EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0635

2013/635/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 31 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom (notifikata bid-dokument C(2013) 7148) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 293, 5.11.2013, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2021; Imħassar b' 32020R0687

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/635/oj

5.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/40


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Ottubru 2013

li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom

(notifikata bid-dokument C(2013) 7148)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/635/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2005/734/KE (5), 2006/415/KE (6) u 2007/25/KE (7) ġew adottati fir-rigward tat-tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 bil-għan li tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2005/734/KE li tistabbilixxi miżuri ta’ bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A tal-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur tal-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta’ għarfien minn kmieni f’żoni b’riskju partikolari. Id-Deċiżjoni 2006/415/KE tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fit-tjur ta’ Stat Membru, inkluż li jiġu stabbiliti żoni A u B wara s-suspett jew il-konferma ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2007/25/KE tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u movimenti ta’ għasafar domestiċi li jkunu akkumpanjati mis-sid tagħhom fl-Unjoni.

(3)

Il-miżuri stipulati f’dawk id-Deċiżjonijiet japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 f’għasafar slavaġ u fit-tjur baqgħu iseħħu f’pajjiżi terzi u b’hekk ipoġġu wkoll f’riskju s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni.

(4)

Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1, ikun xieraq li jkomplu jitnaqqsu r-riskji ta’ din l-infezzjoni billi jinżammu miżuri ta’ bijosigurtà, sistemi ta’ ditezzjoni minn kmieni u ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ tifqigħat tal-influwenza fit-tjur u ta’ movimenti ta’ għasafar domestiċi minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni.

(5)

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni esterna (8) tan-netwerk ta’ reazzjoni f’każ ta’ emerġenza tal-Unjoni li saret matul l-2012 wriet li l-miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tat- tifqigħat tal-influwenza tat-tjur, inkluż il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2006/415/KE, adottati fil-livell tal-Unjoni huma meqjusa mill-Istati Membri bħala rilevanti u effettivi.

(6)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE għalhekk għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(7)

Id-Deċiżjonijiet 2005/734/KE, 2006/415/KE u 2007/25/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/734/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2013” għandha tiġi sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2015”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2006/415/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2013” għandha tiġi sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2015”.

Artikolu 3

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/25/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2013” għandha tiġi sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2015”.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(5)  Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tad-19 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta’ bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A tal-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur tal-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta’ ditezzjoni minn kmieni f’żoni b’riskju partikolari (ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29).

(8)  http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/strategy/pillars/docs/23_final_report_eu_rapid_response.pdf


Top