Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0300

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 300/2013 tas- 27 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 605/2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum mill-bniedem Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 90, 28.3.2013, p. 71–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 070 P. 203 - 209

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/300/oj

28.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/71


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 300/2013

tas-27 ta’ Marzu 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 605/2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi ta’ introduzzjoni tal-Artikolu 8, l-ewwel sottoparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8, u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (3) jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib u l-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni.

(2)

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li huma awtorizzati li jdaħħlu fl-Unjoni kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat jew prodotti tal-ħalib u li tindika t-tip ta’ trattament ta’ tisħin obbligat għal dawn il-prodotti. L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 jistipula li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-ħalib imnissla mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-ngħaġ, tal-mogħoż u tal-bufli minn pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li ma għandhomx riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, li huma elenkati fil-kolonna C tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, sakemm dawn il-prodotti tal-ħalib ikunu għaddew minn trattament ta’ tisħin, jew ikunu ġew prodotti minn ħalib mhux ipproċessat li għadda minn trattament bħal dan, kif imsemmi f’dan l-Artikolu.

(3)

Ir-riskju li jista’ jkun hemm minn importazzjonijiet ġol-Unjoni ta’ prodotti tal-ħalib meħudin mill-ħalib mhux ipproċessat tal-iġmla tal-ispeċi Camelus dromedarius (iġmla dromedarji) minn pajjiżi terzi jew minn partijiet tagħhom li huma fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna C tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 mhuwiex ikbar minn dak ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħalib imnisslin minn ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-ngħaġ, tal-mogħoż jew tal-bufli, sakemm dawn il-prodotti tal-ħalib ikunu għaddew minn trattamenti bis-sħana msemmijin fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament, jew ġew prodotti minn ħalib mhux ipproċessat li għaddew minn trattamenti bħal dawn. Għaldaqstant, dan l-Artikolu għandu jiġi emendat biex jinkludi l-prodotti tal-ħalib imnisslin mill-ħalib mhux ipproċessat ta’ din l-ispeċi.

(4)

Barra minn hekk, l-Emirat ta’ Dubaj tal-Emirati Għarab Magħquda, li huwa pajjiż terz mhux elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali bħala ħieles mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer, esprima l-interess li jesporta lejn l-Unjoni prodotti tal-ħalib imnisslin mill-ħalib mhux ipproċessat tal-iġmla dromedarji wara trattament fiżiku jew kimiku b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 u ressaq l-informazzjoni b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (4).

(5)

Is-servizz ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni għamel verifika li tat riżultati sodisfaċenti tal-kontrolli tal-annimali u tas-saħħa pubblika fuq il-produzzjoni ta’ ħalib tal-iġmla dromedarji fl-Emirat ta’ Dubaj. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tas-servizz ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni ġew indirizzati b’mod xieraq mill-Emirat ta’ Dubaj.

(6)

Fuq din l-informazzjoni wieħed jista’ jikkonkludi li l-Emirat ta’ Dubaj jista’ jipprovdi l-garanziji meħtieġa li jiżguraw li l-prodotti tal-ħalib li jsiru fl-Emirat ta’ Dubaj minn ħalib mhux ipproċessat tal-iġmla dromedarji huma konformi mar-rekwiżiti applikabbli tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-ħalib minn pajjiżi terzi jew minn partijiet minnhom li qegħdin fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna C tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

(7)

Biex jiġu awtorizzati importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-ħalib magħmulin mill-ħalib tal-iġmla dromedarji minn ċerti partijiet tat-territorju tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Emirat ta’ Dubaj għandu jinżied mal-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom imsemmijin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, b’indikazzjoni li l-awtorizzazzjoni stipulata fil-Kolonna C ta’ dik il-lista tapplika biss għal prodotti tal-ħalib imnisslin mill-ħalib ta’ dik l-ispeċi.

(8)

Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa “Milk-HTC” fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 għandu jiġi emendat biex jinkludi referenza għal prodotti tal-ħalib magħmulin mill-ħalib tal-iġmla dromedarji.

(9)

Ċerti prodotti tal-ħalib koperti mir-Regolament (UE) Nru 605/2010 ma jidħlux fil-kodiċijiet tal-prodotti bażiċi (kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata) imsemmijin fil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti tal-ħalib. Biex ikun hemm identifikazzjoni aktar preċiża ta’ dawn il-prodotti bażiċi fil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa, jeħtieġ li jinżiedu l-kodiċijiet tas-SA 15.17 (marġerina) u 28.35 (fosfati) fil-mudelli rispettivi taċ-ċertifikati tas-saħħa “Milk-HTB”, “Milk-HTC” u “Milk-T/S” fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4(1), il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-ħalib miksuba mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tan-ngħaġ, tal-mogħoż u tal-bufli, jew, fejn awtorizzat speċifikament fl-Anness I, mill-iġmla tal-ispeċi Camelus dromedarius mill-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li huma fir-riskju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer elenkati fil-kolonna C tal-Anness I, sakemm dawn il-prodotti tal-ħalib ikunu għaddew minn trattament ta’ tisħin, jew ikunu ġew prodotti minn ħalib mhux ipproċessat li għadda minn trattament bħal dan li jinvolvi:”

(2)

L-Annessi I u II huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

L-Annessi tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

L-annotazzjoni ta’ hawn taħt tiddaħħal wara l-annotazzjoni ta’ Andorra fit-tabella f’dan l-Anness:

“AE

L-Emirat ta’ Dubaj tal-Emirati Għarab Magħquda (1)

0

0

+ (2)”

(b)

In-noti f’qiegħ il-paġna li jidhru hawn taħt jinżiedu mat-tabella f’dan l-Anness:

“(1)

prodotti tal-ħalib biss li huma magħmulin mill-ħalib tal-iġmla tal-ispeċi Camelus dromedarius;

(2)

prodotti tal-ħalib li huma magħmulin mill-ħalib tal-iġmla tal-ispeċi Camelus dromedarius huma awtorizzati.”

(2)

Fl-Anness II, il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(a)

fil-Mudell Milk-HTB, fin-Noti, fil-Parti I, il-Kaxxa bir-referenza I.19 tiġi sostitwita minn dan li ġej:

“—

Il-Kaxxa bir-referenza I.19: Uża l-kodiċi rilevanti tas-Sistema Armonizzata (SA) taħt l-intestaturi li ġejjin: 04.01; 04.02; 04.03; 04.04; 04.05; 04.06; 15.17; 17.02; 21.05; 22.02; 28.35; 35.01; 35.02 jew 35.04.”

(b)

il-Mudell Milk-HTC jiġi sostitwit b’dan li ġej:

Il-Mudell Milk-HTC

Ċertifikat tas-Saħħa għall-prodotti tal-ħalib għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati fil-kolonna C tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 maħsubin għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

(c)

fil-Mudell Milk-T/S, fin-Noti, fil-Parti I, il-Kaxxa I.19 tiġi sostitwita minn dan li ġej:

“—

Il-kaxxa I.19: Uża l-kodiċi rilevanti tas-Sistema Armonizzata (SA) taħt l-intestaturi li ġejjin: 04.01; 04.02; 04.03; 04.04; 04.05; 04.06; 15.17; 17.02; 19.01; 21.05; 21.06; 22.02; 28.35; 35.01; 35.02 jew 35.04.”


Top