EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0837

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 837/2013 tal- 25 ta’ Ġunju 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 234, 3.9.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/837/oj

3.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 837/2013

tal-25 ta’ Ġunju 2013

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 85 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 prodott bijoċidali jista' jiġi awtorizzat jekk is-sustanzi attivi fil-prodott ġew approvati skont l-Artikolu 9 ta' dak ir-Regolament.

(2)

Prodott bijoċidali jista' jiġi awtorizzat anke jekk sustanza attiva waħda jew iktar li jkunu jinsabu ġo fih ġew immanifatturati f'post differenti jew skont proċess differenti, inkluż minn materja prima differenti, minn dawk tas-sustanza evalwata għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

F'każijiet bħal dawn, sabiex jiġi żgurat li s-sustanza attiva li tkun tinsab fi prodott bijoċidali ma jkollhiex proprjetajiet li jkunu ferm iktar perikolużi mis-sustanza li tkun ġiet evalwata għall-fini tal-approvazzjoni, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-ekwivalenza teknika skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(4)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi inkluża l-prova tal-istabbiliment tal-ekwivalenza teknika fir-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti bijoċidali elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 528/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-tabella fit-titolu 1, tiddaħħal l-entrata 2.5 li ġejja:

"2.5

Meta l-prodott bijoċidali jkun fih sustanza attiva li ġiet immanifatturata f'postijiet jew skont proċessi jew minn materja prima għajr dawk tas-sustanza attiva evalwata għall-fini tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, trid tiġi pprovduta evidenza li l-ekwivalenza teknika ġiet stabbilita skont l-Artikolu 54 ta' dan ir-Regolament jew ġiet stabbilita, wara evalwazzjoni li bdiet qabel l-1 ta' Settembru 2013 minn awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 98/8/KE."

(2)

Fit-tabella fit-titolu 2, tiddaħħal l-entrata 2.5 li ġejja:

"2.5

Meta l-prodott bijoċidali jkun fih sustanza attiva li ġiet immanifatturata f'postijiet jew skont proċessi jew minn materja prima għajr dawk tas-sustanza attiva evalwata għall-fini tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, trid tiġi pprovduta evidenza li l-ekwivalenza teknika ġiet stabbilita skont l-Artikolu 54 ta' dan ir-Regolament jew ġiet stabbilita, wara evalwazzjoni li bdiet qabel l-1 ta' Settembru 2013 minn awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 98/8/KE."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


Top