EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013O0037

2013/750/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Settembru 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (BĊE/2013/37)

OJ L 333, 12.12.2013, p. 82–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/03/2023; Impliċitament imħassar minn 32022O0912

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2013/750/oj

12.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/82


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Settembru 2013

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2)

(BĊE/2013/37)

(2013/750/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Eurosistema ddeċidiet illi tippromwovi t-twaqqif ta’ CoreNet bħala servizz ta’ netwerk alternattiv/ta’ kontinġenza sabiex jintuża mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u mill-banek ċentrali nazzjonali konnessi għall-aċċess għall-Modulu tal-Ħlasijiet tal-pjattaforma komuni unika (SSP) f’sitwazzjoni ta’ kontinġenza u bħala kanal alternattiv biex tiġi aċċessata s-sistema ta’ servizzi marbutin mal-konsumatur (CRSS — customer-related services system).

(2)

Bħala riżultat, il-Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (1) tenħtieġ li tiġi emendata sabiex jiġu miżjuda dispożizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ CoreNet bħala netwerk alternattiv/ta’ kontinġenza għat-TARGET2,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi għal-Linja Gwida BĊE/2012/27

1.   Definizzjoni (5) tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida BĊE/2012/27 ser tiġi emendata kif ġej:

“(5)

‘fornitur tas-servizz ta’ netwerk’ tfisser il-fornitur ta’ konnessjonijiet kompjuterizzati man-netwerk għall-finijiet ta’ preżentazzjoni tal-messaġġi ta’ ħlas fit-TARGET2. Konnessjonijiet kompjuterizzati man-netwerk jiġu forniti permezz tas-SWIFT, u barra minn hekk għall-komunikazzjoni interna tal-Eurosistema, permezz ta’ CoreNet.”;

2.   Id-definizzjonijiet (52) u (53) li ġejjin jiġu inseriti fl-Artikolu 2 tal-Linja Gwida BĊE/2012/27:

“(52)

‘CoreNet’ tfisser is-servizz ta’ netwerk intern tal-Eurosistema fornit mill-BĊE u użat mill-BĊ tal-Eurosistema bħala netwerk ta’ kontinġenza għall-aċċess għall-SSP f’każ li s-SWIFT ma jkunx disponibbli u bħala netwerk alternattiv għas-SWIFT għall-aċċess għas-CRSS;

(53)

‘Sistema ta’ servizzi marbutin mal-konsumatur (CRSS)’ tipprovdi servizzi ewlenin u fakultattivi lil BĊ tal-Eurosistema, jiġifieri l-arkivjar, il-ħruġ ta’ fatturi għal servizzi fakultattivi, mistoqsijiet dwar u rapportar ta’ servizzi fakultattivi u servizzi fakultattivi relatati mar-relazzjoni mal-konsumatur.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

Din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Hija tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 3

Indirizzati

Din il-Linja Gwida tapplika għall-BĊ kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1.


Top