EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1075

Regolament (UE) Nru 1075/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (riformulazzjoni) (BĊE/2013/40)

OJ L 297, 7.11.2013, p. 107–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/11/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1075/oj

7.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/107


REGOLAMENT (UE) Nru 1075/2013 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Ottubru 2013

dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet finanzjarji vettura involuti fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni

(riformulazzjoni)

(BĊE/2013/40)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir tal-informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), partikolarment l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Peress li r-Regolament (KE) Nru 24/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar statistika li tittratta l-assi u l-passiv ta’ korporazzjonijiet ta’ vetturi finanzjarji involuti fi tranżazzjonijiet ta’ securitisation (BĊE/2008/30) (2) għandu bżonn jiġi emendat sostanzjalment, b’mod partikolari fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (3), huwa għandu jiġi rriformulat fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jipprovdi fl-Artikolu 2(1) li, biex ir-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiġu ssodisfatti, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), għandu d-dritt jiġbor tagħrif statistiku fil-limiti tal-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta u ta’ dak li jeħtieġ biex iwettaq il-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Isegwi mill-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 li korporazzjonijiet finanzjarji vettura impenjati fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni (iktar ’il quddiem “FVCs”) jiffurmaw parti mill-popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza għall-finijiet tat-twettiq tal-ħtiġijiet ta’ rapportar statistiku tal-BĊE, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-istatistika monetarja u finanzjarja. Barra minn dan, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jeħtieġ li l-BĊE jispeċifika l-opolazzjoni attwali li tirrapportafil-limiti tal-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta, u jintitolah li jeżenta għal kollox jew parzjalment, klassijiet speċifiċi ta’ aġenti li jirrapportaw mill-obbligi tiegħu ta’ rapportar statistiku.

(3)

L-għan tad-dejta tal-FVC huwa sabiex il-BĊE jiġi pprovdut bi statistika adegwata fuq l-attivitajiet finanzjarji tas-subsettur tal-FVC fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem “Stati Membri taż-żona tal-euro”), li jitqiesu bħala territorju ekonomiku wieħed.

(4)

Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn l-attivitajiet ta’ titolizzazzjoni tal-FVCs u tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM), jenħtieġ rapportar konsistenti, kumplimentari u integrat tal-FVCs u tal-IFM. Għalhekk, it-tagħrif statistiku mogħti skont dan ir-Regolament għandu jitqies flimkien mal-obbligi tad-dejta għall-IFM dwar self titolizzat, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (4).

(5)

Il-metodu ta’ rappurtar integrat tal-FVCs u l-IFM u d-derogi stipulati f’dan ir-Regolament jimmiraw li jnaqqsu l-piż tar-rapportar għal aġenti li jirrapportaw u biex jevitaw ir-rapportar doppju fir-rapportar ta’ tagħrif statistiku minn FVCs u IFM.

(6)

Il-BĊNi għandhom ikunu intitolati li jeżentaw l-FVCs mir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku li joħolqu spejjeż għolja irraġonevoli meta pparagunati mal-benefiċċju statistiku tagħhom.

(7)

Għalkemm regolamenti adottati mill-BĊE skont l-Artikolu 34.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem “Statut tas-SEBĊ”) ma jagħtu l-ebda dritt jew ma jimponu l-ebda obbligu fuq Stati Membri li l-valuta tagħhom ma hijiex l-euro (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro”), l-Artikolu 5 tal-Istatut tal-SEBĊ japplika kemm għall-Istati Membri taż-żona tal-euro kif ukoll għal dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro. Il-premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 tirreferi għall-fatt li l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, flimkien mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jimplika obbligu biex jiġu ddisinjati u implimentati fuq livell nazzjonali l-miżuri kollha li l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jqisu xierqa biex jiġbru t-tagħrif statistiku meħtieġ biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tal-BĊE u biex jagħmlu preparazzjonijiet fil-ħin fil-qasam tal-istatistika biex isiru Stati Membri taż-żona tal-euro.

(8)

L-istandards għall-protezzjoni u l-użu ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 japplikaw.

(9)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jipprovdi li l-BĊE għandu s-setgħa li jimponi sanzjonijiet fuq aġenti li jirrapportaw li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stipulati fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-BĊE,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“FVC” tfisser impriża li hija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni taħt wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

id-dritt kuntrattwali bħala fond komuni ġestit minn kumpanniji ta‘ ġestjoni;

(ii)

id-dritt tat-trusts;

(iii)

id-dritt tal-kumpanniji bħala kumpannija pubblika jew privata b’responsabbiltà limitata;

(iv)

kull mekkaniżmu simili ieħor;

u li l-attività prinċipali tagħha tissodisfa ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

fiħsiebha twettaq, jew qed twettaq, tranżazzjoni waħda jew aktar ta’ titolizzazzjoni u l-istruttura tagħha hija maħsuba li tiżola l-obbligi ta’ ħlas tal-impriża minn dawk tal-oriġinatur, jew l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni; u

(b)

toħroġ, jew fiħsiebha toħroġ, titoli ta’ dejn, strumenti oħra ta’ dejn, unitajiet ta’ fond ta’ titolizzazzjoni, u/jew derivattivi finanzjarji (iktar ’il quddiem “l-istrumenti ta’ finanzjament”) u/jew hija legalment jew ekonomikament is-sid, jew tista’ tkun is-sid, ta’ attiv sottostanti l-ħruġ ta’ strumenti ta’ finanzjament li huma offruti għall-bejgħ lill-pubbliku jew mibjugħa fuq il-bażi ta’ offerti (placements) privati.

Din id-definizzjoni ma tinkludix:

(a)

istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM) kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33);

(b)

fondi ta’ investiment (FI) kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar l-istatistika fuq l-assi u l-passiv tal-fondi ta’ investiment (BĊE/2013/38) (5);

(c)

impriżi tal-assigurazzjoni jew impriżi tar-riassigurazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (6);

(d)

maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi li jimmaniġjaw u/jew jikkumerċjalizzaw fondi ta’ investiment alternattivi kif definiti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi li taqa’ taħt l-għanijiet tad-Direttiva 2011/61/UE skont l-Artikolu 2 tagħha (7).

(2)

“titolizzazzjoni” tfisser tranżazzjoni jew skema fejn entità li hija separata mill-oriġinatur jew l-impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni u hija maħluqa għal jew isservi l-iskop tat-tranżazzjoni jew skema toħroġ strumenti ta’ finanzjament lil investituri, u jseħħu wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

attiv jew ġabra ta’ attiv, jew parti minnu, jiġi ttrasferit lil entità li hija separata mill-oriġinatur u hija maħluqa għal jew isservi l-iskop tat-tranżazzjoni jew skema, jew bit-trasferiment tat-titolu legali jew tal-interess benefiċjarju ta’ dak l-attiv mill-oriġinatur jew permezz ta‘ subparteċipazzjoni;

(b)

ir-riskju ta’ kreditu ta’ attiv jew ġabra ta’ attiv, jew parti minnu, jiġi ttrasferit permezz tal-użu ta’ derivattivi ta’ kreditu, garanziji jew kull mekkaniżmu simili ieħor lill-investituri fl-istrumenti ta’ finanzjament maħruġin minn entità li hija separata mill-oriġinatur u hija maħluqa għal jew isservi l-finijiet tat-tranżazzjoni jew tal-iskema;

(c)

ir-riskji tal-assigurazzjoni huma ttrasferiti minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni lil entità separata li hija maħluqa għal jew isservi l-iskop tat-tranżazzjoni jew tal-iskema, fejn l-entità tiffinanzja għal kollox l-esponiment tagħha għal dawn ir-riskji permezz tal-ħruġ ta’ strumenti ta’ finanzjament, u d-drittijiet ta’ ħlas lura tal-investituri f’dawk l-istrumenti ta’ finanzjament jiġu ssubordinati għall-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-entità;

Meta jinħarġu dawn l-istrumenti ta’ finanzjament, dawn ma jirrappreżentawx l-obbligi tal-ħlas tal-oriġinatur, jew tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(3)

“oriġinatur” ifisser dak li jittrasferixxi l-attiv jew il-ġabra ta’ attiv, u/jew ir-riskju tal-kreditu tal-attiv jew tal-ġabra ta’ attiv lill-istruttura ta’ titolizzazzjoni;

(4)

“aġent ta’ rrapportar” għandha l-istess tifsira definita fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

(5)

“residenti” għandha l-istess tifsira kif hemm fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jekk entità legali ma jkollhiex dimensjoni fiżika r-residenza tagħha għandha tiġi ddeterminata mit-territorju ekonomiku li taħt il-liġijiet tiegħu hija inkorporata l-entità. Jekk l-entità ma hijiex inkorporata, għandu jintuża d-domiċilju legali bħala kriterju, jiġifieri l-pajjiż li s-sistema legali tiegħu tirregola l-ħolqien u l-eżistenza kontinwa tal-entità;

(6)

“BĊN relevanti” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru taż-żona tal-euro li fih l-FVC hija residenti;

(7)

“bidu ta‘ negozju” tfisser kull attività, inkluża kull miżura preparatorja, relatata mat-titolizzazzjoni, minbarra dik li sempliċiment tistabbilixxi entità li ma hijiex mistennija tibda l-attività ta’ titolizzazzjoni fis-sitt xhur li ġejjin. Kull attività mill-FVC mibdija wara li l-attività ta’ titolizzazzjoni issir prevedibbli tfisser bidu ta’ negozju.

Artikolu 2

Popolazzjoni li tirrapporta

1.   FVCs residenti fit-territorju ta’ Stat Membru taż-żona tal-euro għandhom jikkostitwixxu l-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta. Il-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta għandha tkun suġġetta għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3(2).

2.   Il-popolazzjoni ta’ rapportar attwali għandha tikkonsisti minn popolazzjoni ta’ rappurtar ta’ referenza bl-esklużjoni ta’ dawk l-FVCs li ġew eżentati għal kollox mir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku skont l-Artikolu 5(1)(c). Il-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta għandha tkun suġġetta għar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stabbiliti fl-Artikolu 4, bla ħsara għad-derogi stabbiliti fl-Artikolu 5. L-FVCs li huma suġġetti għar-rapportar tal-prospett finanzjarju annwali tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) jew li huma suġġetti għal obbligi ta’ rapportar ad hoc skont l-Artikolu 5(5) għandhom jifformaw parti wkoll mill-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta.

3.   Jekk FVC ma jkollhiex personalità legali taħt il-liġi nazzjonali tagħha, il-persuni li huma legalment intitolati biex jirrappreżentaw l-FVC, jew fin-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni formalizzata, il-persuni li taħt il-liġijiet nazzjonali applikabbli huma responsabbli għal atti tal-FVC, għandhom jiġu kkunsidrati bħala aġenti li jirrapportaw skont dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Lista ta’ FVCs għal finijiet ta’ statistika

1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jistabbilixxi u jżomm, għall-finijiet statistiċi, lista ta’ FVCs li jiffurmaw l-popolazzjoni ta’ ta’ referenza li tirrapporta suġġetti għal dan ir-Regolament. FVCs għandhom jissottomettu lill-BĊNi d-dejta li l-BĊNi jeħtieġu skont il-Linja ta’ Ġwida BĊE/2007/9 tal-1 ta’ Awwissu 2007 fuq statistika monetarja, ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u tas-suq (8). Il-BĊNi u l-BĊE għandhom jagħmlu din il-lista u l-aġġornamenti tagħha disponibbli f’forma xierqa, inkluż b’mezzi elettroniċi, permezz tal-Internet jew, fuq talba tal-aġenti li jirrapportaw ikkonċernati, fuq karti.

2.   FVC għandha tinforma lil BĊN rilevanti bl-eżistenza tagħha fi żmien ġimgħa mid-data li fiha l-FVC tkun bdiet in-negozju, irrispettivament minn jekk hija tistenniex li tkun suġġetta għal xi rekwiżiti ta’ rapportar statistiku skont dan ir-Regolament.

3.   Jekk l-aħħar verżjoni elettronika aċċessibbli tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ma hijiex korretta, il-BĊE ma għandu jimponi l-ebda sanzjoni fuq aġent li jirrapporta li ma jkunx issodisfa kif suppost ir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tiegħu, sa fejn ir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 2 ikun ġie sodisfatt u l-aġent li jirrapporta jkun qagħad fuq il-lista skorretta f’bona fede.

Artikolu 4

Rekwiżiti trimestrali ta’ rapportar statistiku u regoli ta’ rappurtar

1.   Il-popolazzjoni attwali li tirrapporta għandha tagħti lill-BĊN rilevanti dejta dwar l-ammonti pendenti, tranżazzjonijiet finanzjarji u kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur tal-attiv u l-passiv ta’ FVCs fuq bażi trimestrali, skont l-Annessi I u II.

2.   Il-BĊNi jistgħu jiġbru t-tagħrif statistiku dwar titoli maħruġa u miżmuma mill-FVCs meħtieġa biex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ titolu b’titolu, sakemm id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 tkun tista’ tiġi dderivata skont standards statistiċi minimi kif speċifikat fl-Anness III. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tempestività stabbiliti fl-Artikolu 6, il-BĊNi jistgħu jeħtieġu l-għoti ta’ dejta titolu b’titolu fuq tranżazzjonijiet finanzjarji f’titoli ta’ dejn miżmuma minn FVCs skont wieħed mill-metodi elenkati fit-Taqsima 2 ta’ Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2012/24) (9).

3.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ rapportar stabbiliti fl-Anness II, l-attiv u l-passiv kollu ta’ FVCs għandu jiġi rrapportat taħt dan ir-Regolament skont ir-regoli ta’ rapportar stabbiliti fil-liġi nazzjonali relevanti li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati tal-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (10). Ir-regoli tal-kontabbiltà fil-liġi nazzjonali relevanti li tittrasponi r-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji (11), għandhom japplikaw għal FVCs li ma jaqgħux f l-ambitu tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 86/635/KEE. Kull standard jew prattika rilevanti oħra nazzjonali jew internazzjonali tal-kontabbiltà, għandha tapplika għall-FVCs li ma jaqgħux taħt il-liġi nazzjonali li tittrasponi xi waħda minn dawn id-direttivi.

4.   Fejn il-paragrafu 3 jeħtieġ ir-rapportar ta’ strumenti fuq bażi ta’ suq b’suq, il-BĊNi jistgħu jeżentaw lill-FVCs milli jirrapportaw dawn l-istrumenti fuq bażi ta’ suq b’suq meta l-ispejjeż involuti mill-FVC ikunu irraġonevolment għoljin. F’dan il-każ l-FVCs għandhom japplikaw il-valutazzjoni użata għall-iskop tar-rapporti tal-investituri.

5.   Meta skont prattiċi nazzjonali tas-suq dejta disponibbli tirreferi għal kwalunkwe data f’trimestru, il-BĊNi jistgħu jħallu lill-aġenti ta’ rapportar jirrapportaw minflok din id-dejta trimestrali, jekk id-dejta hija paragunabbli u jekk jitqiesu tranżazzjonijiet sinifikanti li jseħħu bejn din id-data u t-tmiem tat-trimestru.

6.   Minflok ma jipprovdu dejta fuq tranżazzjonijiet finanzjarji msemmijin fil-paragrafu 1, l-aġenti ta’ rappurtar jistgħu, bi qbil mal-BĊN rilevanti, jipprovdu aġġustamenti ta’ rivalutazzjoni u tibdil ieħor fil-volum li jħalli lill-BĊN jidderiva tranżazzjonijiet finanzjarji.

7.   Minflok ma jipprovdi dejta fuq ir-kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur imsemmija fil-paragrafu 1, aġent li jirrapporta jista’, bi qbil mal-BĊN rilevanti, jipprovdi tagħrif ieħor li jħalli lill-BĊN jidderiva d-dejta meħtieġa dwar kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur.

Artikolu 5

Derogi

1.   Il-BĊNi jistgħu jagħtu derogi mir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stabbiliti fl-Artikolu 4 kif ġej.

(a)

Għal self oriġinat minn IFM taż-żona tal-euro u kklassifikat skont il-maturità, is-settur u r-residenza tad-debituri, u fejn l-IFM jibqgħu jservizzjaw is-self titolizzat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33), il-BĊNi jistgħu jagħtu lill-FVCs derogi mir-rapportar tad-dejta dwar dan is-self. Ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) jipprovdi għar-rappurtar ta’ din id-dejta;

(b)

Il-BĊNi jistgħu jeżentaw lil FVCs mir-rekwiżiti kollha ta’ rapportar statistiku stabbiliti fl-Anness I, minbarra l-obbligu li tiġi rrappurtata, fuq bażi trimestrali, dejta tal-ammont pendenti ta‘ tmiem it-trimestru pendenti fuq it-total tal-attiv, sakemm l-FVCs li jikkontribwixxu għall-attiv aggregat ta’ kull trimestru, ilaħħqu għal tal-anqas 95 % tat-total tal-attiv tal-FVCs f’termini ta’ ammonti pendenti, f’kull Stat Membru taż-żona tal-euro. Il-BĊNi għandhom jivverifikaw li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta fil-ħin sabiex jagħtu jew jirtiraw, jekk ikun meħtieġ, deroga b’effett mill-bidu ta’ kull sena kalendarja;

(c)

Safejn tista’ tiġi derivata d-dejta msemmija fl-Artikolu 4, skont standards statistiċi minimi kif speċifikat fl-Anness III, minn sorsi ta’ dejta oħra statistiċi, pubbliċi jew superviżorji, u mingħajr preġudizzju għas-subparagrafi (a) u (b), il-BĊNi jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-BĊE, jeżentaw għal kollox jew parzjalment, l-aġenti li jirrapportaw mir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stabbiliti fl-Anness I.

2.   L-FVCs jistgħu jagħżlu, bil-kunsens minn qabel tal-BĊN rilevanti, li ma jużawx id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 u biex minflok jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ rapportar statistiku speċifikati fl-Artikolu 4.

3.   FVCs li jibbenefikaw minn deroga fit-tifsira tal-paragrafu 1(c) għandhom jipprovdu l-prospetti finanzjarji annwali tagħhom lill-BĊN rilevanti, jekk dawn ma jkunux disponibbli minn sorsi pubbliċi, fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-perijodu ta’ referenza jew fl-eqreb żmien wara dakinhar, skont il-prattiċi legali nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tal-FVC. Il-BĊN rilevanti għandu jinnotifika lil dawk l-FVCs li huma suġġetti għal dan l-obbligu ta’ rappurtar.

4.   Il-BĊN rilevanti għandu jirtira d-deroga stabbilita fil-paragrafu 1(c), jekk id-dejta ta’ standards statistiċi paragunabbli ma’ dawk preskritti f’dan ir-Regolament ma tkunx saret disponibbli fil-ħin lill-BĊN rilevanti għal tliet perijodi ta’ rapportar konsekuttivi, indipendentement minn xi nuqqas attribwibbli lill-FVC involuta. FVCs għandhom jibdew jirrapportaw dejta, kif stabbilit fl-Artikolu 4, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data li fiha l-BĊN rilevanti jkun innotifika lill-aġenti li jirrapportaw li d-deroga tkun ġiet irtirata.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, sabiex jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-BĊNi jistgħu jindirizzaw rekwiżiti ta’ rapportar statistiku ad hoc lil FVCs li jkunu ngħataw derogi fit-tifsira tal-paragrafu 1(c). FVCs għandhom jirrapportaw fuq bażi ad hoc it-tagħrif mitlub fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara li tkun saret talba mill-BĊN rilevanti.

Artikolu 6

Tempestività

Il-BĊNi għandhom jibagħtu lill-BĊE dejta fuq l-attiv u l-passiv trimestrali aggregat, li tkopri l-pożizzjonijiet ta‘ FVCs residenti sal-għeluq tan-negozju fit-28 jum tax-xogħol wara t-tmiem tat-trimestru li għalih tirreferi d-dejta. Il-BĊNi għandhom jistabbilixxu skadenzi biex jirċievu d-dejta mingħand l-aġenti li jirrapportaw.

Artikolu 7

Standards minimi u arranġamenti nazzjonali ta’ rapportar

1.   Aġenti li jirrapportaw għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku li tagħhom huma suġġetti skont l-istandards minimi għat-trażmissjoni, il-preċiżjoni, il-konformità mal-kunċetti u r-reviżjonijiet speċifikati fl-Anness III.

2.   Il-BĊNi għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw l-arranġamenti ta’ rapportar li għandhom jiġu segwiti mill-popolazzjoni attwali li tirrapporta skont il-karatteristiċi nazzjonali. Il-BĊNi għandhom jiżguraw li dawn l-arranġamenti ta’ rapportar jipprovdu t-tagħrif statistiku meħtieġ u jippermettu l-verifika preċiża tal-konformità mal-kunċetti u l-istandards minimi għat-trażmissjoni, il-preċiżjoni u r-reviżjonijiet speċifikati fl-Anness III.

Artikolu 8

Verifika u ġbir obbligatorju

Il-BĊNi għandhom jeżerċitaw id-dritt li jivverifikaw jew jiġbru tagħrif li l-aġenti li jirrapportaw huma mitluba jagħtu skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊE li jeżerċita dawn id-drittijiet huwa nnifsu. B’mod partikolari, il-BĊNi għandhom jeżerċitaw dan id-dritt meta istituzzjoni inkluża fil-popolazzjoni attwali li tirrapporta ma tissodisfax l-istandards minimi għat-trażmissjoni, il-preċiżjoni u l-konformità mal-kunċetti u r-reviżjonijiet speċifikati fl-Anness III.

Artikolu 9

L-ewwel rapportar

1.   L-ewwel rapportar għandu jibda bid-dejta trimestrali għar-raba’ trimestru tal-2014.

2.   FVCs li jibdew in-negozju wara l-31 ta’ Diċembru 2014 għandhom, meta jirrapportaw id-dejta għall-ewwel darba, jirrapportaw dejta fuq bażi trimestrali u li tmur lura għall-bidu tal-attività ta’ titolizzazzjoni.

3.   FVCs li jibdew in-negozju qabel l-adozzjoni tal-euro mill-Istat Membru tagħhom wara l-31 ta’ Diċembru 2014 għandhom, meta jirrapportaw id-dejta għall-ewwel darba, jirrapportaw dejta fuq bażi trimestrali mill-perijodu ta’ referenza li fih l-Istat Membru jkun adotta l-euro. Għall-perijodu ta’ referenza fejn l-Istat Membru jkun adotta l-euro, l-FVC għandha tirrapporta biss ammonti pendenti.

Artikolu 10

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 24/2009 (BĊE/2008/30) huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.

2.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Dispożizzjoni finali

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar, 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU L 15, 20.1.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.

(4)  Paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Paġna 73 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(7)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(8)  ĠU L 341, 27.12.2007, p. 1.

(9)  ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6.

(10)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.

(11)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.


ANNESS I

REKWIŻITI TA’ RAPPORTAR STATISTIKU

Image Image

ANNESS II

DEFINIZZJONIJIET

PARTI 1

Definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ strumenti

1.

Din it-tabella tipprovdi deskrizzjoni standard iddettaljata tal-kategoriji ta’ strumenti li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) jittrasponu f’kategoriji nazzjonali b’konformità ma’ dan ir-Regolament. It-tabella ma tikkostitwixxix lista ta’ strumenti finanzjarji individwali u d-deskrizzjonijiet m’humiex eżawrjenti. Id-definizzjonijiet jirriferu għas-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ESA 2010”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 549/2013.

2.

Għal uħud mill-kategoriji ta’ strumenti, hemm bżonn ta’ klassifikazzjonijiet skont il-maturità. Dawn jirriferu għall-maturità oriġinali, jiġifieri l-maturità mal-ħruġ, li huwa l-perijodu fiss ta’ ħajja ta’ strument finanzjarju li qablu ma jkunx jista’ jinfeda, pereżempju titoli ta’ dejn, jew li jkun jista’ jinfeda qabel biss taħt xi forma ta’ penali, eż. ċerti tipi ta’ depożiti.

3.

Tista’ ssir distinzjoni bejn klejms finanzjarji skont jekk ikunux negozjabbli jew le. Klejm tkun negozjabbli jekk is-sjieda tagħha tkun faċilment tista’ tiġi ttrasferita minn unità għal oħra b’konsenja jew tiġi iġġirata jew tkun paċuta fil-każ ta’ derivattivi finanzjarji. Filwaqt li kwalunkwe strument finanzjarju jista’ potenzjalment jiġi nnegozjat, l-istrumenti negozjabbli huma ddisinjati biex ikunu nnegozjati permezz ta’ borża organizzata jew ma jiġux “ikkwotati fil-borża”, minkejja li jekk attwalment ikunux innegozjati mhijiex kundizzjoni neċessarja għan-negozjabbiltà.

4.

L-attiv u l-passiv finanzjarju kollha għandu jiġi rrapportat fuq bażi gross, jiġifieri l-attiv finanzjarju ma għandux jiġi rrapportat nett mill-passiv finanzjarju.

Tabella A

Definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ strumenti tal-attiv u l-passiv ta’ FVCs

KATEGORIJI TA’ ATTIV

Kategorija

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali

1.

Depożiti u klejms ta’ self

Għall-iskopijiet tal-iskema ta’ rappurtar, din il-partita tikkonsisti minn fondi mislufin mill-FVCs lil min ikun issellef li jkunu ġew ippruvati b’dokumenti mhux negozjabbli jew ma jkunx hemm prova bid-dokumenti.

Tinkludi l-partiti li ġejjin:

depożiti mpoġġija mill-FVC, bħal depożiti ta’ matul il-lejl, depożiti b’maturità miftiehma, u depożiti li jinfdew b’avviż,

self mogħti mill-FVC,

klejms taħt riakkwisti bil-maqlub kontra kollateral fi flus: kontroparti ta’ flus kontanti mħallsin bi skambju ma’ titoli mixtrijin mill-FVC bi prezz stabbilit taħt impenn sod ta’ bejgħ mill-ġdid tal-istess titoli (jew simili) bi prezz fiss f’data futura speċifikata,

klejms taħt self ta’ titoli kontra kollateral fi flus: il-kontroparti ta’ flus kontanti mħallsa bi skambju ma’ titoli mislufin mill-FVC.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, din il-partita tinkludi wkoll investimenti f’euro u karti tal-flus u muniti barranin fiċ-ċirkolazzjoni li jintużaw komunement biex isiru ħlasijiet.

2.

Self ittitolizzat

Għall-finijiet tal-iskema ta’ rapportar, din il-partita tikkonsisti f’self miksub mill-FVC mingħand l-oriġinatur. Self huwa attiv finanzjarju maħluq meta l-kredituri jisilfu fondi lid-debituri li jew huma ppruvati b’dokumenti mhux negozjabbli jew ma jkunx hemm prova bid-dokumenti.

Dan jinkludi wkoll:

kirjiet finanzjarji mogħtija lil terzi persuni: kirjiet finanzjarji huma kuntratti fejn is-sid legali ta’ oġġett durevoli (iktar ’il quddiem il-“lokatur”) jgħaddi r-riskji u l-benefiċċji tas-sjieda tal-attiv lil terza persuna (iktar ’il quddiem “lokatarju”). Għall-finijiet ta’ statistika, kirjiet finanzjarji huma ttrattati bħala self mil-lokatur lil-lokatarju, li jippermettu lil-lokatarju li jixtri l-oġġett durevoli. Kirjiet finanzjarji mogħtija minn oriġinatur, li jaġixxi bħala l-lokatur, għandhom jitniżżlu taħt il-partita tal-attiv “self ittitolizzat”. L-attiv mikri jidher fuq il-karta tal-bilanċ ta’ lokatarju u mhux tal-lokatur,

self li ma jistax jiġi rkuprat li jkun għadu ma ġiex imħallas lura jew li jkun għadu ma ġiex ikkanċellat, self li ma jistax jiġi rkuprat huwa kkunsidrat bħala self li dwaru l-ħlas lura jkun diġà dovut jew identifikat xort’oħra bħala indebolit,

investimenti ta’ titoli mhux negozjabbli, investimenti ta’ titoli ta’ dejn li ma humiex negozjabbli u ma jistgħux jiġu nnegozjati fis-swieq sekondarji,

self innegozjat: self li de facto sar negozjabbli huwa kklassifikat taħt il-partita ‘self titolizzat’ sakemm ma jkunx hemm prova ta’ nnegozjar fis-suq sekondarju. Altrimenti jiġu kklassfikati bħala “titoli ta’ dejn”,

dejn subordinat fil-forma ta’ depożiti jew self: strumenti ta’ dejn subordinat jipprovdu klejm sussidjarja fuq l-istituzzjoni tal-ħruġ, liema klejm tista’ tiġi eżerċita biss wara li l-klejms kollha bi status ogħla jkunu ġew sodisfatti biex b’hekk ikollhom xi wħud mill-karatteristiċi ta’ ekwità. Għall-finijiet statistiċi, dejn subordinat huwa kklassifikat jew bħala “self titolizzat” jew bħala “titoli ta’ dejn” skont in-natura tal-istrument. Fejn l-investimenti tal-FVC fil-forom kollha ta’ dejn subordinat ikunu attwalment identifikati bħala figura waħda għal skopijiet statistiċi, din il-figura tiġi kklassifikata taħt il-partita “titoli ta’ dejn”, għar-raġuni li dejn subordinat huwa kkostitwit l-iktar f’forma ta’ titoli ta’ dejn, iktar milli bħala self,

Self titolizzat għandu jiġi rrapportat f’valur nominali, anki jekk mixtri mill-oriġinatur bi prezz differenti. Il-kontroparti għad-differenza bejn il-valur nominali u l-prezz tax-xiri għandha tiġi inkluża taħt “bqija tal-passiv”.

Din il-partita tinkludi self titolizzat, irrispettivament minn jekk il-prattika ta’ kontabbiltà prevalenti tirrikjedix ir-rikonoxximent tas-self fuq il-karta tal-bilanċ tal-FVC.

3.

Titoli ta’ dejn

Investimenti f’ titoli ta’ dejn, li huma strumenti finanzjarji negozjabbli li jservu bħala prova ta’ dejn, ġeneralment jiġu nnegozjati fis-swieq sekondarji jew jistgħu jiġu kkumpensati fis-suq, u ma jagħtu lid-detentur l-ebda drittijiet ta’ sjieda fuq l-istituzzjoni emittenti.

Din il-partita tinkludi:

investimenti f’titoli li jagħtu lid-detentur id-dritt mingħajr kundizzjoni għal dħul fiss jew stabbilit taħt kuntratt fil-forma ta’ pagamenti ta’ kupun u/jew ta’ somma fissa ddikjarata f’data jew dati speċifiċi, jew li jibda minn data stabbilita fiż-żmien tal-ħruġ,

self li jkun sar negozjabbli f’suq organizzat, jiġifieri self innegozjat, sakemm ikun hemm prova ta’ negozju f’suq sekondarju, inkluża l-eżistenza ta’ ġeneraturi tas-suq, u l-kwotazzjoni frekwenti tal-attiv finanzjarju, bħal dik ipprovduta mill-bid-offer spreads. Meta dan ma jkunx il-każ, jiġu kklassifikati bħala “self titolizzat”,

dejn subordinat fil-forma ta’ titoli ta’ dejn.

Titoli mislufin taħt operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli jew mibjugħin taħt ftehim ta’ xiri mill-ġdid jibqgħu fuq il-karta tal-bilanċ tas-sid oriġinali (u ma jiġux irreġistrati fuq il-karta tal-bilanċ tal-akkwirent temporanju) meta jkun hemm impenn qawwi li tiġi mreġġa’ lura l-operazzjoni u mhux sempliċiment opzjoni li jsir hekk. Meta l-akkwirent temporanju jbiegħ it-titoli rċevuti, dan il-bejgħ għandu jiġi rreġistrat bħala tranżazzjoni assoluta f’titoli u mdaħħal fil-karta tal-bilanċ tal-akkwirent temporanju bħala pożizzjoni negattiva fil-portafoll tat-titoli.

Din il-partita tinkludi investimenti ta’ titoli ta’ dejn li ġie titolizzat, irrispettivament minn jekk il-prattika ta’ kontabbiltà prevalenti teħtieġx ir-rikonoxximent tat-titoli fuq il-karta tal-bilanċ tal-FVC.

4.

Attiv ieħor titolizzati

Din il-partita tinkludi attiv titolizzat minbarra dak inkluż taħt il-kategoriji 2 u 3, bħal ammonti riċevibbli ta’ taxxa u krediti kummerċjali, irrispettivament minn jekk il-prattika tal-kontabbiltà prevalenti teħtieġx ir-rikonoxximent ta’ dan l-attiv fuq il-karta tal-bilanċ tal-FVC.

5.

Ekwità u ishma/unitajiet ta’ fondi ta’ investiment

L-attiv finanzjarj li jirrappreżenta d-drittijiet ta’ sjieda f’korporazzjonijiet jew kważi-korporazzjonijiet. Dan l-attiv finanzjarju ġeneralment jintitola lid-detenturi għal sehem mill-profitti tal-korporazzjonijiet jew kważi-korporazzjonijiet u għal sehem mill-attiv nett tagħhom f’każ ta likwidazzjoni.

Din il-partita tinkludi ishma kkwotati u mhux ikkwotati, ekwità oħra, ishma/unitajiet ta’ fondi tas-suq tal-flus (MMF) u ishma/unitajiet ta’ FI mhux MMF.

Titoli ta’ ekwità mislufin taħt operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli jew mibjugħin taħt ftehim ta’ xiri mill-ġdid huma ttrattati b’konformità mar-regoli f’kategorija 3 “titoli ta’ dejn”.

6.

Derivattivi finanzjarji

Derivattivi finanzjarji huma strumenti finanzjarji marbutin ma’ strument finanzjarju, indikatur jew kommodità speċifikati, li permezz tagħhom riskji finanzjarji speċifiċi jistgħu jkunu nnegozjati fi swieq finanzjarji bħala tali.

Din il-partita tinkludi:

opzjonijiet,

liċenzji (warrants),

futures,

forwards,

swaps,

derivattivi tal-kreditu.

Derivattivi finanzjarji jiġu rreġistrati bil-valur tas-suq fuq il-karta tal-bilanċ fuq bażi gross. Kuntratti derivattivi individwali b’valuri tas-suq pożittivi huma rreġistrati fuq in-naħa tal-attiv tal-karta tal-bilanċ, u kuntratti b’valuri tas-suq negattivi fuq in-naħa tal-passiv tal-karta tal-bilanċ.

Impenji futuri gross li jirriżultaw minn kuntratti derivattivi ma għandhomx jitniżżlu bħala partiti fuq il-karta tal-bilanċ.

Din il-partita ma tinkludix derivattivi finanzjarji li ma humiex suġġetti għar-reġistrazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ skont ir-regoli nazzjonali.

7.

Attiv mhux finanzjarju (inkluż attiv fiss)

Attiv tanġibbli u intanġibbli, li ma jkunux attiv finanzjarju. Attiv fiss huwa attiv mhux finanzjarju li jintuża ripetutament jew kontinwament mill-FVC għal iktar minn sena.

Din il-partita tinkludi djar, bini u strutturi oħrajn, makkinarju u tagħmir, oġġetti ta’ valur, u prodotti ta’ proprjetà intellettwali bħal software tal-kompjuter u databases.

8.

Attiv li jifdal

Din hi l-partita residwa fuq in-naħa tal-attiv tal-karta tal-bilanċ, iddefinita bħala “attiv mhux inkluż xi mkien ieħor”. Din il-partita tista’ tinkludi:

imgħax akkumulat ricevibbli fuq depożiti u self,

imgħax akkumulat fuq investiment ta’ titoli ta’ dejn,

ammonti riċevibbli li ma jirrigwardawx in-negozju ewlieni tal-FVC.


KATEGORIJI TA’ PASSIV

Kategorija

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali

9.

Self u depożiti rċevuti

Ammonti dovuti lil kredituri mill-FVC, li ma jkunux dawk li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ titoli negozjabbli. Din il-partita tikkonsisti minn:

self: self mogħti lill-FVC li jew huwa ppruvat minn dokumenti mhux negozjabbli jew mhux ippruvat bid-dokumenti,

strumenti ta’ dejn mhux negozjabbli maħruġin mill-FVC strumenti ta’ dejn mhux negozjabbli maħruġin għandhom ġeneralment jiġu kklassifikati bħala ‘passiv ta’ depożitu’. Strumenti mhux negozjabbli maħruġa mill-FVC li sussegwentement isiru negozjabbli u li jistgħu jiġu nnegozjati fi swieq sekondarji għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala “titoli ta’ dejn”,

riakkwisti u operazzjonijiet tat-tip ta’ riakkwisti kontra kollateral fi flus: kontroparti ta’ flus kontanti rċevuta bi skambju ma’ titoli mibjugħa mill-FVC bi prezz stabbilit taħt impenn sod ta’ xiri mill-ġdid tal-istess titoli (jew simili) bi prezz fiss f’data futura speċifikata. Ammonti rċevuti mill-FVC bi skambju ma’ titoli ttrasferiti lil terza persuna (‘akkwirent temporanju’) għandhom jiġu kklassifikati hawn fejn hemm impenn sod biex wieħed ireġġa’ lura l-operazzjoni u mhux sempliċiment ikun hemm opzjoni li wieħed jagħmel dan. Dan ifisser li l-FVC żżomm ir-riskji u l-benefiċċji tat-titoli sottostanti matul l-operazzjoni,

kollateral fi flus kontanti riċevut bi skambju għal self ta’ titoli: ammonti rċevuti bi skambju ma’ titoli ttrasferiti temporanjament lil terza persuna f’operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli kontra kollateral fi flus,

flus kontanti riċevuti f’operazzjonijiet li jinvolvu t-trasferiment temporanju ta’ deheb kontra kollateral fi flus.

10.

Titoli ta’ dejn maħruġin

Titoli maħruġin mill-FVC, li ma jkunux ekwità, li huma strumenti normalment negozjabbli u nnegozjati fi swieq sekondarji jew li jistgħu jiġu kkumpensati fis-suq u li ma jagħtu lis-sid ebda dritt ta’ proprjetà fuq l-istituzzjoni tal-ħruġ. Tinkludi, fost l-oħrajn, titoli maħruġin fil-forma ta’:

titoli sostnuti mill-assi,

noti marbuta mal-kreditu,

titoli marbuta mal-assigurazzjoni.

11.

Kapital u riżervi

Għall-finijiet tal-iskema ta’ rappurtar, din il-kategorija tinkludi l-ammonti li jirriżultaw mill-ħruġ tal-kapital ta’ ekwità mill-FVC lil azzjonisti jew proprjetarji oħrajn, li jirrappreżentaw għad-detentur drittijiet ta’ proprjetà fl-FVC, u ġeneralment dritt għal sehem fil-profitti tagħha u fil-fondi proprji tagħha fil-każ ta’ likwidazzjoni. Huma inklużi wkoll fondi li jirriżultaw mill-benefiċċji mhux distribwiti jew mill-fondi mwarrba mill-FVC f’antiċipazzjoni għal ħlasijiet jew obbligi probabbli fil-ġejjieni. Tinkludi:

kapital ta’ ekwità,

benefiċċji jew fondi mhux imqassma,

dispożizzjonijiet speċifiċi u ġenerali kontra self, titoli u tipi oħra ta’ assi,

unitajiet ta’ fond ta’ titolizzazzjoni.

12.

Derivattivi finanzjarji

Ara l-kategorija 6

13.

Passiv li jifdal

Din hi l-partita residwa fuq in-naħa tal-passiv tal-karta tal-bilanċ, iddefinita bħala “passiv mhux inkluż xi mkien ieħor”.

Din il-partita tista’ tinkludi:

imgħax akkumulat li jitħallas fuq is-self u depożiti,

imgħax akkumulat li jitħallas fuq titoli ta’ dejn maħruġa,

ammonti li jitħallsu mhux relatati man-negozju prinċipali tal-FVCs, jiġifieri ammonti dovuti lil fornituri, taxxa, pagi, kontribuzzjonijiet soċjali, eċċ.,

dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw passiv kontra terzi, jiġifieri pensjonijiet, dividendi, eċċ.,

pożizzjonijiet netti li jirriżultaw mis-self ta’ titoli mingħajr kollateral fi flus,

ammonti netti pagabbli fir-rigward tar-regolamenti futuri ta’ transazzjonijiet f’titoli,

kontropartijiet għall-aġġustament ta’ valutazzjoni, jiġifieri nominali bil-prezz tas-self imnaqqas.

Imgħax akkumulat pagabbli fuq titoli ta’ dejn maħruġin huwa meħtieġ bħala partita separata “li minnhom”, sakemm il-BĊN rilevanti ma jagħtix deroga fejn id-dejta tista’ tirriżulta jew tiġi stmata minn sorsi alternattivi.

PARTI 2

Definizzjonijiet tas-setturi

L-ESA 2010 tipprovdi l-istandard għall-klassifikazzjoni settorjali. Din it-tabella tipprovdi deskrizzjoni standard iddettaljata ta’ setturi li l-BĊNi jittrasponu f’kategoriji nazzjonali skont dan ir-Regolament. Il-kontrapartijiet li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro huma identifikati skont is-settur tagħhom b’konformità mal-listi li jżomm il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal skopijiet statistiċi, u l-gwida għall-klassifikazzjoni statistika tal-kontropartijiet ipprovduta fil-“Monetary financial institutions and markets statistics sector manual: Guidance for the statistical classification of customers (Il-manwal tas-settur tal-istatistika tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji u tas-swieq: Gwida għall-klassifikazzjoni statistika tal-klijenti)”. Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu barra mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jissejħu “banek” iktar milli IFM. Bl-istess mod, it-terminu “mhux IFM” jirriferi biss għaż-żona tal-euro. Għall-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro jiġi użat it-terminu “mhux banek”.

Tabella B

Definizzjonijiet tas-setturi

Settur

Definizzjoni

1.

IFM

IFM kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Dan is-settur jikkonsisti minn BĊNi, istituzzjonijiet ta’ kreditu kif iddefiniti fid-dritt tal-Unjoni, MMFs, istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li n-negozju tagħhom huwa li jirċievu depożiti u/jew sostituti mill-qrib għal depożiti minn entitajiet li ma humiex IFM u, għalihom innifishom, tal-inqas f’termini ekonomiċi, biex jagħtu self u/jew jagħmlu investimenti f’titoli, u istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li huma primarjament impenjati f’intermedjazzjoni finanzjarja fil-forma tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

2.

Gvern ġenerali

Is-settur tal-gvern ġenerali (S.13) jikkonsisti fl-unitajiet istituzzjonali li huma produtturi mhux għas-suq li l-prodott tagħhom huwa maħsub għall-konsum individwali u kollettiv, u li huma ffinanzjati minn ħlasijiet obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu lil setturi oħra, u l-unitajiet istituzzjonali li huma prinċipalment involuti fir-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid nazzjonali (ESA 2010, paragrafi 2.111 sa 2.113).

3.

Mhux MMF FI

FI kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Dan is-subsettur jikkonsisti fl-impriżi kollha ta’ investiment kollettiv, ħlief l-MMFs, li jinvestu f’attiv finanzjarju u/jew mhux finanzjarju, sa fejn l-għan huwa li jiġi investit kapital miġbur mill-pubbliku.

4.

Intermedjarji finanzjarji oħrajn, ħlief għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjonijiet + awżiljarji finanzjarji + istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u selliefa tal-flus

Intermedjarji finanzjarji oħrajn, għajr għall-korporazzjonijiet tal- assigurazzjoni u s-settur tal-fondi ta’ pensjonijiet (S.125) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet finanzjarji kollha u l-entitajiet bi status ta’ kważi-korporazzjoni li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja billi jġarrbu passiv f’forma oħra minbarra valuta, depożiti (jew sostituti mill-qrib għal depożiti), ishma/unitajiet FI, jew b’rabta ma’ assigurazzjoni, pensjonijiet u skemi ta’ garanzija standardizzati minn unitajiet istituzzjonali FVCs kif iddefiniti f’dan ir-Regolament huma inklużi f’dan is-subsettur (ESA 2010, paragrafi 2.86 sa 2.94).

Is-subsettur tal-awżiljari finanzjarji (S.126) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet u kważi-korporazzjonijiet finanzjarji kollha li huma involuti prinċipalment f’attivitajiet marbuta mill-qrib ma’ intermedjazzjoni finanzjarja iżda li huma nnifishom ma humiex intermedjarji finanzjarji. Dan is-subsettur jinkludi wkoll uffiċċji prinċipali li s-sussidjarji tagħhom huma kollha jew kważikorporazzjonijiet finanzjarji (ESA 2010, paragrafi 2.95 sa 2.97).

Is-subsettur tal-istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u s-selliefa ta’ flus (S.127) jikkonsisti mill-korporazzjonijiet u l-kważi-korporazzjonijiet finanzjarji kollha li la huma involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja u lanqas ma jipprovdu servizzi awżiljarji finanzjarji, u fejn il-parti l-kbira ta’ jew l-attiv tagħhom jew il-passiv tagħhom mhumiex innegozjati fis-swieq miftuħa. Dan is-subsettur jinkludi kumpanniji ta’ investiment li għandhom livelli ta’ kontroll tal-ekwità ta’ grupp ta’ korporazzjonijiet sussidjarji u li l-attività prinċipali tagħhom hija s-sjieda tal-grupp mingħajr ma jipprovdu ebda servizz ieħor lin-negozji li fihom tkun qed tinżamm l-ekwità, jiġifieri, ma jamministrawx jew jiġġestixxu unitajiet oħra (ESA 2010, paragrafi 2.98 sa 2.99).

5.

Korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni + fondi tal-pensjonijiet

Is-subsettur tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (S.128) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet u l-kważi-korporazzjonijiet finanzjarji kollha li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġbir komuni tar-riskji prinċipalment fil-forma ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni diretta (ESA 2010, paragrafi 2.100 sa 2.104).

Is-subsettur tal-fondi tal-pensjonijiet (S.129) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet u l-kważi-korporazzjonijiet kollha li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġbir komuni tar-riskji soċjali u l-ħtiġijiet tal-persuni assigurati (assigurazzjoni soċjali). Fondi tal-pensjonijiet bħala skemi tal-assigurazzjoni soċjali jipprovdu introjtu matul l-irtirar, u ħafna drabi benefiċċji għall-mewt u d-diżabbiltà (ESA 2010, paragrafi 2.105 sa 2.110).

6.

Korporazzjonijiet mhux finanzjarji

Is-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (S.11) jikkonsisti fl-unitajiet istituzzjonali li huma entitajiet legali u produtturi tas-suq indipendenti u li l-attività prinċipali tagħhom hija l-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji. Dan is-settur jinkludi wkoll kważi-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (ESA 2010, paragrafi 2.45 sa 2.50).

7.

Unitajiet domestiċi u istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi

Is-settur tal-unitajiet domestiċi (S.14) jikkonsisti f’individwi jew gruppi ta’ individwi bħala konsumaturi u bħala imprendituri li jipproduċu oġġetti għas-suq u servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji (produtturi għas-suq) sakemm il-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi ma tkunx minn entitajiet separati ttrattati bħala kważi-korporazzjonijiet. Tinkludi wkoll individwi jew gruppi ta’ individwi bħala produtturi ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji għal użu finali proprju b’mod esklużiv. Is-settur tal-unitajiet domestiċi jinkludi proprjetajiet waħdiena u soċjetajiet mingħajr status legali indipendenti, li ma humiex dawk ittrattati bħala kważi-korporazzjonijiet, li huma produtturi għas-suq (ESA 2010, paragrafi 2.118 sa 2.128).

Is-settur tal-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (S.15) jikkonsisti f’istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt li huma entitajiet legali separati, li jservu lill-unitajiet domestiċi u li huma produtturi privati mhux għas-suq. Ir-riżorsi prinċipali tagħhom huma l-kontribuzzjonijiet volontarji fi flus kontanti jew in natura minn unitajiet domestiċi fil-kapaċità tagħhom ta’ konsumaturi, minn ħlasijiet magħmula minn gvern ġenerali u minn introjtu minn proprjetà (ESA 2010, paragrafi 2.129 sa 2.130).

PARTI 3

Definizzjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji

Tranżazzjonijiet finanzjarji, skont l-ESA 2010, huma ddefiniti bħala l-akkwist nett ta’ attiv finanzjarju jew li wieħed jeħel passiv nett għal kull tip ta’ strument finanzjarju, jiġifieri s-somma tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha li jseħħu matul il-perijodu rilevanti ta’ rapportar. Tranżazzjoni finanzjarja bejn unitajiet istituzzjonali hija likwidazzjoni jew ħolqien simultanju ta’ attiv finanzjarju u l-passiv kontroparti, jew bidla fis-sjieda ta’ attiv finanzjarju, jew assunzjoni ta’ passiv. It-tranżazzjonijiet finanzjarji jiġu rreġistrati bil-valuri tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-valuri fil-munita nazzjonali li biha l-attiv u/jew il-passiv finanzjarju involutijkunu nħolqu, ġew likwidati, skambjati jew assunti bejn l-unitajiet istituzzjonali, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur u tibdiliet ta’ valutazzjoni ma jirrappreżentawx tranżazzjonijiet finanzjarji.

PARTI 4

Definizzjoni ta’ kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur

Kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur huma ddefiniti bħala l-impatt ta’ tibdiliet fil-valur tas-self imniżżel fil-karta tal-bilanċ li huma kkawżati bl-applikazzjoni tal-kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur tas-self. Kanċellazzjonijiet/tnaqqis fil-valur rikonoxxuti fil-ħin li self jinbiegħ jew jiġi ttrasferit lil terza persuna huma inklużi wkoll, meta jkunu identifikabbli. Kanċellazzjonijiet jirreferu għall-każijiet meta s-self jitqies bħala attiv li ma jiswa xejn u jitneħħa mill-karta tal-bilanċ. Tnaqqis fil-valur jirreferi għall-każijiet fejn jitqies li s-self ma jkunx ser jiġi rkuprat għal kollox, u l-valur tas-self jitnaqqas fil-karta tal-bilanċ.


ANNESS III

STANDARDS MINIMI BIEX JIĠU APPLIKATI MILL-POPOLAZZJONI TAR-RAPPURTAR ATTWALI

L-aġenti li jirrapportaw għandhom jissodisfaw l-istandards minimi li ġejjin biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar ta’ statistika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

1.

Standards minimi għat-trażmissjoni:

(a)

ir-rapportar irid ikun tempestiv u fit-termini ffissati mill-BĊN rilevanti;

(b)

rapporti ta’ statistika għandhom jieħdu l-forma u format tagħhom mir-rekwiżiti ta’ rapportar tekniku stabbiliti mill-BĊN rilevanti;

(c)

il-persuna jew persuni ta’ kuntatt fi ħdan l-aġent li jirrapporta għandhom ikunu identifikati;

(d)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trażmissjoni tad-dejta lil BĊN rilevanti għandhom jiġu segwiti.

2.

Standards minimi għall-preċiżjoni:

(a)

it-tagħrif statistiku għandua jkun korrett: ir-restrizzjonijiet kollha lineari għandhom ikunu sodisfatti (eż. l-attiv u l-passiv għandhom ikunu f’bilanċ, is-subtotali għandhom, fil-għadd tagħhom, jiġu mat-totali;

(b)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom ikunu jistgħu jipprovdu tagħrif dwar l-iżviluppi involuti fid-dejta trażmessa;

(c)

it-tagħrif statistiku għandu jkun komplut u ma għandux ikollu lakuni kontinwi u strutturali; lakuni eżistenti għandhom jiġu rrikonoxxuti, spjegati lill-BĊE rilevanti u, fejn japplika, mimlija malajr kemm jista’ jkun;

(d)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom isegwu d-dimensjonijiet, il-politika tal-arrotondament u d-deċimali stabbiliti mill-BĊN rilevanti għat-trażmissjoni teknika tad-dejta.

3.

Standards minimi għal konformità mal-kunċetti:

(a)

it-tagħrif statistiku għandu jikkonforma mad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet li hemm f’dan ir-Regolament;

(b)

fil-każ ta’ devjazzjonijiet minn dawn id-definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet, l-aġenti li jirrapportaw għandhom jissorveljaw u jikkwantifikaw b’mod regolari d-differenza bejn il-miżura użata u l-miżura li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(c)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom ikunu kapaċi jispjegaw interruzzjonijiet fid-dejta mogħtija mqabbla maċ-ċifri tal-perijodi ta’ qabel.

4.

Standards minimi għar-reviżjonijiet:

Il-politika tar-reviżjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mill-BĊE u l-BĊNi għandhom jiġu segwiti. Ir-reviżjonijiet li jiddevjaw mir-reviżjonijiet regolari għandhom ikunu akkumpanjati min-noti spjegattivi.


Top