasir tal-operazzjonijiet tal-FEG, l-obbligi ta’ rappurtar għandhom jirriflettu n-natura partikolari tal-interventi tal-FEG. Huwa meħtieġ għalhekk li ssir deroga mir-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-obbligi tar-rappurtar.

(25)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, aktar jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas- sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Objettivi

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

L-iskop tal-FEG għandu jkun li jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, inklużiv u sostenibbli u li jippromwovi l-impjiegi sostenibbli fl-Unjoni billi jippermetti lill-Unjoni turi solidarjetà lejn, u tagħti appoġġ lil, ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida.

L-azzjonijiet li jgawdu minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għandu jkollhom l-iskop li jiżguraw li l-ikbar numru possibbli ta’ benefiċjarji li jipparteċipaw f'dawn l-azzjonijiet isibu impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli fil-perjodu ta' sitt xhur qabel ma jkun dovut ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għal azzjonijiet li jimmiraw lejn:

(a)

ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet b'riżultat tal-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, li jidher, b'mod partikolari, minn żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, bidla serja fil-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi tal-Unjoni, minn tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq tal-Unjoni f’settur partikolari jew minn delokalizzazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi, sakemm dawn is-sensji jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali;

(b)

ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet bħala riżultattal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida.

Artikolu 3

Definizzjoni

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “benefiċjarju” tfisser:

(a)

ħaddiem li l-impjieg tiegħu jintemm qabel iż-żmien minħabba l-għoti tas-sensja, jew jintemm matul il-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 4 u ma jiġix imġedded;

(b)

persuna li taħdem għal rasha li kienet timpjega mhux aktar minn 10 ħaddiema li ngħataw is-sensja fi ħdan l-ambitu ta' dan ir-Regolament, u li l-attività tagħhom waqfet, dment li l-attività kienet evidentement dipendenti fuq l-intrapriża konċernata fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1), jew dik, skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(1), il-persuna li taħdem għal rasha kienet topera fis-settur ekonomiku konċernat.

Artikolu 4

Il-kriterji ta’ intervent

1.   Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fejn il-kundizzjonijiet spjegati fl-Artikolu 2 ikunu ġew sodisfatti u jirriżultaw fi:

(a)

mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha jew il-produtturi tagħha aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni;

(b)

mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur, partikolarment f'SMEs, kollha li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkun jinsab f'reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2, jew f’aktar minn żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 sakemm hemm aktar minn 500 ħaddiem jew persuni li jaħdmu għal rashom milqutin fi tnejn mir-reġjuni kombinati.

2.   Fi swieq tax-xogħol żgħar jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta' applikazzjonijiet kollettivi li jinvolvu l-SMEs, fejn tkun debitament motivata mill-Istat Membru li jkun qed japplika, applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan l-Artikolu mill-FEG tista’ tiġi kkunsidrata ammissibbli anke jekk il-kriterji stabbiliti fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 ma jiġux sodisfatti kompletament, meta s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali. L-Istat Membru applikant għandu jispeċifika liema mill-kriterji ta’ intervent mogħtija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma jkunux sodisfatti kompletament. L-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet f’ċirkostanzi eċċezzjonali m’għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG.

Artikolu 5

Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

1.   L-Istat Membru applikant għandu jispeċifika l-metodu użat għall-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija fl-Artikolu 3, għall-fini tal-Artikolu 4.

2.   L-Istat Membru applikant għandu jikkalkula n-numru msemmi fil-paragrafu 1 f'waħda mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data meta min iħaddem, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE (7), jgħarraf bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti bis-sensji kollettivi pproġettati; f'dan il-każ l-Istat Membru applikant għandu jipprovdi lill-Kummissjoni tagħrif addizzjonali dwar in-numru reali ta' sensji milquta skont l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, qabel ma titlesta l-valutazzjoni mill-Kummissjoni;

(b)

id-data tan-notifika individwali ta’ min iħaddem ta’ waqfien mix-xogħol jew ta’ tmiem tal-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiem;

(c)

id-data ta’ meta jintemm de facto l-kuntratt tax-xogħol jew l-għeluq taż-żmien tiegħu;

(d)

tmiem id-delega mal-impriża utenti; jew

(e)

għal persuna li taħdem għal rasha, id-data tal- waqfien tal-attivitajiet kif determinat skont il-liġi nazzjonali jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

Artikolu 6

Benefiċjarji eliġibbli

1.   L-Istat Membru applikant jista' jipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lill-benefiċjari eliġibbli, li jistgħu jinkludu:

(a)

ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u l-persuni li jaħdmu għal rashom, li l-attività tagħhom tkun waqfet, ikkalkolati skont l-Artikolu 5, fil-perjodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 4,

(b)

ħaddiema li ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet, ikkalkolati skont l-Artikolu 5, qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza provdut fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1); jew

(c)

ħaddiema li ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet, f'każijiet fejn applikazzjoni taħt l-Artikolu 4(2) tidderoga mill-kriterji stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1).

Il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu kkunsidrati eliġibbli, sakemm ikunu ħadu s-sensja jew l-attività tagħhom tkun waqfet wara t-tħabbira ġenerali tas-sensji pproġettati u kemm-il darba tkun tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza.

2.   B' deroga mill-Artikolu 2, l-Istati Membri applikanti jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2017, jipprovdu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil numru ta' NEETs li huma ta’ età taħt il-25 sena (*) jew, fejn l-Istati Membri ddeċidew dan, għal min huwa taħt it-30 sena fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, li jkun ugwali għan-numru tal-benefiċjarji speċifikati, bħala prijorità mogħtija lill-persuni li ngħataw is-sensja jew li l-attività tagħhom waqfet, kemm-il darba tal-inqas xi wħud mis-sensji fis-sens tal-Artikolu 3 jseħħu f'reġjuni tal-livell NUTS 2 eliġibbli taħt l-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. L-appoġġ jista’ jingħata lin-NEETs li huma ta’ età taħt il-25 sena jew, fejn l-Istati Membri ddeċidew dan, għal min huwa taħt it-30 sena, f’dawk ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 li huma eliġibbli taħt l-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

Artikolu 7

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Tista' tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jagħmlu parti minn pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati, mfassla biex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-benefiċjarji speċifikati u, b’mod partikolari, il-persuni qiegħda li huma żvantaġġati, aktar kbar fl-età u żgħażagħ, f'impjieg jew f'impjieg indipendenti. Il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati jista' partikolarment jinkludi:

(a)

taħriġ u taħriġ mill-ġdid imfasslin apposta, inklużi ħiliet ta' teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-esperjenza miksuba, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, gwida dwar ix-xogħol, servizzi konsultattivi, konsulenza (mentoring), għajnuna għar-rikollokazzjoni, il-promozzjoni tal-intraprenditorija, għajnuna għal impjieg indipendenti, gћall-ftuħ ta’ negozji u ta' teħid ta' kontroll mill-impjegati, u attivitajiet ta' kooperazzjoni;

((b)

miżuri speċjali b'limitu ta' żmien, bħal allowances għat-tfittix ta' impjieg, inċentivi għar-reklutaġġ ta' min iħaddem, allowances għall-mobbiltà, sussidji jew allowances għat-taħriġ (inklużi allowances għal dawk li jindokraw lil ħaddieħor);

(c)

miżuri li jistimulaw b’mod partikulari lill-ħaddiema żvantaġġati jew li huma akbar fl-età u lill-persuni żgħażagħ qiegħda biex jibqgħu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

L-ispejjeż tal-miżuri taħt il-punt (b) ma għandhomx jaqbżu l-35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati elenkati f'dan il-paragrafu.

L-ispiża tal-investimenti għal impjieg indipendenti, il-bidu ta' negozju u t-teħid ta’ kontroll mill-impjegati ma għandhiex taqbeż il-EUR 15 000.

It-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa. Il-pakkett ikkoordinat għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li hi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

2.   Dawn il-miżuri li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG:

(a)

miżuri speċjali b'limitu ta' żmien imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, li mhumiex kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji speċifikati f'attivitajiet ta' tfittxija tax-xogħol jew ta' taħriġ;

(b)

azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' intrapriżi bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

L-azzjonijiet appoġġati mill-FEG ma għandhomx jissostitwixxu miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

3.   Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati għandu jitfassal b’konsultazzjoni mal-benefiċjarji speċifikati jew mar-rappreżentanti tagħhom, jew mas-sħab soċjali.

4.   Fuq inizjattiva tal-Istat Membru applikanti, tista' ssir kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, tagħrif u pubbliċità, kontroll u rappurtaġġ.

Artikolu 8

Applikazzjonijiet

1.   L-Istat Membru applikant għandu jressaq applikazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 12-il ġimgħa mid-data meta jkunu ġew sodisfatti l-kriterji mogħtija fl-Artikolu 4(1) jew (2).

2.   Fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, jew, fejn applikabbli, mid-data li fiha l-Kummissjoni jkollha f’idejha t-traduzzjoni tal-applikazzjoni, tkun liema tkun l-aħħar waħda li tasal, il-Kummissjoni għandha toħroġ irċevuta tal-applikazzjoni u tgħarraf lill-Istat Membru bi kwalunkwe tagħrif addizzjonali li jkollha bżonn sabiex tivvaluta l-applikazzjoni.

3.   Fejn tali tagħrif addizzjonali jiġi mitlub mill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. Din l-iskadenza għandha tiġi estiża mill-Kummissjoni b’ġimagħtejn, fuq talba debitament ġustifikata tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   Abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet rekwiżiti biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja, fi żmien 12-il ġimgħa minn meta l-applikazzjoni kompluta jew, fejn applikabbli mit-traduzzjoni tal-applikazzjoni. Fejn il-Kummissjoni, ma tkunx tista’ tirrispetta din l-iskadenza, għandha tagħti spjegazzjoni bil-miktub fejn tagħti r-raġunijiet tad-dewmien.

5.   Applikazzjoni kompluta għandu jkun fiha t-tagħrif li ġej:

(a)

analiżi rraġunata tar-rabta bejn is-sensji jew il-waqfien tal-attività tax-xogħol u t-tibdiliet strutturali prinċipali fix-xejriet tal-kummerċ dinji, jew it-taqlib serju fl-ekonomija lokali, reġjonali u nazzjonali kkawżat mill-globalizzazzjoni jew mill-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali jew minn kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida. Din l-analiżi għandha tkun imsejsa fuq statistika u tagħrif ieħor fil-livell l-aktar xieraq biex turi jekk il-kriterji ta’ intervent stipulati fl-Artikolu 4 intlaħqux jew le;

(b)

il-konferma li, fejn l-intrapriża li tat is-sensji kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara li tkun tat is-sensji, hija tkun irrispettat l-obbligi ġuridiċi tagħha li jirregolaw l-issensjar u tkun ipprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawn l-obbligi;

(c)

valutazzjoni tal-għadd ta’ sensji skont l-Artikolu 5, u spjegazzjoni tal-avvenimenti li wasslu għal dawk is-sensji;

(d)

l-identifikazzjoni, fejn huwa applikabbli, tal-intrapriżi li keċċew lill-impjegati, il-fornituri jew il-produtturi aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni, is-setturi, u l-kategoriji ta’ benefiċjarji speċifikati mqassma skont is-sess u l-grupp tal-etajiet;

(e)

l-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali;

(f)

deskrizzjoni tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati u n-nefqa relatata, inklużi, b’mod partikolari, kwalunkwe miżura li jkunu b’appoġġ għall-inizjattivi ta’ impjiegi għall-benefiċjarji żvantaġġati, ta’ età akbar u żgħażagħ;

(g)

spjegazzjoni dwar kif il-pakkett ta’ miżuri jikkumplementa l-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi oħra nazzjonali jew tal-Unjoni kif ukoll tagħrif dwar azzjonijiet li huma mandatarji għall-intrapriżi kkonċernati bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi;

(h)

il-baġit stmat għal kull wieħed mill-komponenti tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati b'appoġġ għall-benefiċjarji speċifikati u għal kwalunkwe attività ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rappurtar;

(i)

id-dati li fihom inbdew jew għad iridu jinbdew is-servizzi personalizzati għall-benefiċjarji speċifikati u l-attivitajiet biex jiġi implimentat il-FEG, kif spjegat fl-Artikolu 7(1) u (3) rispettivament;

(j)

il-proċeduri li ttieħdu biex jiġu kkonsultati l-benefiċjarji speċifikati jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra kif applikabbli;

(k)

stqarrija ta' konformità tal-appoġġ mitlub mill-FEG bir-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll stqarrija li tagħti fil-qosor ir-raġuni għala s-servizzi personalizzati ma jeħdux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

(l)

is-sorsi ta’ prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali u kofinanzjament ieħor jekk applikabbli.

Artikolu 9

Il-komplementarjetà, il-konformità u l-koordinazzjoni

1.   Kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

2.   L-għajnuna għall-benefiċjarji speċifikati għandha tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali inklużi dawk kofinanzjati mill-fondi tal-Unjoni.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex tipprovdi solidarjetà u appoġġ ta’ darba, b'mod temporanju, għall-benefiċjarji speċifikati. L-azzjonijiet appoġġati mill-FEG għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli dwar għajnuna mill-Istat.

4.   Skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istat Membru applikant għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni tal-għajnuna mill-fondi tal-Unjoni.

5.   L-Istat Membru applikant għandu jiżgura li l-azzjonijiet speċifiċi li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma għandhomx jirċievu wkoll għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

Artikolu 10

Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nondiskriminazzjoni

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi jkunu parti integrali mill-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG u jiġu promossi matulha. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni msejsa fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali fl-aċċess għall-FEG u matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

Artikolu 11

Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

1.   Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, mhux iktar minn 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG jista’ jintuża biex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta’ data u l-kreazzjoni ta’ bażi ta’ konoxxenza rilevanti għall-implimentazzjoni tal-FEG. Huwa jista’ jintuża wkoll sabiex jiffinanzja l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta’ verifika, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

2.   Suġġett għal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jagħmlu disponibbli ammont għall-għajnuna teknika fil-bidu ta’ kull sena abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

3.   Il-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom isiru skont ir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll ir-regoli ta’ implimentazzjoni applikabbli għal din il-forma ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

4.   L-għajnuna teknika tal-Kummissjoni għandha tinkludi l-provvediment ta’ tagħrif u gwida għall-Istati Membri għall-użu, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-FEG. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll tagħrif flimkien ma’ gwida ċara dwar l-użu tal-FEG lis-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali.

Artikolu 12

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   L-Istat Membru għandu jipprovdi tagħrif dwar l-azzjonijiet iffinanzjati u għandu jagħmilhom pubbliċi. Dan it-tip ta' tagħrif għandu jkun indirizzat lill-benefiċjarji speċifikati, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-imsieħba soċjali, lill-midja u lill-pubbliku ġenerali. Għandu jenfasizza r-rwol tal-Unjoni u għandu jiżgura li l-kontribuzzjoni mill-FEG tkun viżibbli.

2.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżomm u taġġorna regolarment sit tal-Internet, li jkun aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għandu jipprovdi tagħrif aġġornat dwar il-FEG, gwida dwar il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet, kif ukoll tagħrif dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda u dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-proċedura baġitarja.

3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni dwar il-każijiet tal-FEG u r-riżultati tagħhom abbażi ta' esperjenzi bl-iskop li ttejjeb l-effikaċja tal-FEG u tiżgura li ċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-Unjoni jkunu jafu bil-FEG. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-użu tal-FEG kull sentejn skont il-pajjiż u s-settur.

4.   Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta' komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu wkoll sabiex tiġi koperta l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sakemm ikunu relatati mal-iskopijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 8, u b’mod partikolari wara li tikkunsidra l-għadd ta’ benefiċjarji speċifikati, l-azzjonijiet proposti u l-istima tal-ispejjeż, tevalwa u tipproponi mill-aktar fis l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, jekk teżisti, li jista’ jsir fil-limiti tar-riżorsi disponibbli. L-ammont ma jistax jaqbeż il-60 % tal-ispejjeż totali stmati msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 8(2).

2.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament ikunu ġew sodisfatti, hija għandha tagħti bidu minnufih għall-proċedura spjegata fl-Artikolu 15.

3.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni li tkun saret skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja ma jkunux ġew sodisfatti taħt dan ir-Regolament, għandha immedjatament tinnotifika lill-Istat Membru applikant.

Artikolu 14

Eliġibbiltà tan-nefqa

1.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mid-dati stabbiliti fl-applikazzjoni skont il-punt (f) tal-Artikolu 8(2) li fihom l-Istat Membru kkonċernat jibda, jew huwa mistenni li jibda, jipprovdi s-servizzi personalizzati għall-benefiċjarji speċifikati jew iġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jiġi implimentat il-FEG, skont l-Artikolu 7(1) u (3) rispettivament.

2.   Fil-każ ta’ għotjiet, għandhom japplikaw f’dan is-sens l-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u l-Artikolu [14] tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif ukoll kwalunkwe att delegat adottat mill-Kummissjoni skont dawk ir-Regolamenti.

Artikolu 15

Il-proċedura baġitarja

1.   L-arranġamenti għall-FEG għandhom ikunu konformi mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

2.   L-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw il-FEG għandhom ikunu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni, fuq naħa waħda, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq in-naħa l-oħra, għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-ħin li jittieħed biex jiġi mobilizzat il-FEG.

4.   Fejn il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li l-kundizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ikunu sodisfatti, hija għandha tippreżenta proposta għall-mobilizzazzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG għandha tittieħed mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien fi żmien xahar mir-riferiment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata u l-Parlament Ewropew għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti mitfugħa.

Fl-istess żmien li tippreżenta l-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment lejn il-linji baġitarji rilevanti. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta’ trilogu.

It-trasferimenti relatati mal-FEG għandhom isiru skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju.

5.   Fl-istess żmien li tadotta l-proposta għal deċiżjoni biex biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni biex biex jiġi mobilizzat il-FEG.

6.   Proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG skont il-paragrafu 3 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 8(1c), flimkien ma' sommarju tat-tagħrif li fuqu hija bbażata dik il-valutazzjoni;

(b)

evidenza li ġew rispettati l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 4 u 9 jkunu ġew sodisfatti; u

(c)

ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ammonti proposti.

Artikolu 16

Il-pagament u l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Wara d-dħul fis-seħħ ta' deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 15(4) il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istat Membru kkonċernat f’pagament waħdieni ta' prefinanzjament 100 %, fil-prinċipju fi żmien 15-il ġurnata. Il-prefinanzjament għandu jkun ikklerjat meta tingħalaq il-kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 18(3).

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi implimentata fil-qafas ta’ ġestjoni maqsuma skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   It-termini tekniċi dettaljati tal-finanzjament għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 15(4).

4.   L-Istat Membru għandu jwettaq l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 7 mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 8(1).

L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jipposponi d-data meta jinbdew l-azzjonijiet eliġibbli b’sa tliet xhur wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. F’każ ta’ tali posponiment, l-azzjonijiet eliġibbli għandhom jitwettqu fi żmien il-perjodu ta’ 24 xahar wara d-data tal-bidu komunikata mill-Istat Membru fl-applikazzjoni.

Fejn benefiċjarju jidħol għal kors edukattiv jew ta’ taħriġ li jdum sentejn jew aktar, il-miżati għal tali kors jistgħu jiġu inklużi għall-kofinanzjament tal-FEG sad-data meta għandu joħroġ ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 18(2), kemm-il darba l-miżati rilevanti jkunu tħallsu qabel dik id-data.

5.   Meta jwettaq l-azzjonijiet li jinsabu fil-pakkett ta’ servizzi personalizzati, l-Istat Membru kkonċernat jista' jressaq proposta lill-Kummissjoni sabiex jemenda l-azzjonijiet inklużi biż-żieda ta' azzjonijiet eliġibbli oħrajn elenkati fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 7(1), sakemm dawk l-emendi jkunu debitament ġustifikati u ma jaqbżux il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 15(4). Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-emendi proposti u, jekk taqbel magħhom, għandha tgħarraf b'dan lill-Istat Membru.

6.   L-infiq taħt l-Artikolu 7(3) għandu jkun eliġibbli sad-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tar-rapport finali.

Artikolu 17

Użu tal-euro

L-applikazzjonijiet, id-deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe dokument relatat ieħor, għandhom jesprimu l-ammonti kollha f'euro.

Artikolu 18

Rapport finali u għeluq

1.   Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiskadi l-perjodu speċifikat fl-Artikolu 16(4), l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta rapport finali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja, inkluż tagħrif dwar:

(a)

it-tip ta’ azzjonijiet u r-riżultati ewlenin,

(b)

l-ismijiet tal-korpi li jwettqu l-pakkett ta’ miżuri fl-Istat Membru,

(c)

il-karatteristiċi tal-benefiċjarji speċifikati u l-istatus tal-impjieg tagħhom,

(d)

jekk l-impriża, bl-eċċezzjoni tal-mikro-intrapriżi u l-SMEs, kinitx benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat jew ta' finanzjament preċedenti mill-fondi ta' koeżjoni jew strutturali tal-Unjoni fil-ħames snin ta' qabel;

(e)

dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa u li tindika fejn ikun possibbli l-komplementarjetà tal-azzjonijiet ma’ dawk iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Meta jkun possibbli, id-data relatata mal-benefiċjarji għandha titqassam skont is-sess.

2.   Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet it-tagħrif meħtieġ kollu skont il-paragrafu 1, hija għandha tagħlaq il-kontribuzzjoni finanzjarja billi tiddetermina l-ammont finali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG u, jekk ikun hemm, il-bilanċ li għandu jitħallas mill-Istat Membru kkonċernat taħt l-Artikolu 22.

Artikolu 19

Rapport biennali

1.   Sal-1 ta’ Awwissu 2015 u kull sentejn minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport komprensiv, kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li saru fis-sentejn ta’qabel. Ir-rapport għandu jiffoka prinċipalment fuq ir-riżultati miksuba mill-FEG u b'mod partikolari għandu jkun fih tagħrif li għandu x'jaqsam mal-applikazzjonijiet imressqa, mad-deċiżjonijiet adottati, mal-azzjonijiet iffinanzjati, inkluża l-istatistika dwar ir-rata ta’ riintegrazzjoni għall-benefiċjarji assistiti għal kull Stat Membru u l-komplementarjetà tal-azzjonijiet ta' dan it-tip b'azzjonijiet iffinanzjati minn fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-FSE, u t-tagħrif relatat mal-għeluq tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkunu saru. Għandu jiddokumenta wkoll dawk l-applikazzjonijiet li jkunu ġew miċħuda jew imnaqqsa minħabba li ma kienx hemm approprjazzjonijiet biżżejjed jew minħabba nuqqas ta' eliġibbiltà.

2.   Ir-rapport għandu jiġi trasmess għall-iskop ta' t-tagħrif lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lis-sħab soċjali.

Artikolu 20

Valutazzjoni

1.   Fuq l-inizjattiva tagħha stess u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tagħmel:

(a)

sat-30 ta' Ġunju 2017, valutazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-effikaċja u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2021, valutazzjoni ex-post bil-għajnuna ta' esperti esterni, sabiex jiġi mkejjel l-impatt tal-FEG u l-valur miżjud tiegħu.

2.   Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu trasmessi, għat-tagħrif, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lis-sħab soċjali. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjonijiet għandhom jitqiesu għat-tfassil ta' programmi ġodda fil-qasam tal-impjiegi u tal-affarijiet soċjali.

3.   Il-valutazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu ċ-ċifri li juru l-għadd ta' applikazzjonijiet u għandhom ikopru r-rendiment tal-FEG skont il-pajjiż u s-settur, sabiex jiġi vvalutat jekk il-FEG hux qed jilħaq il-benefiċjarji speċifikati.

Artikolu 21

Il-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju

1.   Bla ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà mill-bidunett għall-immaniġġar tal-azzjonijiet appoġġati mill-FEG u l-kontroll finanzjarju tal-azzjonijiet. Għal dan l-għan, il-miżuri li huma jieħdu għandhom jinkludu:

(a)

il-verifika li ġew stabbiliti l-ftehimiet ta’ mmaniġġar u kontroll u li qed jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi tal-Unjoni qed jintużaw b’mod effiċjenti u korrett, f’konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba;

(b)

il-verifika li l-azzjonijiet iffinanzjati twettqu kif xieraq;

(c)

l-iżgurar li l-infiq iffinanzjat huwa bbażat fuq dokumenti ta’ ġustifikazzjoni verifikabbli, u huwa legali u regolari;

(d)

il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u il-korrezzjoni tal-irregolaritajiet kif definit fl-Artikolu 122 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1303/2013 u fejn huwa xieraq l-irkupru tal-ammonti li tħallsu żejda flimkien mal-interessi fuq pagamenti li jkunu tħallsu tard. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe tali irregolarità lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar kwalunkwe progress tal-proċeduri amministrattivi u legali li jirriżulta.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korpi biex ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-azzjonijiet appoġġati mill-FEG skont l-Artikolu 59(3) tar-Regolament Finanzjarju u mal-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1303/2013. Dawk il-korpi maħtura għandhom jagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif spjegat fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja meta jkunu qed iressqu r-rapport finali msemmi fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fejn tkun aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istati Membri għandhom jikkonsistu fit-tħassir tal-kontribuzzjoni finanzjarja jew kollha jew ta’ parti minnha L-Istati Membri għandhom jirkupraw kull ammont imħallas indebitament bħala riżultat ta' irregolarità li tiġi skoperta, iħallsuh lura lill-Kummissjoni u, fejn l-ammont ma jitħallasx lura mill-Istat Membru rilevanti fil-limitu ta’ żmien mogħti, għandu jitħallas l-imgħax.

4.   Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandha tieħu l-passi kollha neċessarji biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu b’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u effiċjenti. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li japplika biex jiżgura li għandu sistemi ta' maniġment u ta' kontroll li qed jaħdmu tajjeb. Il-Kummissjoni għandha tissodisfa ruħha li dawn is-sistemi jkunu stabbiliti.

Għal dak l-iskop, bla ħsara għas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri jew għall-verifiki magħmulin mill-Istat Membru skont il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, l-uffiċjali jew impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post, inklużi verifiki rappreżentattivi, dwar l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG wara avviż li jintbagħat fiż-żmien minimu ta’ jum ta’ xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru applikanti bl-iskop li takkwista l-għajnuna neċessarja meħtieġa. Uffiċjali jew impjegati tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu parti f'dawn il-verifiki.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni li jirrigwardaw in-nefqa magħmula jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għal perjodu ta’ tliet snin wara l-għeluq ta' kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta mill-FEG.

Artikolu 22

Ir-rimborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   F’każijiet fejn l-ispiża fattwali ta’ azzjoni tkun inqas mill-ammont stmat ikkwotat taħt l-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni permezz tal-att ta' implimentazzjoni, fejn titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jirrimborża l-ammont korrispondenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta.

2.   Fejn l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jikkonforma mal-obbligi ddikjarati fid-deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa billi tadotta deċiżjoni, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, sabiex iġġiegħel lil dak l-Istat Membru jħallas lura l-kontribuzzjoni finanzjarja kollha li jkun ħa jew parti minnha.

3.   Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami xieraq tal-każ u, b'mod partikolari, għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat perjodu speċifiku ta' żmien li matulu jista' jressaq il-kummenti tiegħu.

4.   Jekk, wara li jkunu tlestew il-verifiki neċessarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru mhuwiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 21(1), jekk l-ebda ftehim ma jkun milħuq u l-Istat Membru jkun għadu ma għamilx il-korrezzjonijiet f’perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, u b'kont meħud ta' kwalunkwe kumment magħmul mill-Istat Membru, hija għandha tiddeċiedi fi tliet xhur mill-aħħar tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 3 biex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-FEG kollha jew parti minnha għall-azzjonijiet inkwistjoni. Kull ammont imħallas indebitament bħala riżultat ta' irregolarità li tiġi skoperta għandu jiġi rkuprat u, fejn l-ammont ma jitħallasx lura mill-Istat Membru applikant fil-limitu ta’ żmien mogħti, għandu jitħallas l-imgħax.

Artikolu 23

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 b'dan jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

Minkejja l-ewwel paragrafu, huwa għandu jibqa' japplika għal applikazzjonijiet imressqa sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet kollha ppreżentati bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 42.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 159.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).

(5)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, tat-12.8.1998, p. 16).

(*)  L-età se tiġi allinjata mal-eżitu tat-trilogu tan-negozjati dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħazagħ.

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu ▐ u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (Ara paġna 470 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top