Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0531

2013/531/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-Unjoni fuq terminu ta' żmien medju lir-Rumanija

OJ L 286, 29.10.2013, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/531/oj

29.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja prekawzjonarja mill-Unjoni fuq terminu ta' żmien medju lir-Rumanija

(2013/531/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (1) tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilita' li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament ta' l-Istati Membri u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, magħmula wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2013/532/UE (2), il-Kunsill iddeċieda li jagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija.

(2)

Għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq medda medja ta' żmien lir-Rumanija taħt il-faċilità ta' bilanċ tal-pagamenti għall-Istati Membri hija xierqa fiċ-ċirkustanzi preżenti ta' flussi tal-kapital instabbli li qed jaffettwaw b'mod partikolari s-swieq emerġenti, riskji għax-xenarju makroekonomiku, u l-vulnerabbiltajiet li baqa' fis-settur bankarju. Filwaqt li taħt il-kundizzjonijiet tas-suq preżenti, ir-Rumanija mhija beħsiebha titlob il-ħlas tal-ebda pagament parzjali, l-għajnuna prekawzjonarja tista' tkun mistennija li tgħin tikkonsolida l-istabbiltà makroekonomika, baġitarja u finanzjarja u, permezz ta' sforzi favur riformi strutturali, iżżid ir-reżiljenza u l-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomija Rumena.

(3)

Jekk ir-riskji negattivi jimmaterjalizzaw, ir-Rumanija tista' ma tkunx kapaċi tkopri l-ħtiġijiet tagħha ta' finanzjament estern minn sorsi disponibbli ta' finanzjament. Dawn ir-riskji huma assoċjati ma', fost l-oħrajn, dejn estern importanti u rifinanzjamenti fis-settur finanzjarju, pożizzjoni netta ta' investiment negattiva ħafna, u effetti kollaterali minn żviluppi avversi fiż-żona tal-euro. F'tali xenarju ta' stress, il-ħtiġijiet residwi ta' finanzjament jistgħu jkunu jridu jiġu koperti bl-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq terminu medju.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut appoġġ sa EUR 2 000 miljun mill-Unjoni lir-Rumanija fuq bażi prekawzjonarja taħt il-faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċ tal-pagamenti tal-Istati Membri kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 332/2002. Dik l-għajnuna għandha tiġi pprovduta flimkien ma' appoġġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) permezz ta' Arranġament ta' Riżerva fl-ammont ta' SDR 1 751,34 miljun (madwar EUR 2 000 miljun, 170% tal-kwota tar-Rumanija tal-FMI), approvat fis-27 ta' Settembru 2013, li l-awtoritajiet se jittrattaw ukoll bħala għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju. Il-Bank Dinji għamel disponibbli EUR 1 000 miljun skont skema ta' Self għall-Politika tal-Iżvilupp (DPL) b'għażla ta' ġbid differit valida sa Ġunju 2015. Barra minn hekk, il-Bank Dinji se jkompli jipprovdi l-appoġġ imwiegħed aktar kmieni ta' EUR 891 miljun, li minnhom EUR 514 miljun għadhom iridu jitħallsu.

(5)

L-għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju għandha tiġi mmaniġġjata mill-Kummissjoni li għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tar-Rumanija, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbuta ma' dik l-għajnuna. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f'Memorandum ta' Ftehim.

(6)

Minħabba n-natura prekawzjonarja tal-għajnuna fuq terminu medju, ir-Rumanija mhi se titlob il-ħlas tal-ebda pagament parzjali taħt is-self mill-Unjoni, sakemm ma jitfaċċawx diffikultajiet rigward il-bilanċ tal-pagamenti kurrenti jew il-movimenti kapitali. Jekk ir-Rumanija tagħmel talba għall-finanzjament lill-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha tiddeċiedi, wara li tkun ikkonsultat lill-KEF, dwar l-attivazzjoni tal-programm u dwar l-ammont u ż-żmien ta' dawn il-pagamenti. It-termini finanzjarji dettaljati relatati mal-ħlasijiet li jista' jkun hemm se jiġu stabbiliti fi Ftehim Qafas ta' Self Prekawzjonarju (PLFA).

(7)

L-għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju għandha tiġi pprovduta bil-għan li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' politika ekonomika tal-Gvern, u, b'dan il-mod, għandha tappoġġa s-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-pagamenti tar-Rumanija,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tpoġġi għad-dispożizzjoni tar-Rumanija għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq medda medja ta' żmien sa massimu ta' EUR 2 000 miljun. F'każ li tiġi attivata l-faċilità u jkunu pprovduti ħlasijiet, DIK l-għajnuna għandha tingħata fil-forma ta' self b'maturità medja massima ta' tmien snin.

2.   L-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju u l-ħlasijiet minnha jistgħu jintalbu sat-30 ta' Settembru 2015.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju għandha tiġi mmaniġġjata mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-impenji tar-Rumanija u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, b'mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma (PNR) kif ukoll tal-aġġornament annwali tal-Programm ta' Konverġenza (PK) tar-Rumanija.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiftiehem mal-awtoritajiet Rumeni, wara li tikkonsulta lill-KEF, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika marbuta mal- għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju kif elenkati taħt l-Artikolu 3(3) ta' din id-Deċiżjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabiliti f'Memorandum ta' Qbil (MtQ) b'mod konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta' PLFA.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari, f'kollaborazzjoni mal-KEF, li l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju jiġu ssodisfati.

Artikolu 3

1.   L-attivazzjoni tal- għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni, wara talba bil-miktub mir-Rumanija lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-KEF, għandha tiddeċiedi jekk tkunx ġustifikata l-attivazzjoni tal-għajnuna u t-talba għall-ħlasijiet taħt dik l-għajnuna, u għandha tiddeċiedi dwar l-ammont u ż-żmien ta' dawn il-ħlasijiet. F'każ li tiġi attivata l-għajnuna, il-fondi jistgħu jiġu magħmula disponibbli f'mhux aktar minn żewġ pagamenti. Kull pagament parzjali jista' jitħallas f'porzjon wieħed jew aktar.

2.   Mal-attivazzjoni tal-għajnuna finanzjarja prekawzjonari fuq terminu medju, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-ħlas tas-self tal-Unjoni, jew ta' partijiet minnu, wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-KEF.

3.   Kwalunkwe ħlas għandu jsir fuq il-bażi ta' implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku tal-Gvern li għandu jiġi inkluż kemm fil-PK kif ukoll fil-PRN.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika stipulati fil-MtQ, għandhom jinkludu, fost l-oħrajn:

(a)

l-adozzjoni ta' baġits u l-implimentazzjoni ta' politiki konformi mat-triq lejn konsolidazzjoni fiskali li ġejjin mill-obbligi tar-Rumanija skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir maħsuba biex jintlaħaq l-objettiv tal-baġit fuq terminu medju ta' żmien sal-2015 tar-Rumanija, u li dan jibqa' jinżamm;

(b)

il-preservazzjoni sħiħa tal-miżuri miftiehma taħt iż-żewġ programmi preċedenti u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe partijiet ta' kundizzjonalità li għadha ma twettqitx;

(c)

iktar tisħiħ tal-qafas ta' governanza fiskali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-UME, sabiex jiġi żgurat li l-konsolidazzjoni fiskali tkun ankrata sew. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tisħiħ tal-ippjanar baġitarju pluriennali, għall-implimentazzjoni ta' sistema effettiva tal-kontroll tal-impenji, għat-titjib fil-ġbir tat-taxxa, u għat-titjib fil-proċess tal-ibbaġittjar tal-kapital;

(d)

l-implimentazzjoni fil-ħin tal-pjanijiet ta' azzjoni adottati b'reazzjoni għas-sejbiet tal-analiżi funzjonali mwettqa mill-Bank Dinji fl-2010-2011 u l-istabbiliment ta' unità ċentrali tal-implimentazzjoni biex ittejjeb il-prijoritizzazzjoni tal-politika madwar il-gvern kollu;

(e)

l-ikklerjar ta' arretrati u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' kontroll baġitarju fis-settur tas-saħħa permezz ta' oqfsa mtejba ta' rappurtar u monitoraġġ;

(f)

l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni strateġiku għall-kura tas-saħħa, ir-razzjonalizzazzjoni tal-istruttura tal-isptarijiet u żieda fl-ambitu tal attivitajiet tal-kura primarja, sabiex jinkisbu riżultati aħjar fis-saħħa;

(g)

it-titjib tal-ġestjoni tad-dejn pubbliku bil-għan li jitnaqqsu r-riskji u biex tiġi kkonsolidata u estiża l-kurva tar-rendita għad-dejn sovran;

(h)

it-tisħiħ ulterjuri tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek, l-ippjanar ta' kontinġenza tal-Bank Ċentrali tar-Rumanija u l-governanza korporattiva tal-Fond ta' Garanzija tad-Depożiti, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jitħaffef il-proċess ta' tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek nazzjonali u l-preservazzjoni tad-dixxiplina fil-kreditu fis-settur bankarju;

(i)

l-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja (ASF) għal prattiki tajbin fil-livell internazzjonali għat-tisħiħ tas-superviżjoni tas-suq finanzjarju non-bankarju;

(j)

ir-ristrutturar tal-impriżi statali (SOEs), inkluż il-bejgħ ta' ishma fil-kapital tagħhom, u t-tisħiħ tal-governanza korporattiva tal-SOEs;

(k)

l-implimentazzjoni ulterjuri ta' miżuri biex jitjieb l-ambjent tan-negozju, inkluż billi jitnaqqsu piżijiet amministrattivi għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u miżuri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs.

4.   Jekk ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, għandu jiġi permess l-użu prudenti ta' swaps tar-rata tal-imgħax ma' kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta' kreditu. Il-KEF għandu jinżamm infurmat mill-Kummissjoni dwar rifinanzjament possibbli tat-teħid tas-self jew ir-ristrutturazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 4

Din id-Direttiva ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

(2)  Ara l-paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top