EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1067

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1067/2013 tat- 30 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kontaminanti diossini, il-PCBs simili għad-diossini u l-PCBs mhux simili għad-diossini fil-fwied tal-annimali terrestri Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 289, 31.10.2013, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1067/oj

31.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/56


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1067/2013

tat-30 ta’ Ottubru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-kontaminanti diossini, il-PCBs simili għad-diossini u l-PCBs mhux simili għad-diossini fil-fwied tal-annimali terrestri

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (2) jistabbilixxi livelli massimi għad-diossini u l-poliklorobifenili (PCBs) simili għad-diossini f’varjetà ta’ oġġetti tal-ikel, inkluż il-fwied ta’ ċerti annimali terrestri.

(2)

Fil-5 ta’ Lulju 2011, il-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari (il-Bord) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), fuq talba tal-Kummissjoni, adotta opinjoni dwar ir-riskju għas-saħħa pubblika marbut mal-preżenza ta’ livelli għoljin ta’ diossini u PCBs simili għad-diossini fil-fwied tan-nagħaġ u taċ-ċriev (3).

(3)

Il-Kummissjoni talbet li l-opinjoni għandha tindika jekk hemmx żieda potenzjali tar-riskju lis-saħħa tal-konsumatur għas-sottogruppi tal-popolazzjoni li jikkunsmaw dawn il-prodotti (eż. konsumaturi li jikkunsmaw ammonti kbar minnhom, persuni li jsegwu dieti speċifiċi, eċċ.). L-opinjoni għandha wkoll tesplora r-raġunijiet possibbli għas-sejbiet ta’ livelli għolja ta’ diossini u PCBs fil-fwied tan-nagħaġ u taċ-ċriev, u tipprovdi elementi xjentifiċi dwar kemm hu xieraq li fil-futur jiġu stabbiliti livelli regolatorji għall-fwied abbażi tal-prodott minflok abbażi tax-xaħam.

(4)

Il-Bord ikkonkluda li l-konsum regolari tal-fwied tan-nagħaġ jirriżulta, bħala medja, f’żieda ta’ madwar 20 % fl-esponiment ta’ sfond għad-diossini u l-PCBs simili għad-diossini. F’każijiet individwali, il-konsum tal-fwied tan-nagħaġ jista’ jirriżulta f’inġestjoni għolja li tisboq id-doża tollerabbli fil-ġimgħa (TWI) ta’ dawk il-kontaminanti. Il-Bord ikkonkluda li l-konsum frekwenti tal-fwied tan-nagħaġ, partikolarment minn nisa fl-età li jista’ jkollhom it-tfal u mit-tfal, jista’ jkun ta’ riskju potenzjali għas-saħħa.

(5)

Il-Bord ikkonkluda wkoll li l-ħamrija u s-sedimenti huma ġibjuni naturali tad-diossini u l-PCBs. It-trasferiment tad-diossini u l-PCBs mill-ħamrija għall-pjanta mill-għeruq ġeneralment huwa ta’ importanza minuri. F’dawn l-aħħar ftit snin, għadd ta’ kampjuni tal-fwied tan-nagħaġ minn diversi pajjiżi Ewropej instabu li kien fihom konċentrazzjonijiet għolja ta’ diossini u PCBs, minkejja li ma kinux assoċjati ma’ għejun speċifiċi ta’ kontaminazzjoni. Għan-nagħaġ, l-attività tar-ragħa hija fattur primarju tal-espożizzjoni. Huma u jirgħu, in-nagħaġ jistgħu jibilgħu l-ħamrija minn partiċelli ddepożitati fuq il-ħxejjex jew direttament huma u jirgħu fuq il-ħaxix qrib wiċċ l-art. L-inġestjoni tal-ħamrija hija varjabbli ferm u tiddependi ħafna mill-istaġun: l-inġestjoni medja tal-ħamrija li ġiet irrappurtata hija ta’ 8 % tal-inġestjoni ta’ materja niexfa. B’mod ġenerali, l-inġestjoni tal-ħamrija tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-esponiment tan-nagħġa għad-diossini u l-PCBs. M’hemmx disponibbli wisq dejta dwar it-trasferiment tad-diossini u/jew il-PCBs mill-għalf għall-fwied tan-nagħaġ. Skont liema konġeneri tad-dibenżo-p-diossina poliklorinata (PCDD), id-dibenżofuran poliklorinat (PCDF) jew il-PCB ikunu qed jiġu kkunsidrati, il-proporzjonijiet tat-trasferiment irrappurtati varjaw minn 5 sa 175 u kienu madwar erba’ darbiet ogħla għall-fwied milli għal-laħam jew il-kliewi.

(6)

L-EFSA kkonkludiet ukoll li l-fwied tan-nagħaġ huwa organu importanti għall-ħżin tad-diossini u l-PCBs. Id-differenzi fil-metaboliżmu jistgħu parzjalment jispjegaw għaliex il-ħżin fil-fwied tad-diossini u tal-komposti relatati huwa relattivament ogħla fin-nagħaġ milli fil-baqar.

(7)

L-EFSA kkonkludiet li anki jekk ikun hemm il-possibbiltà tas-sekwestru epatiku u li d-diossini u l-PCBs ma jkunux totalment assoċjati mal-frazzjoni tax-xaħam tal-fwied, dan ma jkollu l-ebda effett fuq ir-riżultat, kemm jekk espress fuq il-bażi tal-lipidi u kemm jekk fuq dak tal-piż frisk, billi d-diossini u l-PCBs kollha jiġu estratti matul il-proċedura analitika irrispettivament mill-kompartiment tal-fwied fejn ikunu.

(8)

Il-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea (EURL) għad-diossini u l-PCBs fl-għalf u fl-ikel intalab mill-Kummissjoni biex jinvestiga kif il-metodi differenti tal-estrazzjoni jinfluwenzaw il-livelli tad-diossini u l-PCBs fil-fwied tan-nagħaġ fir-rigward tar-rappurtar tar-riżultat analitiku abbażi tax-xaħam jew tal-piż imxarrab. L-EURL ikkonkluda li l-varjazzjonijiet għall-konċentrazzjonijiet tad-diossini u l-PCBs abbażi tax-xaħam kienu ferm ogħla meta mqabbla ma’ dawk abbażi tal-piż imxarrab. Il-konċentrazzjonijiet tad-diossini u l-PCBs abbażi tax-xaħam fil-fwied tan-nagħaġ kienu jiddependu fuq il-metodu ta’ estrazzjoni applikat u s-solventi użati u, għalhekk, fuq il-kontenut tax-xaħam li jirriżulta. Meta tqabblu r-riżultati tal-piż imxarrab, il-livelli tad-diossini u l-PCBs kienu pjuttost komparabbli.

(9)

Għalhekk, sabiex jiġu żgurati riżultati komparabbli u infurzar armonizzat mal-Unjoni fir-rigward tad-diossini u l-PCBs fil-fwied tal-annimali terrestri, jixraq li jiġu stabbiliti livelli massimi abbażi tal-piż imxarrab kif kien diġà stabbilit għall-fwied tal-ħut u l-prodotti derivati minnu.

(10)

Jixraq li jiġi previst li dawk il-livelli massimi ma jkunux applikabbli għall-oġġetti tal-ikel li kienu tqiegħdu fis-suq skont il-liġi qabel id-data tal-applikazzjoni.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet emendatorji

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, il-punt 5.2 jinbidel b’dan li ġej:

“5.2

Fwied tal-annimali terrestri msemmija fil-punt 5.1 ħlief in-nagħaġ u l-prodotti derivati minnhom;

0,30 pg/g piż imxarrab

0,50 pg/g piż imxarrab

3,0 ng/g piż imxarrab

 

Fwied tan-nagħaġ u l-prodotti derivati minnhom;

1,25 pg/g piż imxarrab

2,00 pg/g piż imxarrab

3,0 ng/g piż imxarrab”

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-prodotti li tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2014 skont id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dik id-data.

2.   Ir-responsabbiltà biex jiġi ppruvat meta l-prodotti tqiegħdu fis-suq hija tal-operatur tan-negozju tal-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(3)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (Contam); Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju għas-saħħa pubblika marbut mal-preżenza ta’ livelli għoljin ta’ diossini u PCBs simili għad-diossini fil-fwied tan-nagħaġ u taċ-ċriev. The EFSA Journal 2011; 9(7):2297. [71 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2011.2297. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal


Top