Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1051

Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali

OJ L 295, 6.11.2013, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 11/04/2016; Imħassar b' 32016R0399 . Latest consolidated version: 06/11/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1051/oj

6.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1051/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-ħolqien ta' żona li fiha l-moviment liberu tal-persuni bejn il-fruntieri interni huwa żgurat huwa waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni. F'żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni, jeħtieġ li jkun hemm rispons komuni għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b'mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta' dik iż-żona, jew ta' partijiet minnha, jew ta' wieħed jew aktar Stati Membri billi jippermetti l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr ma jipperikola l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. Minħabba l-impatt li tali miżuri bħala l-aħħar soluzzjoni jista' jkollhom fuq il-persuni kollha li għandhom id-dritt li jiċċaqilqu fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' tali miżuri għandhom ikunu stabbiliti, sabiex jiġi assigurat huma eċċezzjonali u li l-prinċipju tal-proporzjonalità ikun rispettat. L-ambitu u t-tul taż-żmien ta' kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' tali miżuri għandhom ikunu ristretti għall-minimu indispensabbli meħtieġ sabiex tkun indirizzata t-theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurta' interna.

(2)

Moviment liberu ta' persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa kisba ewlenija tal-Unjoni. Billi moviment liberu ta' persuni huwa affettwat mill-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni, kull deċiżjoni biex jiġi introdott mill-ġdid tali kontroll għandha tittieħed f'konformità mal-kriterji maqbula komunement u għandha tiġi nnotifikata debitament lill-Kummissjoni jew tkun rakkomandata minn istituzzjoni tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni għandha tibqa' tkun eċċezzjoni u għandha ssir bħala l-aħħar soluzzjoni, għal skop u perijodu ta' żmien strettament limitati, ibbażata fuq kriterji oġġettivi speċifiċi u fuq valutazzjoni tan-neċessità tagħha li għandha tkun mgħassa fil-livell tal-Unjoni. Fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tirrikjedi azzjoni immedjata, Stat Membru għandu jkun jista' jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni għal perijodu li ma jaqbiżx l-għaxart ijiem. Kull estensjoni ta' dak il-perijodu teħtieġ li tkun issorveljata fil-livell tal-Unjoni.

(3)

In-neċessità u l-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli tal-fruntieri interni għandhom jiġu bilanċjati kontra t-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna li tagħti lok għall-ħtieġa ta' tali introduzzjoni mill-ġdid, kif ukoll għandu jsir għal miżuri alternattivi li jistgħu jittieħdu f'livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni, jew fit-tnejn, u l-impatt ta' tali kontroll fuq il-moviment liberu ta' persuni fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

(4)

L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni tista' eċċezzjonalment tkun neċessarja fil-każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fil-livell taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jew fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari wara inċidenti jew theddidiet terroristiċi, jew minħabba theddidiet li jirriżultaw mill-kriminalità organizzata.

(5)

Il-migrazzjoni u l-qsim ta' fruntieri esterni minn numru kbir ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ma għandux, bħala tali, jitqies bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

(6)

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni għandha tiġi interpretata b'mod strett u l-kunċett ta' ordni pubbliku jippresupponi l-eżistenza ta' theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

(7)

Abbażi tal-esperjenza miksuba fir-rigward tal-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u sabiex tgħin li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-acquis ta' Schengen, il-Kummissjoni tista' tfassal linji gwida dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni, f'każijiet li jirrikjedu tali miżura fuq bażi temporanja kif ukoll f'każijiet li fihom jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata. Dawk il-linji gwida għandhom jipprovdu indikaturi ċari biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi li jistgħu jikkostitwixxu theddidiet serji għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

(8)

Fejn f'rapport ta' evalwazzjoni imfassal f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (2) jiġu identifikati nuqqasijiet serji fl-eżekuzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri esterni, u sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet adottati f'konformità ma' dak ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda li l-Istat Membru evalwat jieħu ċerti miżuri speċifiċi bħall-iskjerament ta' timijiet tal-għassa tal-fruntieri Ewropej, il-preżentazzjoni ta' pjanijiet strateġiċi jew, bħala l-aħħar soluzzjoni u b'kont meħud tal-gravità tas-sitwazzjoni, l-għeluq ta' punt speċifiku ta' qsim tal-fruntiera. Dawk is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (3). Fid-dawl tat-termini tal-Artikolu 2(2)(b)(iii) ta' dak ir-Regolament, tkun applikabbli l-proċedura ta' eżami.

(9)

L-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli f'ċerti fruntieri interni taħt proċedura speċifika fil-livell tal-Unjoni tista' tkun ġustifikata fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala miżura ta' l-aħħar soluzzjoni fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jitqiegħed f'riskju kawża ta' nuqqasijiet serji persistenti relatati mal-kontrolli tal-fruntieri esterni identifikati fil-kuntest ta' proċess rigoruż ta' evalwazzjoni f'konformità mal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, fejn dawk iċ-ċirkostanzi jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna f'dik iż-żona jew f'partijiet minnha. Tali proċedura speċifika għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli f'ċerti fruntieri interni tista' ssir applikabbli wkoll, taħt l-istess kondizzjonijiet, bħala riżultat tan-nuqqas serju tal-Istat Membru evalwat milli jissodisfa l-obbligi tiegħu. Minħabba n-natura politikament sensittiva tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli f'ċerti fruntieri interni, li għandhom effett fuq is-setgħat eżekuttivi u ta' infurzar nazzjonali fir-rigward tal-kontroll tal-fruntieri interni, għandhom jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni, biex jiġu adottati rakkomandazzjonijiet taħt dik il-proċedura speċifika fil-livell tal-Unjoni, lill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

(10)

Qabel ma tiġi adottata xi rakkomandazzjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli ta' ċerti fruntieri interni, għandha tiġi esplorata b'mod sħiħ u f'waqtu l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal miżuri mmirati biex jindirizzaw is-sitwazzjoni, inkluża għajnuna mill-korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (Frontex), stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (4) jew l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (5) u miżuri ta' appoġġ tekniku jew finanzjarju fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-Unjoni jew it-tnejn. Fejn jiġi identifikat nuqqas serju, il-Kummissjoni tista' tipprovdi miżuri ta' appoġġ finanzjarju biex tgħin lill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, kull rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni sostanzjata.

(11)

Il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tadotta atti implimentattivi li jkunu immedjatament applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati marbuta mal-ħtieġa tal-estensjoni ta' kontrolli tal-fruntieri interni, dan ikun meħtieġ minn raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(12)

Ir-rapporti ta' evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Nru 1053/2013 għandhom jiffurmaw il-bażi li tagħti lok għall-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi fil-każ ta' nuqqasijiet serji relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-proċedura speċifika f'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni f'riskju previst f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri u l-Kummissjoni b'mod konġunt jagħmlu evalwazzjonijiet regolari, oġġettivi u imparzjali sabiex jivverifikaw l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament u l-Kummissjoni tikkoordina l-evalutazzjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni jikkonsisti fl-elementi li ġejjin: programmi pluriennali u annwali ta' evalwazzjoni, visiti fuq il-post imħabbra u għal għarrieda li jsiru minn grupp żgħir ta' rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti nominati mill-Istati Membri, rapporti dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni adottata mill-Kummissjoni u r-rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta' rimedju adottati mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, azzjonijiet ta' segwitu, monitoraġġ u rappurtar adatti.

(13)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu pprovduti regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli tal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jista' jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjeta' kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalita', kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

(14)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TEU u mat-TFUE, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perijodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(15)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (6). Għalhekk ir-Renju Unit ma jiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(16)

Dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (7). L-Irlanda għalhekk ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(17)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad- dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Irlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (8) li jaqgħu fl-ambitu tal-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(18)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (10) li jaqgħu fl-ambitu tal-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(19)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (12) li jaqgħu fl-ambitu tal-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13).

(20)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(21)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(22)

Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li hu b’xi mod ieħor relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

(23)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-libertà ta' moviment ta' persuni u ta' residenza. Dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(24)

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (14) għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-Titolu II, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

KAPITOLU IVa

Miżuri speċifiċi fil-każ ta' nuqqasijiet serji relatati mal-kontrolli fil-fruntieri esterni

Artikolu 19a

Miżuri fil-fruntieri esterni u l-appoġġ mill-Aġenzija

1.   F'każ li fit-twettiq tal-kontrolli fil-fruntieri esterni jiġu identifikati nuqqasijiet serji f'rapport ta' evalwazzjoni mfassal taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (*), u sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tirrakkomanda, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li l-Istat Membru evalwat jieħu ċerti miżuri speċifiċi, li jistgħu jinkludu waħda jew it-tnejn li ġejjin:

(a)

jibda jiskjera timijiet tal-għassa tal-fruntiera Ewropea f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004;

(b)

jippreżenta l-pjanijiet strateġiċi tiegħu, abbażi ta' stima tar-riskji, inkluża informazzjoni dwar l-iskjerament ta' persunal u tagħmir, lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha dwarhom.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 33a(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 33a(1) fuq bażi regolari dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u dwar l-impatt tagħhom fuq in-nuqqasijiet identifikati.

Hija għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

3.   Fejn rapport ta' evalwazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ikkonkluda li l-Istat Membru evalwat qed jonqos serjament mill-obbligi tiegħu u jkollu għalhekk jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni rilevanti fi żmien tliet xhur b'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, u fejn, wara dak il-perijodu ta' tliet xhur, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sitwazzjoni qed tippersisti, dan jista' jagħti lok għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista f'dak l-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament fejn il-kondizzjonijiet kollha għal hekk jiġu sodisfatti.

(*)  ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27.”;"

(2)

L-Artikoli 23 sa 27 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 23

Qafas ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni

1.   Fejn, f'żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' eċċezzjonalment jerġa' jintroduċi l-kontrolli tal-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f'partijiet speċifiċi tagħhom għal perijodu limitat ta' mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum. L-iskop u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

2.   Il-kontrolli tal-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f'konformità mal-Artikoli 24, 25 u 26. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 23a u 26a, għandhom jiġu kkunsidrati f'kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni skont l-Artikolu 24, 25 jew 26 rispettivament.

3.   Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perijodu previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista' jestendi l-kontrolli tal-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 23a u f'konformità mal-Artikolu 24, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, filwaqt li jittieħed kont ta' kwalunkwe element ġdid, għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta' mhux aktar minn 30 jum.

4.   Il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, m'għandux jaqbeż is-sitt xhur. Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 26, dak il-perijodu totali jista' jiġi estiż għal żmien massimu ta' sentejn b'konformità mal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 23a

Kriterji għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni

Fejn Stat Membru jiddeċiedi, bħala l-aħħar soluzzjoni, li jintroduċi mill-ġdid b'mod temporanju kontrolli ta' xi waħda jew aktar mill-fruntieri interni tiegħu jew ta' xi partijiet minnhom jew jiddeċiedi li jestendi tali introduzzjoni mill-ġdid, taħt l-Artikolu 23 jew l-Artikolu 25(1), huwa għandu jivvaluta sa fejn miżura x'aktarx li tirrimedja b'mod adegwat it-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, u għandu jevalwa l-proporzjonalità tal-miżura mqabbla ma' dik it-theddida. Meta jagħmel dawn il-valutazzjonijiet, l-Istat Membru għandu b'mod partikolari jqis dawn li ġejjin:

(a)

l-impatt probabbli ta' kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat, inkluż wara inċidenti jew theddidiet terroristiċi kif ukoll dawk maħluqa mill-kriminalità organizzata;

(b)

l-impatt probabbli ta' tali miżura fuq moviment liberu ta' persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

Artikolu 24

Proċedura għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni skont l-Artikolu 23(1)

1.   Fejn Stat Membru jippjana l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli tal-fruntieri interni taħt l-Artikolu 23(1), huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn erba' ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata, jew fi żmien perijodu iqsar fejn iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-bżonn tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli tal-fruntieri interni jsiru magħrufa f'inqas minn erba' ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata. Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid proposta, inkluż id-data relevanti kollha li tagħti dettalji tal-avvenimenti li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku tiegħu jew għas-sigurtà interna tiegħu;

(b)

l-iskop tal-introduzzjoni mill-ġdid proposta, li jispeċifika f'liema parti jew partijiet tal-fruntieri interni ser jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri;

(c)

l-ismijiet tal-punti ta’ qsim awtorizzati;

(d)

id-data u t-tul ta’ żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata;

(e)

fejn ikun il-każ, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra.

Tista' tiġi ppreżentata wkoll b'mod konġunt notifika taħt l-ewwel subpragrafu minn żewġ Stati Membri jew aktar.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ titlob tagħrif addizzjonali mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin li tiġi notifikata lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni skont dak il-paragrafu.

3.   L-Istati Membri li jagħmlu notifika taħt il-paragrafu 1 jistgħu, fejn ikun meħtieġ u f'konformità mal-liġi nazzjonali, jiddeċiedu li jikklassifikaw partijiet mill-informazzjoni.

Tali klassifikazzjoni m'għandhiex tipprekludi li l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew. It-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni u dokumenti mibgħutin lill-Parlament Ewropew taħt dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-regoli rigward it-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata li huma applikabbli bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

4.   Wara n-notifika mill-Istat Membru taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u bil-għan tal-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, joħorġu opinjoni.

Jekk, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fin-notifika jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun irċeviet, il-Kummissjoni jkollha tħassib fir-rigward tal-ħtieġa jew proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli tal-fruntieri interni, jew jekk tqis li jkun xieraq li ssir konsultazzjoni dwar xi aspett tan-notifika, hija għandha toħroġ opinjoni b'dak l-iskop.

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u kwalunkwe opinjoni tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru skont il-paragrafu 4, għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjoni, inkluż, fejn ikun il-każ, laqgħat konġunti, bejn l-Istat Membru li qed jippjana jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni, l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri, u l-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiġi organizzata, fejn xieraq, kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-miżuri mal-avvenimenti li jkunu taw lok għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri u t-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna.

6.   Il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 għandha ssir mill-inqas għaxart ijiem qabel id-data li fiha jkun ippjanat li jerġgħu jiġu introdotti l-kontrolli tal-fruntieri.

Artikolu 25

Proċedura speċifika għal każijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata

1.   Fejn theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta’ Stat Membru teħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti, l-Istat Membru konċernat jista’, fuq bażi eċċezzjonali, immedjatament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni għal perijodu limitat ta' mhux aktar minn għaxart ijiem.

2.   Fejn Stat Membru jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni tiegħu, huwa għandu, b'mod simultanju, jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u għandu jagħti l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24 (1), inklużi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra immedjatament wara li tirċievi n-notifika.

3.   Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ddum aktar mill-perijodu previst fil-paragrafu 1, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jestendi l-kontrolli tal-fruntieri interni għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta' mhux aktar minn 20 jum. Meta jagħmel dan, l-Istat Membru konċernat għandu jikkunsidra l-kriterji msemmija fl-Artikolu 23a, inkluża valutazzjoni aġġornata tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura, u għandu jikkunsidra kwalunkwe element ġdid.

F'każ li tittieħed tali estensjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(4) u (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis, u l-konsultazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien wara li d-deċiżjoni ta' estensjoni tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(4), il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni, abbażi tal-perijodu inizjali skont il-paragrafu 1 u kwalunkwe estensjoni taħt il-paragrafu 3, m'għandux jaqbeż ix-xahrejn.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew dwar in-notifiki magħmulin taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 26

Proċedura speċifika fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jqiegħdu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni

1.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni jitqiegħed f'riskju minħabba nuqqasijiet serji persistenti relatati mal-kontroll tal-fruntieri esterni kif imsemmija fl-Artikolu 19a, u sa fejn dawk iċ-ċirkostanzi jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jew f'partijiet minnha, jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal perijodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Dak il-perijodu jista' jiġi estiz, mhux aktar minn tliet darbiet, b'perijodu ieħor ta' mhux aktar minn sitt xhur jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jippersistu.

2.   Il-Kunsill jista', bħala l-aħħar soluzzjoni u bħala miżura biex jipproteġi l-interessi komuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, fejn il-miżuri l-oħra kollha, b'mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 19a(1), ikunu ineffettivi fil-mitigazzjoni tat-theddida serja identifikata, jirrakkomanda li Stat Membru wieħed jew aktar jiddeċiedu li jintroduċu mill-ġdid il-kontrolli tal-fruntieri interni kollha tagħhom jew f'partijiet speċifiċi minnhom. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tkun ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta tali proposta lill-Kunsill għal rakkomandazzjoni.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu mill-anqas jindika l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 24(1).

Il-Kunsill jista' jirrakkomanda estensjoni f'konformità mal-kondizzjonijiet u proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Qabel ma Stat Membru jerġa' jintroduċi l-kontrolli tal-fruntieri interni kollha tiegħu jew f'partijiet speċifiċi minnhom skont dan il-paragrafu, għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni dwar dan.

3.   Fil-każ li r-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix implimentata minn Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bil-miktub dwar ir-raġunijiet tiegħu.

F'każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat u l-konsegwenzi fuq il-protezzjoni tal-interessi komuni taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

4.   Fejn ikun hemm raġunijiet ta' urġenza debitament ġustifikati, relatati ma' sitwazzjonijiet fejn iċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għall-bżonn li jiġu estiżi l-kontrolli tal-fruntieri interni, f'konformità mal-paragrafu 2, ma jsirux magħrufa sa inqas minn 10 ijiem qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ introduzzjoni mill-ġdid preċedenti, il-Kummissjoni tista' tadotta kwalunkwe rakkomandazzjoni meħtieġa permezz ta' atti implimentattivi li jkunu immedjatament applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 33a(3). Fi żmien 14-il jum mill-adozzjoni ta' tali rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 2.

5.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna skont l-Artikoli 23, 24 u 25.

Artikolu 26a

Kriterji għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri interni meta ċirkostanzi eċċezzjonali jqiegħdu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni

1.   Fejn, bħala l-aħħar soluzzjoni, il-Kunsill jirrakkomanda, f'konformità mal-Artikolu 26(2), l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta' kontrolli ta' xi waħda jew aktar fruntieri jew ta' xi partijiet minnhom, huwa għandu jivvaluta sa fejn huwa probabbli li tali miżura tirrimedja adegwatament it-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, u għandu jevalwa l-proporzjonalità tal-miżura mqabbla ma' dik it-theddida. Dik il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni dettaljata ppreżentata mill-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernat(i) u mill-Kummissjoni u kull informazzjoni rilevanti oħra, inkluż kull informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Meta ssir tali valutazzjoni, għandu jittieħed kont b'mod partikolari tal-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-disponibbiltà ta' miżuri ta' appoġġ tekniku jew finanzjarju li setgħu jiġu jew ġew invokati fil-livell nazzjonali jew fil-livell Ewropew, jew it-tnejn, inkluż assistenza minn korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni bħall-Aġenzija, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) jew l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (“Europol”) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (***), u sa fejn tali miżuri x'aktarx jirrimedjaw b'mod adegwat it-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;

(b)

l-impatt attwali u dak futur probabbli ta' kwalunkwe nuqqas serju relatat mal-kontroll fil-fruntieri esterni identifikat fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet li jsiru skont ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 u sa fejn tali nuqqas serju jikkostitwixxi theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;

(c)

l-impatt probabbli tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri fuq il-moviment liberu ta' persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

2.   Qabel ma tadotta proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 26(2), il-Kummissjoni tista:

(a)

titlob lill-Istati Membri, lill-Aġenzija, lill-Europol jew lil korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni biex jagħtuha aktar informazzjoni;

(b)

tagħmel visiti fuq il-post, bl-appoġġ ta' esperti mill-Istati Membri u tal-Aġenzija, l-Europol jew kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti oħrajn tal-Unjoni, sabiex tikseb jew tivverifika informazzjoni rilevanti għal dik ir-rakkomandazzjoni.

Artikolu 27

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni u l-Istat Membru jew Stati Membri konċernati għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun b'kull raġuni li tista' tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikoli 19a u 23 sa 26a.

(**)  ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11."

(***)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.”;"

(3)

L-Artikoli 29 u 30 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 29

Rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli tal-fruntieri interni

Fi żmien erba' ġimgħat mit-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni, l-Istat Membru li jkun għamel kontrolli tal-fruntieri interni għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni, li jiddeskrivi, b'mod partikolari, il-valutazzjoni inizjali u r-rispett tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 23a 25 u 26a, l-operazzjoni tal-verifiki, il-kooperazzjoni prattika mal-Istati Membri ġirien, l-impatt li rriżulta fuq il-moviment liberu ta' persuni, l-effettività tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni, inkluża valutazzjoni ex-post tal-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri.

Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni dwar dik il-valutazzjoni ex-post tal-introduzzjoni mill-ġdid fuq bażi temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fi fruntiera interna waħda jew aktar jew f'partijiet minnhom.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-inqas darba fis-sena, rapport dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Ir-rapport għandu jinkludi lista tad-deċiżjonijiet kollha li jerġgħu jiġu introdotti kontrolli tal-fruntieri interni meħuda matul is-sena rilevanti.

Artikolu 30

Informazzjoni għall-pubbliku

Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-pubbliku b'manjiera koordinata dwar deċiżjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni u jindika b'mod partikolari d-data tal-bidu u t-tmiem ta' tali miżura, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta' sigurtà aktar importanti biex dan ma jsirx.”

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 33a

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (****).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

(****)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”;"

(5)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 37a

Mekkaniżmu ta' evalwazzjoni

1.   F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tagħhom dwar proċeduri ta' infrazzjoni, l-implimentazzjoni minn kull Stat Membru ta' dan ir-Regolament għandha tiġi evalwata permezz ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni.

2.   Ir-regoli dwar il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni huma speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013. F'konformità ma' dak il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu, b'mod konġunt, evalwazzjonijiet regolari, oġġettivi u imparzjali sabiex jivverifikaw l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament u l-Kummissjoni għandha tikkoordina l-evalwazzjonijiet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Taħt dak il-mekkaniżmu, kull Stat Membru jiġi evalwat għall-inqas kull ħames snin minn grupp żgħir li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u esperti magħżula mill-Istati Membri.

L-evalwazzjonijiet jistgħu jikkonsistu minn visiti fuq il-post imħabbra jew għal għarrieda fi fruntieri esterni u interni.

F'konformità ma' dak il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-adozzjoni tal-programmi ta' evalwazzjoni multiannwali u annwali u r-rapporti ta' evalwazzjoni.

3.   Fil-każ ta' nuqqasijiet posssibbli, jistgħu jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta' rimedju lill-Istati Membri kkonċernati.

Fejn jiġu identifikati nuqqasijiet serji fit-twettiq ta' kontrolli tal-fruntieri esterni f'rapport ta' evalwazzjoni adottat mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, għandhom japplikaw l-Artikoli 19a u 26 ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati fl-istadji kollha tal-evalwazzjoni u jintbagħtulhom id-dokumenti rilevanti kollha f'konformità mar-regoli dwar dokumenti klassifikati.

5.   Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u kompletament dwar kwalunkwe proposta biex jiġu emendati jew sostitwiti r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1053/2013.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta'Ottubru 2013.

(2)  Ara paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1; ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 136 (MT) ).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

(6)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(12)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(13)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

(14)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilqgħu l-adozzjoni tar-Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jipprevedi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali u tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Huma jemmnu li dawn il-mekkaniżmi l-ġodda jindirizzaw b'mod adegwat is-sejħa tal-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2011 għal titjib fil-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fiż-żona Schengen u għal sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva u affidabbli sabiex jiġi żgurat l-infurzar ta' regoli komuni u t-tisħiħ, l-adattament u l-estensjoni tal-kriterji bbażati fuq l-acquis tal-UE, filwaqt li jfakkru li l-fruntieri esterni tal-Ewropa għandhom jiġu ġestiti b'mod effettiv u konsistenti, abbażi ta' responsabbiltà komuni, solidarjetà u kooperazzjoni prattika.

Huma jiddikjaraw li din l-emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ser issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni billi tipprevedi, minn naħa waħda, kriterji għal kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri mill-Istati Membri, u min-naħa l-oħra mekkaniżmu bbażat fl-UE li jirrispondi għal sitwazzjonijiet verament kritiċi fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona jitqiegħed fir-riskju jekk ma jkunx hemm kontrolli fil-fruntieri.

Huma jissottolinjaw li din is-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni hija mekkaniżmu bbażat fl-UE u li ser tkopri l-aspetti kollha tal-acquis ta' Schengen u tinvolvi esperti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u aġenziji rilevanti tal-UE.

Huma jifhmu li kwalunkwe proposta futura mill-Kummissjoni biex tiġi emendata din is-sistema ta' evalwazzjoni tiġi ppreżentata għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jittieħed kont tal-opinjoni tagħha, bl-aktar mod sħiħ possibbli, qabel l-adozzjoni ta' test finali.


Top