Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0543

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal- 14 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/543/oj

15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 543/2013

tal-14 ta’ Ġunju 2013

dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerk għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu u l-punt 5 tal-Linji Gwida dwar il-ġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasferiment disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali, stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jistabbilixxi rekwiżiti għall-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni (“TSOs”) sabiex jippubblikaw data (dejta) dwar id-disponibbiltà tan-netwerks, dwar il-kapaċitajiet tal-interkonnetturi transfruntiera u dwar waqfien tal-ġenerazzjoni, tat-tagħbija u tan-netwerk.

(2)

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (2) jirrikonoxxi li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew ta’ linji gwida adottati skont dak ir-Regolament tikkostitwixxi żvelar pubbliku simultanju, komplet u effikaċi.

(3)

Id-disponibbiltà ta’ tali dejta hija indispensabbli għall-abbiltà tal-parteċipanti tas-suq li jieħdu deċiżjonijiet effikaċi relatati mal-produzzjoni, mal-konsum u man-negozjar. L-integrazzjoni tas-suq aktar profonda u l-iżvilupp rapidu ta’ sorsi intermittenti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mir-riħ u mix-xemx, jirrikjedu l-iżvelar ta’ informazzjoni kompleta, disponibbli f’waqtha, ta’ kwalità għolja u li tinftiehem faċilment relatata mal-prinċipji fundamentali tal-provvista u d-domanda.

(4)

Id-disponibbiltà f’waqtha ta’ settijiet kompleti ta’ dejta dwar il-prinċipji fundamentali għandha żżid ukoll is-sikurezza tal-provvisti tal-enerġija. Hija għandha tippermetti li l-partijiet tas-suq iqabblu b’mod preċiż il-provvista u d-domanda billi jnaqqsu r-riskju għall-qtugħ tad-dawl. Bħala riżultat, it-TSOs għandhom ikunu kapaċi jikkontrollaw in-netwerks tagħhom aħjar u joperawhom f’kondizzjonijiet aktar prevedibbli u sikuri.

(5)

Il-miżuri ta’ trasparenza attwali ma jissodisfawx dawn il-kriterji kompletament. Barra minn hekk, l-informazzjoni rilevanti tas-suq hija distribwita b’mod irregolari fost il-parteċipanti tas-suq billi l-parteċipanti stabbiliti kbar għandhom aċċess esklussiv għall-informazzjoni rigward l-assi tagħhom stess, li tpoġġi lill-parteċipanti tas-suq ġodda jew lill-parteċipanti mingħajr assi fi żvantaġġ.

(6)

Il-parteċipanti tas-suq għandhom jiġu pprovduti b’informazzjoni f’waqtha dwar il-konsum mistenni. Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata regolarment u tiġi pprovduta għal perjodi ta’ żmien differenti. Ir-riżultat reali tal-konsum mistenni għandu jkun disponibbli wkoll ftit wara l-ħin reali.

(7)

L-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanata u mhux ippjanata ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku u ta’ unitajiet ta’ konsum hija fost l-aktar informazzjoni rilevanti u importanti dwar il-provvista u d-domanda għall-parteċipanti tas-suq. Il-parteċipanti tas-suq u t-TSOs għandhom jiġu pprovduti b’informazzjoni dettaljata dwar fejn, meta u għaliex l-unitajiet mhumiex jew mhux ser ikunu disponibbli biex jiġġeneraw jew jikkonsmaw l-elettriku u meta huma mistennija li jerġgħu jibdew joperaw. Dan għandu jgħin ukoll lit-TSOs sabiex jallokaw mill-ġdid ir-riżervi b’mod aħjar li jnaqqas il-probabbiltà tal-qtugħ tad-dawl.

(8)

Il-parteċipanti tas-suq u t-TSOs għandhom jirċievu wkoll informazzjoni dettaljata dwar il-kapaċità globali tal-ġenerazzjoni installata, l-estimi dwar il-ġenerazzjoni totali skedata, inkluż separatament għall-ġenerazzjoni intermittenti u d-dejta fil-livell tal-unitajiet dwar il-ġenerazzjoni effettiva tal-faċilitajiet akbar ta’ produzzjoni.

(9)

Sabiex ikun jista’ jittrasferixxi l-enerġija minn fejn hija disponibbli għal fejn hija l-aktar meħtieġa u jaġġusta l-portafolli kif xieraq, is-suq għandu jiġi pprovdut b’informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanata u mhux ippjanata tal-infrastruttura eżistenti ta’ trażmissjoni transkonfinali (transfruntiera) u tal-pjanijiet dwar l-iżviluppi tal-infrastruttura. Barra minn hekk, it-TSOs għandhom jipprovdu u jaġġornaw regolarment id-dejta dwar il-kapaċitajiet ta’ trasferiment transfruntiera ppjanati u offruti għal limiti differenti ta’ żmien, kif ukoll informazzjoni relatata mal-allokazzjoni u l-użu tal-kapaċitajiet.

(10)

L-utilizzazzjoni rapida tas-sorsi ta’ ġenerazzjoni intermittenti ’l bogħod miċ-ċentri tal-konsum, ġabet magħha dejjem aktar konġestjoni fl-infrastruttura tat-trażmissjoni f’partijiet kbar tal-Ewropa. Bil-għan tittaffa l-konġestjoni, it-TSOs bdew jintervjenu dejjem aktar fl-operazzjonijiet tas-suq billi taw struzzjonijiet lill-parteċipanti tas-suq sabiex ibiddlu l-impenji tagħhom relatati mal-ġenerazzjoni jew man-negozjar. Sabiex is-suq ikun jista’ jifhem fejn u għaliex il-miżuri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni saru meħtieġa, it-TSOs għandhom jipprovdu informazzjoni f’waqtha, dettaljata u raġunata dwar l-azzjonijiet tagħhom.

(11)

Saħansitra wara ppjanar bir-reqqa, il-produtturi, il-fornituri u n-negozjanti jistgħu jsibu ruħhom żbilanċjati u esposti għas-sistema ta’ bbilanċjar u ta’ aġġustament tat-TSOs. Sabiex inaqqsu bl-aħjar mod ir-riskju ta’ żbilanċ, il-parteċipanti tas-suq jeħtieġu informazzjoni preċiża, ċara u f’waqtha dwar is-swieq tal-ibbilanċjar. It-TSOs għandhom jipprovdu tali informazzjoni f’format komparabbli fil-livell transfruntiera, billi jinkludu dettalji dwar ir-riżervi li kienu kkuntrattjaw, il-prezzijiet imħallsa u l-volumi attivati għal skopijiet ta’ bbilanċjar.

(12)

It-TSOs ta’ sikwit huma s-sors primarju ta’ informazzjoni fundamentali rilevanti. Huma jintużaw ukoll sabiex jiġbru u jivvalutaw ammonti kbar ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ tħaddim tas-sistema. Sabiex jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni rilevanti madwar l-Unjoni, it-TSOs għandhom jiffaċilitaw il-ġbir, il-verifika u l-ipproċessar tad-dejta, filwaqt li n-Netwerk Ewropew ta’ Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni għall-Elettriku (“l-ENTSO għall-Elettriku”) għandu jagħmel id-dejta disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni. Sabiex jagħmel l-aħjar użu mis-sorsi ta’ trasparenza eżistenti, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jkun jista’ jirċievi informazzjoni għall-pubblikazzjoni permezz ta’ partijiet terzi bħal swieq tal-elettriku u pjattaformi ta’ trasparenza.

(13)

Għalhekk, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Dan ir-Regolament ġie adottat fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 li huwa jissupplimenta u li huwa jifforma parti integrali minnu. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 714/2009 f’atti legali oħra għandhom jinftiehmu li qed jirreferu wkoll għal dan ir-Regolament.

(15)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi s-sett komuni u minimu ta’ dejta relatata mal-ġenerazzjoni, mat-trasportazzjoni u mal-konsum tal-elettriku li għandu jkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq. Huwa jipprovdi wkoll għall-ġbir u l-pubblikazzjoni ċentrali tad-dejta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“riżervi ta’ bbilanċjar” tfisser ir-riżorsi kollha, jekk jiġu akkwistati ex ante jew f’ħin reali, jew skont l-obbligi legali, li huma disponibbli għat-TSO għal skopijiet ta’ bbilanċjar;

(2)

“unità taż-żmien għall-ibbilanċjar” tfisser il-perjodu ta’ żmien li għalih jiġi stabbilit il-prezz għar-riżervi ta’ bbilanċjar;

(3)

“żona tal-offerti” tfisser l-akbar żona ġeografika li fiha l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr allokazzjoni tal-kapaċità;

(4)

“allokazzjoni tal-kapaċità” tfisser l-attribuzzjoni tal-kapaċità transżonali;

(5)

“unità tal-konsum” tfisser riżorsa li tirċievi l-enerġija elettrika għall-użu tagħha stess, minbarra t-TSOs u l-Operaturi tas-Sistemi tad-Distribuzzjoni (“DSOs”);

(6)

“żona ta’ kontroll” tfisser parti koerenti tas-sistema interkonnessa, imħaddma minn operatur waħdieni tas-sistema u għandha tinkludi t-tagħbijiet fiżiċi konnessi u/jew l-unitajiet tal-ġenerazzjoni, jekk ikun hemm;

(7)

“kapaċità kkoordinata tat-trażmissjoni netta” tfisser metodu għall-kalkolu tal-kapaċità bbażat fuq il-prinċipju tal-valutazzjoni u tad-definizzjoni ex-ante ta’ skambju kummerċjali ta’ enerġija massima bejn żoni tal-offerti kontigwi;

(8)

“element ta’ netwerk kritiku” tfisser element ta’ netwerk fi ħdan żona tal-offerti jew bejn iż-żoni tal-offerti meħuda f’kunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità, b’tali mod li jiġi llimitat l-ammont ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata;

(9)

“ibbilanċjar ta’ żona b’kontroll reċiproku” tfisser skema ta’ bbilanċjar fejn TSO jista’ jirċievi offerti għal attivazzjoni li tkun ġejja minn żoni ta’ TSOs oħrajn. Tali skema ma tinkludix id-dispaċċ mill-ġdid jew il-konsenja ta’ enerġija ta’ emerġenza;

(10)

“kapaċità transżonali” tfisser kemm is-sistemi interkonnessi jkunu jistgħu jakkomodaw it-trasferiment tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti;

(11)

il-“munita” hija l-euro jekk mill-inqas parti waħda taż-żona/i tal-offerti kkonċernata/i tkun parti minn pajjiż fejn l-euro hija valuta legali. Fi kwalunkwe każ ieħor, din tkun il-munita lokali;

(12)

“cut-off time” tfisser il-punt fiż-żmien meta t-TSOs ikunu jridu jikkonfermaw in-nominazzjonijiet kollha li jaqblu mas-suq. Il-“cut-off time” jirreferi mhux biss għas-swieq ta’ kuljum jew tal-istess jum iżda wkoll għas-swieq differenti li jkopru l-aġġustamenti tal-iżbilanċ u l-allokazzjoni tar-riżervi;

(13)

“tpartit kummerċjali” tfisser skambju kummerċjali transżonali mibdi mill-operaturi tas-sistema bejn żewġ żoni tal-offerti sabiex itaffu l-konġestjoni fiżika;

(14)

“fornitur tad-dejta” tfisser l-entità li qiegħda tibgħat id-dejta lejn il-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni;

(15)

“allokazzjoni espliċita” tfisser l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali biss, mingħajr it-trasferiment tal-enerġija;

(16)

“parametri bbażati fuq il-fluss” tfisser il-marġnijiet disponibbli fuq l-elementi tan-netwerk kritiku b’fatturi assoċjati mad-distribuzzjoni ta’ trasferiment tal-enerġija;

(17)

“unità ta’ ġenerazzjoni” tfisser ġeneratur waħdieni tal-elettriku li jappartjeni għal unità ta’ produzzjoni;

(18)

“allokazzjoni impliċita” tfisser metodu ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni li permezz tiegħu l-enerġija tinkiseb fl-istess ħin bħall-kapaċità transżonali;

(19)

“unità ta’ ħin tas-suq” tfisser il-perjodu li għalih jiġi stabbilit il-prezz tas-suq jew l-iqsar perjodu ta’ żmien komuni possibbli għaż-żewġ żoni tal-offerti, jekk l-unitajiet tal-ħin tas-suq tagħhom ikunu differenti;

(20)

“kapaċità offruta” tfisser il-kapaċità transżonali offruta mill-allokatur tal-kapaċità tat-trażmissjoni lis-suq;

(21)

“ippjanat” tfisser avveniment magħruf ex-ante mill-proprjetarju primarju tad-dejta;

(22)

“fattur ta’ distribuzzjoni tat-trasferiment tal-enerġija” tfisser rappreżentazzjoni tal-fluss fiżiku fuq element ta’ netwerk kritiku kkawżat mill-varjazzjoni tal-pożizzjoni netta ta’ żona tal-offerti;

(23)

“proprjetarju primarju tad-dejta” tfisser l-entità li toħloq id-dejta;

(24)

“unità tal-produzzjoni” tfisser faċilità għall-ġenerazzjoni tal-elettriku kkostitwita minn unità ta’ ġenerazzjoni waħdanija jew minn aggregazzjoni ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni;

(25)

“profil” tfisser fruntiera ġeografika bejn żona tal-offerti waħda u bosta żoni tal-offerti ġirien;

(26)

“dispaċċ mill-ġdid” tfisser miżura attivata minn operatur wieħed tas-sistema jew minn bosta operaturi tas-sistema permezz tat-tibdil fil-mudell tal-ġenerazzjoni u/jew tat-tagħbija sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tat-trażmissjoni u tittaffa l-konġestjoni fiżika;

(27)

“tagħbija totali”, inkluż it-telf mingħajr l-elettriku użat għall-ħażna tal-enerġija, tfisser tagħbija ugwali għall-ġenerazzjoni u kull importazzjoni, imnaqqsa minn kull esportazzjoni u l-elettriku użat għall-ħażna tal-enerġija;

(28)

“allokatur tal-kapaċità tat-trażmissjoni” tfisser l-entità awtorizzata mit-TSOs li tamministra l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet transżonali;

(29)

“tagħbija vertikali” tfisser l-ammont totali ta’ enerġija li toħroġ min-netwerk tat-trażmissjoni għan-netwerks tad-distribuzzjoni, għall-klijenti finali konnessi direttament jew għall-parti konsumatriċi tal-ġenerazzjoni;

(30)

“marġni ta’ previżjoni b’sena bil-quddiem” tfisser id-differenza bejn il-previżjoni annwali tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni disponibbli u l-previżjoni annwali tat-tagħbija massima totali billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-previżjoni tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni totali, il-previżjoni tad-disponibbiltà tal-ġenerazzjoni u l-previżjoni tar-riżervi kkuntrattati għas-servizzi tas-sistema;

(31)

“ħin” tfisser il-ħin lokali fi Brussell.

Artikolu 3

Stabbiliment ta’ pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni u din titħaddem b’mod kosteffikaċi fi ħdan in-Netwerk Ewropew ta’ Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni għall-Elettriku (l-“ENTSO għall-Elettriku”). L-ENTSO għall-Elettriku għandu jippubblika fil-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni d-dejta kollha li t-TSOs huma mitluba jissottomettu lill-ENTSO għall-Elettriku skont dan ir-Regolament.

Il-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tal-Internet u għandha tkun disponibbli mill-inqas bl-Ingliż.

Id-dejta għandha tkun aġġornata, faċilment aċċessibbli, li tista’ titniżżel u disponibbli għal mill-inqas 5 snin. L-aġġornamenti tad-dejta għandu jkollhom it-timbru bil-ħin, għandhom ikunu arkivjati u għandhom jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-pubbliku.

2.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jissottometti proposta li tikkonċerna t-tħaddim tal-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni u l-ispejjeż assoċjati lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) erba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Aġenzija għandha tipprovdi l-opinjoni tagħha fi żmien tliet xhur mid-data tas-sottomissjoni tal-proposta.

3.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżgura li l-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni tkun operattiva 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Sottomissjoni u pubblikazzjoni tad-dejta

1.   Il-proprjetarji primarji tad-dejta għandhom jissottomettu d-dejta lit-TSOs skont l-Artikoli 6 sa 17. Huma għandhom jiżguraw li d-dejta li huma jipprovdu lit-TSOs, jew fejn ipprovdut skont il-paragrafu 2 lill-fornituri tad-dejta, tkun kompleta, tal-kwalità meħtieġa u mogħtija b’mod li t-TSOs jew il-fornituri tad-dejta jkunu jistgħu jipproċessaw u jwasslu d-dejta lill-ENTSO għall-Elettriku fi żmien suffiċjenti li jippermetti lill-ENTSO għall-Elettriku jissodisfaw l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament b’rabta mal-iskedar f’waqtu tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

It-TSOs, jew fejn relevanti l-fornituri tad-dejta għandhom jipproċessaw id-dejta li jirċievu u jipprovduha lill-ENTSO għall-Elettriku għall-pubblikazzjoni fi żmien xieraq dovut.

2.   Il-proprjetarji primarji tad-dejta jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom stipulat fil-paragrafu 1 billi jissottomettu d-dejta direttament lill-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni, bil-kondizzjoni li jużaw parti terza li taġixxi bħala fornitur tad-dejta f’isimhom. Dan il-mod ta’ kif tiġi sottomessa d-dejta għandu jkun soġġett għall-qbil minn qabel tat-TSO, li jkun il-proprjetarju primarju taż-żona ta’ kontroll. Meta jagħti l-qbil tiegħu, it-TSO għandu jivvaluta jekk il-fornitur tad-dejta jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5 l-ewwel subparagrafu.

3.   It-TSOs għandhom jitqiesu bħala proprjetarji primarji tad-dejta għall-finijiet tal-Artikoli 6 sa 17, ħlief jekk jiġi ddikjarat mod ieħor.

4.   F’każ li żona tal-offerti tkun tikkonsisti minn bosta żoni ta’ kontroll fi Stati Membri differenti, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jippubblika d-dejta msemmija fil-paragrafu 1 separatament għall-Istati Membri kkonċernati.

5.   Bla ħsara għall-obbligi tat-TSOs u tal-ENTSO għall-Elettriku stabbiliti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 3, id-dejta tista’ tiġi ppubblikata wkoll fuq is-siti elettroniċi tat-TSOs jew ta’ partijiet oħrajn.

6.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-proprjetarji primarji tad-dejta, it-TSOs u l-fornituri tad-dejta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Manwal tal-proċeduri

1.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżviluppa manwal li jispeċifika:

(a)

id-dettalji u l-format tas-sottomissjoni tad-dejta stabbiliti fl-Artikolu 4(1);

(b)

il-modi u l-formati standardizzati tal-iskambju u l-komunikazzjoni tad-dejta bejn il-proprjetarji primarji tad-dejta, it-TSOs, il-fornituri tad-dejta u l-ENTSO għall-Elettriku;

(c)

il-kriterji tekniċi u operattivi li l-fornituri tad-dejta jkollhom jissodisfaw meta jipprovdu d-dejta lill-pjattaforma ċentrali ta’ trasparenza tal-informazzjoni;

(d)

il-klassifikazzjoni xierqa tat-tipi ta’ produzzjoni msemmija fl-Artikoli 14(1), 15(1) u 16(1).

L-ENTSO għall-Elettriku għandu jiżviluppa l-manwal wara konsultazzjoni miftuħa u trasparenti mal-partijiet interessati.

L-ENTSO għall-Elettriku għandu jagħmel il-manwal disponibbli għall-pubbliku.

Meta jkun meħtieġ, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġġorna l-manwal. Qabel ma jippubblika jew jaġġorna l-manwal, l-ENTSO għall-Elettriku għandu jissottometti abbozz lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha, li għandha tiġi pprovduta mill-Aġenzija fi żmien xahrejn. L-abbozz tal-ewwel ħarġa għandu jiġi sottomess lill-Aġenzija fi żmien erba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar it-tagħbija totali

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jikkalkolaw u jissottomettu d-dejta li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku għal kull żona tal-offerti:

(a)

it-tagħbija totali għal kull unità ta’ ħin tas-suq;

(b)

previżjoni ta’ jum bil-quddiem tat-tagħbija totali għal kull unità ta’ ħin tas-suq;

(c)

previżjoni ta’ ġimgħa bil-quddiem tat-tagħbija totali għal kull jum tal-ġimgħa ta’ wara, li għandu jinkludi, għal kull jum, valur massimu u minimu tat-tagħbija;

(d)

previżjoni ta’ xahar bil-quddiem tat-tagħbija totali għal kull ġimgħa tax-xahar ta’ wara, li għandu jinkludi, għal kull ġimgħa partikolari, valur massimu u minimu tat-tagħbija;

(e)

previżjoni ta’ sena bil-quddiem tat-tagħbija totali għal kull ġimgħa tas-sena ta’ wara, li għandu jinkludi, għal kull ġimgħa partikolari, valur massimu u minimu tat-tagħbija.

2.   L-informazzjoni msemmija

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv;

(b)

fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn sagħtejn qabel ma jagħlaq is-suq ta’ jum bil-quddiem fiż-żona tal-offerti u għandha tiġi aġġornata meta jseħħu bidliet sinifikanti;

(c)

fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata kull nhar ta’ Ġimgħa mhux aktar tard minn sagħtejn qabel ma jagħlaq is-suq ta’ jum bil-quddiem fiż-żona tal-offerti u għandha tiġi aġġornata meta jseħħu bidliet sinifikanti;

(d)

fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn ġimgħa qabel ix-xahar tal-konsenja u għandha tiġi aġġornata meta jseħħu bidliet sinifikanti;

(e)

fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard mill-15-il jum kalendarju tax-xahar qabel is-sena li magħha tkun relatata d-dejta.

3.   L-unitajiet tal-ġenerazzjoni lokalizzati fiż-żona ta’ kontroll tat-TSO għandhom jipprovdu lil dak it-TSO bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkalkula d-dejta msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

L-unitajiet tal-ġenerazzjoni għandhom jitqiesu bħala proprjetarji primarji tal-informazzjoni rilevanti li jipprovdu.

4.   L-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (“DSO” ) lokalizzati fi ħdan żona ta’ kontroll tat-TSO għandhom jipprovdu lil dak it-TSO bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkalkula d-dejta msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1.

Id-DSOs għandhom jitqiesu bħala proprjetarji primarji tal-informazzjoni rilevanti li jipprovdu.

Artikolu 7

Informazzjoni relatata man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ unitajiet ta’ konsum

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat ta’ 100 MW jew aktar ta’ unità tal-konsum, inklużi bidliet ta’ 100 MW jew aktar fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat ta’ unitajiet tal-konsum, li jdumu għal mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

iż-żona tal-offerti,

il-kapaċità disponibbli għal kull unità ta’ ħin tas-suq matul l-avveniment,

ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà,

id-data stmata għall-bidu u għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà;

(b)

informazzjoni dwar il-bidliet fid-disponibbiltà effettiva ta’ unità ta’ konsum b’rata tal-enerġija ta’ 100 MW jew aktar, li tispeċifika:

iż-żona tal-offerti,

il-kapaċità disponibbli għal kull unità ta’ ħin tas-suq matul l-avveniment,

ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà,

id-data tal-bidu u d-data stmata għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà.

2.   L-informazzjoni stipulata fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata f’forma aggregata għal kull żona tal-offerti, billi tindika t-total tal-kapaċità tal-konsum mhux disponibbli għal kull unità ta’ ħin tas-suq matul perjodu partikolari mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li tittieħed id-deċiżjoni rigward in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat.

L-informazzjoni stipulata fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata f’forma aggregata għal kull żona tal-offerti, billi tindika t-total tal-kapaċità tal-konsum mhux disponibbli għal kull unità ta’ ħin tas-suq matul perjodu partikolari mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li sseħħ il-bidla fid-disponibbiltà effettiva.

3.   L-unitajiet tal-konsum lokalizzati f’żona ta’ kontroll tat-TSO għandhom jikkalkulaw u jissottomettu d-dejta stipulata fil-paragrafu 1 lil dak it-TSO.

L-unitajiet tal-konsum għandhom jitqiesu bħala proprjetarju primarju tad-dejta li jissottomettu.

Artikolu 8

Marġni ta’ previżjoni b’sena bil-quddiem

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jikkalkulaw u jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku, għal kull żona tal-offerti, il-marġni ta’ previżjoni b’sena bil-quddiem evalwat fl-unita ta’ ħin tas-suq lokali.

L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata ġimgħa qabel l-allokazzjoni tal-kapaċità annwali iżda mhux aktar tard mill-15-il jum kalendarju tax-xahar qabel is-sena li magħha tkun relatata d-dejta.

2.   L-unitajiet tal-ġenerazzjoni u d-DSOs, lokalizzati f’żona ta’ kontroll tat-TSO, għandhom jipprovdu lil dak it-TSO bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkalkula d-dejta msemmija fil-paragrafu 1.

L-unitajiet tal-ġenerazzjoni u d-DSOs għandhom jitqiesu bħala proprjetarji primarji tad-dejta li jissottomettu.

Artikolu 9

Infrastruttura tat-trażmissjoni

1.   It-TSOs għandhom jistabbilixxu u jipprovdu informazzjoni dwar bidliet futuri fl-elementi tan-netwerk u l-proġetti ta’ interkonnetturi inkluż l-espansjoni jew iż-żarmar fin-netwerks ta’ trażmissjoni tagħhom fiż-żmien it-tliet snin li jkun imiss, lill-ENTSO għall-Elettriku. Din l-informazzjoni għandha tingħata biss għal miżuri li mistennija jkollhom impatt ta’ mill-inqas 100 MW fuq il-kapaċità transżonali bejn iż-żoni tal-offerti jew fuq il-profili matul mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq. L-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-identifikazzjoni tal-assi kkonċernati;

(b)

il-lokalizzazzjoni;

(c)

it-tip ta’ assi;

(d)

l-impatt fuq il-kapaċità tal-interkonnessjoni skont id-direzzjoni bejn iż-żoni tal-offerti;

(e)

id-data stmata għat-tlestija.

L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata ġimgħa qabel l-allokazzjoni tal-kapaċità annwali iżda mhux aktar tard mill-15-il jum kalendarju tax-xahar qabel is-sena li magħha hija relatata al-allokazzjoni. L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata bil-bidliet rilevanti qabel l-aħħar ta’ Marzu, l-aħħar ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru tas-sena li magħha hija relatata l-allokazzjoni.

Artikolu 10

Informazzjoni relatata man-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-infrastruttura tat-trażmissjoni

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jikkalkolaw u jipprovdu lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat, inklużi l-bidliet fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat tal-interkonnessjonijiet u fin-netwerk tat-trażmissjoni li jnaqqsu l-kapaċitajiet transżonali bejn iż-żoni tal-offerti b’100 MW jew aktar matul mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-identifikazzjoni tal-assi kkonċernati,

il-lokalizzazzjoni,

it-tip ta’ assi,

l-impatt stmat fuq il-kapaċità transżonali għal kull direzzjoni bejn iż-żoni tal-offerti,

ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ disponibbiltà,

id-data stmata għall-bidu u għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà;

(b)

informazzjoni dwar il-bidliet fid-disponibbiltà effettiva tal-interkonnessjonijiet u fin-netwerk tat-trażmissjoni li jnaqqsu l-kapaċitajiet transżonali bejn iż-żoni tal-offerti b’100 MW jew aktar matul mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-identifikazzjoni tal-assi kkonċernati,

il-lokalizzazzjoni,

it-tip ta’ assi,

l-impatt stmat fuq il-kapaċità transżonali għal kull direzzjoni bejn iż-żoni tal-offerti,

ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ disponibbiltà,

id-data stmata għall-bidu u għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà;

(c)

informazzjoni dwar il-bidliet fid-disponibbiltà effettiva tal-infrastruttura tas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-baħar li jnaqqsu l-alimentazzjoni tal-enerġija mir-riħ b’100 MW jew aktar matul mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-identifikazzjoni tal-assi kkonċernati,

il-lokalizzazzjoni,

it-tip ta’ assi,

il-kapaċità installata tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ (MW) konnessa mal-assi,

l-enerġija mir-riħ alimentata (MW) fil-ħin li sseħħ il-bidla fid-disponibbiltà,

ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ disponibbiltà,

id-data stmata għall-bidu u għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà.

2.   L-informazzjoni stipulata fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li tittieħed id-deċiżjoni rigward in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat.

3.   L-informazzjoni stipulata fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li sseħħ il-bidla fid-disponibbiltà effettiva.

4.   Għall-informazzjoni stipulata fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, it-TSOs jistgħu jagħżlu li ma jidentifikawx l-assi kkonċernat u li ma jispeċifikawx il-lokalizzazzjoni tiegħu jekk huwa jkun ikklassifikat bħala informazzjoni sensittiva dwar il-ħarsien tal-infrastruttura kritika fl-Istati Membri tagħhom kif stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (3). Dan huwa bla ħsara għall-obbligi l-oħra tagħhom stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 11

Informazzjoni relatata mal-istima u l-offerta tal-kapaċitajiet transżonali

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs jew, jekk applikabbli, l-allokaturi tal-kapaċità tat-trażmissjoni, għandhom jikkalkolaw u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku minn żmien qabel biżżejjed il-proċess tal-allokazzjoni:

(a)

il-kapaċità prevista u offruta (MW) għal kull direzzjoni bejn iż-żoni tal-offerti fil-każ ta’ allokazzjoni tal-kapaċità bbażata fuq kapaċità tat-trażmissjoni koordinata; jew

(b)

il-parametri rilevanti bbażati fuq il-fluss fil-każ ta’ allokazzjoni tal-kapaċità bbażata fuq il-fluss.

It-TSOs jew, jekk applikabbli, l-allokaturi tal-kapaċità tat-trażmissjoni, għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni li huma jikkalkulaw u jipprovdu.

2.   L-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 1(a) għandha tiġi ppubblikata kif stabbilit fl-Anness.

3.   B’rabta mal-konnessjonijiet tal-kurrent dirett, it-TSOs għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata lill-ENTSO għall-Elettriku dwar kwalunkwe restrizzjoni li ssir fuq l-użu tal-kapaċità transfruntiera disponibbli, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-bdil fil-fluss tal-produzzjoni tal-elettriku jew limiti fuq it-trasferiment tal-istess jum mhux aktar tard minn siegħa wara li l-informazzjoni tkun magħrufa.

L-operaturi tal-konnessjonijiet tal-kurrent dirett għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni aġġornata li jipprovdu.

4.   It-TSOs jew, jekk applikabbli, l-allokaturi tal-kapaċità tat-trażmissjoni, għandhom jipprovdu rapport annwali lill-ENTSO għall-Elettriku li jindika:

(a)

l-elementi tan-netwerk kritiku prinċipali li jillimitaw il-kapaċità tat-trasferiment offruta;

(b)

iż-żona/i ta’ kontroll li għaliha/għalihom jappartjenu l-elementi tan-netwerk kritiku;

(c)

il-punt safejn it-tħaffif tal-elementi tan-netwerk kritiku jżid il-kapaċità tat-trasferiment offruta;

(d)

il-miżuri kollha possibbli li jistgħu jiġu implimentati sabiex tiżdied il-kapaċità tat-trasferiment offruta, flimkien mal-ispejjeż stmati tagħhom.

Meta jippreparaw ir-rapport, it-TSOs jistgħu jagħżlu li ma jidentifikawx l-assi kkonċernat u li ma jispeċifikawx il-lokalizzazzjoni tiegħu jekk dan ikun ikklassifikat bħala informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika fl-Istati Membri tagħhom kif stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/114/KE.

It-TSOs jew, jekk applikabbli, l-allokaturi tal-kapaċità tat-trażmissjoni, għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tar-rapport li huma jipprovdu.

Artikolu 12

Informazzjoni relatata mal-użu tal-kapaċitajiet transżonali

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jikkalkulaw u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

fil-każ ta’ allokazzjonijiet espliċiti, għal kull unità ta’ ħin tas-suq u għal kull direzzjoni bejn iż-żoni tal-offerti:

il-kapaċità (MW) mitluba mis-suq,

il-kapaċità (MW) allokata lis-suq,

il-prezz tal-kapaċità (Munita/MW),

id-dħul mill-irkant (fil-Munita) għal kull fruntiera bejn iż-żoni tal-offerti;

(b)

għal kull unità ta’ ħin tas-suq u għal kull direzzjoni bejn iż-żoni tal-offerti, il-kapaċità totali nnominata;

(c)

qabel kull allokazzjoni tal-kapaċità, il-kapaċità totali diġà allokata permezz ta’ proċeduri ta’ allokazzjoni preċedenti għal kull unità ta’ ħin tas-suq u għal kull direzzjoni;

(d)

għal kull unità ta’ ħin tas-suq, il-prezzijiet ta’ jum bil-quddiem f’kull żona tal-offerti (Munita/MWh);

(e)

fil-każ ta’ allokazzjonijiet impliċiti, għal kull unità ta’ ħin tas-suq, il-pożizzjonijiet netti ta’ kull żona tal-offerti (MW) u d-dħul mill-konġestjoni (fil-Munita) għal kull fruntiera bejn iż-żoni tal-offerti;

(f)

l-iskambji kummerċjali skedati ta’ jum bil-quddiem f’forma aggregata bejn iż-żoni tal-offerti għal kull direzzjoni u għal kull unità ta’ ħin tas-suq;

(g)

il-flussi fiżiċi bejn iż-żoni tal-offerti għal kull unità ta’ ħin tas-suq;

(h)

il-kapaċitajiet transżonali allokati bejn iż-żoni tal-offerti fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi għal kull direzzjoni, għal kull prodott allokat u għal kull perjodu.

2.   L-informazzjoni stipulata

(a)

fil-punti (a) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara kull allokazzjoni tal-kapaċità;

(b)

fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara kull rawnd ta’ nominazzjoni;

(c)

fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata l-aktar tard meta jkunu waslu biex jiġu ppubblikati ċ-ċifri tal-kapaċità offruta kif stabbilit fl-Anness;

(d)

fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara li jagħlaq is-suq;

(e)

fil-punt (f) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata kuljum mhux aktar tard minn siegħa wara l-aħħar “cut-off time” u, jekk ikun applikabbli, għandha tiġi aġġornata mhux aktar tard minn sagħtejn wara kull proċess ta’ nominazzjoni fl-istess jum;

(f)

fil-punt (g) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata għal kull unità ta’ ħin tas-suq, kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali, iżda mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv;

(g)

fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara l-allokazzjoni.

3.   L-allokaturi tal-kapaċità tat-trażmissjoni, jew fejn applikabbli s-swieq tal-elettriku għandhom jipprovdu lit-TSOs bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa sabiex jikkalkulaw id-dejta stipulata fil-paragrafu 1.

L-allokaturi tal-kapaċità tat-trażmissjoni għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni li jipprovdu.

Is-swieq tal-elettriku għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni li jipprovdu.

Artikolu 13

Informazzjoni relatata mal-miżuri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

informazzjoni relatata mad-dispaċċ mill-ġdid għal kull unità ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-azzjoni meħuda (jiġifieri ż-żieda jew it-tnaqqis fil-produzzjoni, iż-żieda jew it-tnaqqis fit-tagħbija),

l-identifikazzjoni, il-lokalizzazzjoni u t-tip ta’ elementi tan-netwerk ikkonċernati mill-azzjoni,

ir-raġuni għall-azzjoni,

il-kapaċità affettwata mill-azzjoni meħuda (MW);

(b)

informazzjoni relatata mat-tpartit għal kull unità ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-azzjoni meħuda (jiġifieri ż-żieda jew it-tnaqqis fl-iskambju transżonali),

iż-żoni tal-offerti kkonċernati,

ir-raġuni għall-azzjoni

il-bidla fl-iskambju transżonali (MW);

(c)

l-ispejjeż imġarrba f’xahar partikolari mill-azzjonijiet msemmija fil-punti (a) u (b) u minn kwalunkwe azzjoni oħra ta’ rimedju.

2.   L-informazzjoni stipulata:

(a)

fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn siegħa (1) wara l-perjodu operattiv, għajr għar-raġunijiet li għandhom jiġu ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn jum wieħed wara l-perjodu operattiv;

(b)

fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn xahar wieħed wara t-tmiem tax-xahar imsemmi.

Artikolu 14

Previżjoni ta’ ġenerazzjoni

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jikkalkolaw u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

it-total tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni (MW) installata għall-unitajiet tal-produzzjoni kollha eżistenti ugwali għal jew akbar minn kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata ta’ 1 MW, għal kull tip ta’ produzzjoni;

(b)

informazzjoni dwar unitajiet tal-produzzjoni (dawk eżistenti u oħrajn ippjanati) b’kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata ugwali għal jew akbar minn 100 MW. L-informazzjoni għandha tinkludi:

l-isem tal-unità,

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata (MW),

il-lokalizzazzjoni,

il-livell ta’ konnessjoni tal-vultaġġ,

iż-żona tal-offerti,

it-tip ta’ produzzjoni;

(c)

stima tal-ġenerazzjoni skedata totali (MW) għal kull żona tal-offerti u għal kull unità ta’ ħin tas-suq tal-jum ta’ wara;

(d)

previżjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx (MW) għal kull żona tal-offerti u għal kull unità ta’ ħin tas-suq tal-jum ta’ wara.

2.   L-informazzjoni stipulata:

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata kull sena mhux aktar tard minn ġimgħa qabel l-aħħar tas-sena;

(b)

fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata kull sena għat-tliet snin ta’ wara mhux aktar tard minn ġimgħa qabel il-bidu tal-ewwel sena li magħha tkun relatata d-dejta;

(c)

fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard mis-18.00, ħin ta’ Brussell, jum qabel issir il-konsenja effettiva;

(d)

fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard mis-18.00, ħin ta’ Brussell, jum qabel issir il-konsenja effettiva. L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata regolarment u tiġi ppubblikata waqt in-negozjar tal-istess jum, filwaqt li għandu jiġi ppubblikat mill-inqas aġġornament wieħed fit-8.00, ħin ta’ Brussell, dakinhar li ssir il-konsenja effettiva. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għaż-żoni tal-offerti kollha f’dawk l-Istati Membri biss b’alimentazzjoni ta’ aktar minn 1 % ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mir-riħ jew mix-xemx fis-sena jew għal dawk iż-żoni tal-offerti b’alimentazzjoni ta’ aktar minn 5 % ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mir-riħ jew mix-xemx fis-sena.

3.   L-unitajiet tal-produzzjoni lokalizzati f’żona ta’ kontroll tat-TSO għandhom jipprovdu lil dak it-TSO bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa sabiex ikun jista’ jikkalkula d-dejta stipulata fil-paragrafu 1.

L-unitajiet tal-produzzjoni għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni rilevanti li jipprovdu.

Artikolu 15

Informazzjoni relatata man-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-unitajiet tal-produzzjoni

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat ta’ 100 MW jew aktar ta’ unità tal-ġenerazzjoni, inklużi l-bidliet ta’ 100 MW jew aktar fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat ta’ dik l-unità tal-ġenerazzjoni, li mistennija jdumu applikabbli għal mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq sa tliet snin sussegwenti, li tispeċifika:

l-isem tal-unità tal-produzzjoni,

l-isem tal-unità tal-ġenerazzjoni,

il-lokalizzazzjoni,

iż-żona tal-offerti,

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata (MW),

it-tip ta’ produzzjoni,

il-kapaċità disponibbli waqt l-avveniment,

ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà,

id-data tal-bidu u d-data stmata għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà;

(b)

informazzjoni dwar il-bidliet ta’ 100 MW jew aktar fid-disponibbiltà effettiva ta’ unità tal-ġenerazzjoni, li mistennija jdumu applikabbli għal mill-inqas unità waħda ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-isem tal-unità tal-produzzjoni,

l-isem tal-unità tal-ġenerazzjoni,

il-lokalizzazzjoni,

iż-żona tal-offerti,

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata (MW),

it-tip ta’ produzzjoni,

il-kapaċità disponibbli waqt l-avveniment,

ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà u

id-data tal-bidu u d-data stmata għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà;

(c)

in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat ta’ unità tal-produzzjoni ta’ 200 MW jew aktar inklużi bidliet ta’ 100 MW jew aktar fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat ta’ dik il-unità tal-produzzjoni, iżda mhux ippubblikata skont is-subparagrafu (a), li mistenni li jdum tal-anqas unità waħda ta’ ħin tas-suq sa tliet snin bil-quddiem, li tispeċifika:

l-isem tal-unità tal-produzzjoni,

il-lokalizzazzjoni,

iż-żona tal-offerti,

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata (MW),

it-tip ta’ produzzjoni,

il-kapaċità disponibbli waqt l-avveniment,

ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà u

id-data tal-bidu u d-data stmata għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà;

(d)

bidliet ta’ 100 MW jew aktar fid-disponibbiltà effettiva ta’ unità tal-produzzjoni b’kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata ta’ 200 MW jew aktar, iżda mhux ippubblikata skont is-subparagrafu (b), li mistennija li jdumu tal-anqas tal-anqas unità waħda ta’ ħin tas-suq, li tispeċifika:

l-isem tal-unità tal-produzzjoni,

il-lokalizzazzjoni,

iż-żona tal-offerti,

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata (MW),

it-tip ta’ produzzjoni,

il-kapaċità disponibbli waqt l-avveniment,

ir-raġuni għan-nuqqas ta’ disponibbiltà u

id-data tal-bidu u d-data stmata għat-tmiem (jum, ħin) tal-bidla fid-disponibbiltà.

2.   L-informazzjoni stipulata fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li tittieħed id-deċiżjoni rigward in-nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanat.

L-informazzjoni stipulata fil-punti (b) u (d) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li sseħħ il-bidla fid-disponibbiltà effettiva.

3.   L-unitajiet tal-ġenerazzjoni lokalizzati f’żona ta’ kontroll tat-TSO għandhom jipprovdu lil dak it-TSO bid-dejta stipulata fil-paragrafu 1.

L-unitajiet tal-ġenerazzjoni għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tad-dejta li jipprovdu.

Artikolu 16

Ġenerazzjoni effettiva

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs għandhom jikkalkolaw u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

il-produzzjoni tal-ġenerazzjoni effettiva (MW) għal kull unità ta’ ħin tas-suq u għal kull unità ta’ ġenerazzjoni ta’ 100 MW jew aktar ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata;

(b)

il-produzzjoni tal-ġenerazzoni aggregata għal kull unità ta’ ħin tas-suq u għal kull tip ta’ produzzjoni;

(c)

il-ġenerazzjoni effettiva jew stmata ta’ enerġija mir-riħ u mix-xemx (MW) f’kull żona tal-offerti għal kull unità ta’ ħin tas-suq;

(d)

ir-rata medja u aggregata fil-ġimgħa tal-alimentazzjoni tal-impjanti kollha ta’ ħżin idroelettriku u ta’ ġibjuni tal-ilma (MWh) għal kull żona tal-offerti, inkluż iċ-ċifra għall-istess ġimgħa tas-sena ta’ qabel.

2.   L-informazzjoni stipulata:

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata ħamest ijiem wara l-perjodu operattiv;

(b)

fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv;

(c)

fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv u għandha tiġi aġġornata fuq il-bażi tal-valuri mkejla hekk kif ikunu disponibbli. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għaż-żoni tal-offerti kollha f’dawk l-Istati Membri biss b’alimentazzjoni ta’ aktar minn 1 % ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mir-riħ jew mix-xemx fis-sena jew għal dawk iż-żoni tal-offerti b’alimentazzjoni ta’ aktar minn 5 % ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija mir-riħ jew mix-xemx fis-sena;

(d)

fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata fit-tielet jum tax-xogħol wara l-ġimgħa relatata mal-informazzjoni konċernata. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għaż-żoni tal-offerti kollha f’dawk l-Istati Membri biss b’alimentazzjoni ta’ aktar minn 10 % ta’ dan it-tip ta’ ġenerazzjoni fis-sena jew għal dawk iż-żoni tal-offerti b’alimentazzjoni ta’ aktar minn 30 % ta’ dan it-tip ta’ ġenerazzjoni fis-sena.

3.   L-unitajiet tal-ġenerazzjoni u l-unitajiet tal-produzzjoni lokalizzati f’żona ta’ kontroll tat-TSOs għandhom jipprovdu lil dak it-TSO bl-informazzjoni kollha rilevanti sabiex ikun jista’ jikkalkula d-dejta stipulata fil-paragrafu 1.

L-unitajiet tal-ġenerazzjoni u l-unitajiet tal-produzzjoni rispettivament għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni rilevanti li jipprovdu.

Artikolu 17

Bbilanċjar

1.   Għaż-żoni ta’ kontroll tagħhom, it-TSOs jew, fejn applikabbli, l-operaturi tas-swieq tal-ibbilanċjar, fejn it-tali swieq jeżistu, għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-ENTSO għall-Elettriku:

(a)

ir-regoli dwar l-ibbilanċjar, li jinkludu:

proċessi għall-akkwist ta’ tipi differenti ta’ riżervi ta’ bbilanċjar u ta’ enerġija ta’ bbilanċjar,

il-metodoloġija tar-rimunerazzjoni kemm għall-provvista tar-riżervi, kif ukoll għall-enerġija attivata għall-ibbilanċjar,

il-metodoloġija tal-kalkolu għall-ħlasijiet tal-iżbilanċ,

jekk tkun applikabbli, deskrizzjoni ta’ kif jitwettaq l-ibbilanċjar transfruntiera bejn żewġ żoni ta’ kontroll jew aktar u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-ġeneraturi u t-tagħbija;

(b)

l-ammont ta’ riżervi ta’ bbilanċjar ikkuntrattati (MW) mit-TSO, li jispeċifika:

is-sors tar-riżerva (il-ġenerazzjoni jew it-tagħbija),

it-tip ta’ riżerva (pereżempju; Riżerva ta’ Trażżin tal-Frekwenza, Riżerva ta’ Restorazzjoni tal-Frekwenza, Riżerva ta’ Sostituzzjoni),

il-perjodu ta’ żmien li għalih jiġu kkuntrattati r-riżervi (pereżempju; siegħa, jum, ġimgħa, xahar, sena, eċċ.);

(c)

il-prezzijiet imħallsa mit-TSO għal kull tip ta’ riżerva ta’ bbilanċjar akkwistata u għal kull perjodu ta’ akkwist (il-Munita/MW/perjodu);

(d)

l-offerti aggregati aċċettati għal kull unità taż-żmien għall-ibbilanċjar, separatament għal kull tip ta’ riżerva ta’ bbilanċjar;

(e)

l-ammont ta’ enerġija ta’ bbilanċjar attivata (MW) għal kull unità taż-żmien għall-ibbilanċjar u għal kull tip ta’ riżerva;

(f)

il-prezzijiet imħallsa mit-TSO għall-enerġija ta’ bbilanċjar attivata għal kull unità taż-żmien għall-ibbilanċjar u għal kull tip ta’ riżerva; l-informazzjoni dwar il-prezzijiet għandha tiġi pprovduta separatament għar-regolazzjoni ’l fuq u ’l isfel;

(g)

il-prezzijiet tal-iżbilanċ għal kull unità taż-żmien għall-ibbilanċjar;

(h)

il-volum ta’ żbilanċ totali għal kull unità taż-żmien għall-ibbilanċjar;

(i)

il-bilanċ finanzjarju ta’ kull xahar taż-żona ta’ kontroll, li jispeċifika:

l-ispejjeż li ġarrab it-TSO għall-akkwist tar-riżervi u għall-attivazzjoni tal-enerġija ta’ bbilanċjar,

id-dħul nett għat-TSO wara s-saldu tal-kontijiet ta’ żbilanċ mal-partijiet responsabbli għall-ibbilanċjar;

(j)

jekk tkun applikabbli, informazzjoni rigward l-Ibbilanċjar taż-Żona ta’ Kontroll Trasversali għal kull unità taż-żmien għall-ibbilanċjar, li tispeċifika:

il-volumi tal-offerti skambjati tax-xiri u tal-bejgħ għal kull unità taż-żmien għal akkwist,

il-prezzijiet massimi u minimi tal-offerti skambjati tax-xiri u tal-bejgħ għal kull unità taż-żmien għal akkwist,

il-volum tal-enerġija ta’ bbilanċjar attivata fiż-żoni ta’ kontroll ikkonċernati.

L-operaturi tas-swieq tal-ibbilanċjar għandhom jitqiesu bħala l-proprjetarji primarji tal-informazzjoni li jipprovdu.

2.   L-informazzjoni stipulata:

(a)

fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-proċess ta’ akkwist li jkun imiss;

(b)

fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn siegħa wara li jintemm il-proċess ta’ akkwist;

(c)

fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv;

(d)

fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-perjodu operattiv. Fil-każ li d-dejta tkun preliminarja, iċ-ċifri għandhom jiġu aġġornati meta d-dejta ssir disponibbli;

(e)

fil-punt (f) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv;

(f)

fil-punt (g) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli;

(g)

fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-perjodu operattiv. Fil-każ li d-dejta tkun preliminarja, iċ-ċifri għandhom jiġu aġġornati meta d-dejta ssir disponibbli;

(h)

fil-punt (i) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn tliet xhur wara xahar operattiv. F’każ li s-saldu jkun wieħed preliminari, iċ-ċifri għandhom jiġu aġġornati wara s-saldu finali;

(i)

fil-punt (j) tal-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn siegħa wara l-perjodu operattiv.

Artikolu 18

Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà tal-proprjetarju primarju tad-dejta, tal-fornitur tad-dejta u tal-ENTSO għall-Elettriku skont dan ir-Regolament għandha tkun limitata għal każijiet ta’ negliġenza serja u/jew imġiba ħażina volontarja. Fi kwalunkwe każ, dawn ma għandhomx ikunu responsabbli biex jikkumpensaw lill-persuna li tuża d-dejta għal kwalunkwe telf ta’ profitt, għal telf ta’ negozju, jew għal kwalunkwe ħsara inċidentali, speċjali jew konsegwenzjali indiretta oħra ta’ kull xorta li tirriżulta minn ksur tal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 714/2009

Il-punti 5.5 sa 5.9 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jitħassru b’effett mill-5 ta’ Jannar 2015.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 4(1) għandu japplika 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)  ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75.


ANNESS

Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(2)

Perjodu tal-allokazzjoni tal-kapaċità

Il-kapaċità transżonali prevista li għandha tiġi ppubblikata

Il-kapaċità offruta li għandha tiġi ppubblikata

Kull sena

Ġimgħa qabel il-proċess tal-allokazzjoni annwali iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru, għax-xhur kollha tas-sena ta’ wara.

Ġimgħa qabel il-proċess tal-allokazzjoni annwali iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru.

Kull xahar

Jumejn tax-xogħol qabel il-proċess tal-allokazzjoni ta’ kull xahar, għall-jiem kollha tax-xahar ta’ wara

Jumejn tax-xogħol qabel il-proċess tal-allokazzjoni ta’ kull xahar.

Kull ġimgħa

Kull nhar ta’ Ġimgħa, għall-jiem kollha tal-ġimgħa ta’ wara

Jum qabel il-proċess tal-allokazzjoni ta’ kull ġimgħa.

Jum bil-quddiem

 

Siegħa (1) qabel l-għeluq tas-suq immedjat, għal kull unità ta’ ħin tas-suq.

Fl-istess jum (intra-day)

 

Siegħa (1) qabel l-ewwel allokazzjoni tal-istess jum u mbagħad f’ħin reali, għal kull unità ta’ ħin tas-suq.


Top