This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R1260
Council Regulation (EU) No 1260/2012 of 17 December 2012 implementing enhanced cooperation in the area of the creation of unitary patent protection with regard to the applicable translation arrangements
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012 tas- 17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012 tas- 17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni
ĠU L 361, 31.12.2012, p. 89–92
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
31.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 361/89 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1260/2012
tas-17 ta’ Diċembru 2012
li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (1),
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Skont id-Deċiżjoni Nru 2011/167/UE il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit (minn hawn ’il quddiem "l-Istati Membri parteċipanti") ġew awtorizzati sabiex jistabbilixxu l-kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja. |
(2) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (2), ċerti privattivi Ewropej mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (minn hawn 'il quddiem "EPO") skont ir-regoli u l-proċeduri tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif reveduta fis-17 ta’ Diċembru 1991 u fid-29 ta’ Novembru 2000 (minn hawn ’il quddiem "KEP") għandhom, fuq talba tal-propjetarju tal-privattiva jibbenefikaw minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti. |
(3) |
L-arranġamenti għat-traduzzjoni għal privattivi Ewropej li jibbenefikaw minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti (minn hawn ’il quddiem "Privattiva Ewropea b’effett unitarju") għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ Regolament separat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
(4) |
Skont id-Deċiżjoni 2011/167/UE l-arranġamenti għat-traduzzjoni għal privattivi Ewropej b’effett unitarju għandhom ikunu sempliċi u, kosteffettivi. Huma għandhom jikkorrispondu għal dawk previsti fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, flimkien mal-elementi ta’ kompromess proposti mill-Presidenza f’Novembru 2010 li kellhom appoġġ wiesa’ fil-Kunsill. |
(5) |
Tali arranġamenti għat-traduzzjoni għandhom jiżguraw ċertezza legali u jistimulaw l-innovazzjoni u għandhom, b’mod partikolari, ikunu ta’ benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Għandhom jagħmlu l-aċċess għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju u għas-sistema sħiħa tal-privattivi aktar faċli, inqas għali u legalment sikur. |
(6) |
Ladarba l-EPO huwa responsabbli għall-għoti tal-privattivi Ewropej, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandhom jibnu fuq il-proċedura attwali fl-EPO. Dawk l-arranġamenti għandhom jimmiraw li jiksbu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u l-interess pubbliku, f’termini tal-ispejjeż tal-proċedimenti u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika. |
(7) |
Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti transitorji, fejn l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma għandux ikun hemm ħtieġa ta’ aktar traduzzjonijiet. L-Artikolu 14(6) tal-KEP jipprevedi li l-ispeċifikazzjoni ta’ privattiva Ewropea tiġi ppubblikata fil-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO u tinkludi traduzzjoni tat-talbiet fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO. |
(8) |
Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna privattiva Ewropea b’effett unitarju, huwa rekwiżit leġittimu li l-proprjetarju tal-privattiva fuq talba tal-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, għandu jipprovdi traduzzjoni sħiħa tal-privattiva f’lingwa uffiċjali jew tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew l-Istat Membru fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur. Il-proprjetarju tal-privattiva għandu jkun meħtieġ ukoll li jipprovdi, fuq talba tal-qorti kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattiva Ewropea b’effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa użata fil-proċedimenti ta’ dik il-qorti. Dawn it-traduzzjonijiet m’għandhomx jitwettqu permezz ta’ mezzi awtomatizzati u għandhom jiġu pprovduti bi spejjeż tal-proprjetarju tal-privattiva. |
(9) |
Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li tkun qed tisma’ t-tilwima għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt, li qabel ma ġiet ipprovduta bi traduzzjoni fil-lingwa tiegħu, il-persuna li allegatament wettqet il-ksur setgħet aġixxiet in buona fede u setgħet ma kinitx taf jew ma kellhiex raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva. Il-qorti kompetenti għandha tivvaluta ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali u, inter alia, għandha tqis jekk il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur hijiex SME li topera biss fuq livell lokali, il-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO u, matul il-perijodu transitorju, it-traduzzjoni sottomessa flimkien mat-talba għal effett unitarju. |
(10) |
Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju, b'mod partikolari għall-SMEs, l-applikanti għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tal-privattivi tagħhom fl-EPO fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Bħala miżura komplementari, ċerti applikanti li jiksbu privattivi Ewropej b’effett unitarju, wara li jkunu daħħlu applikazzjoni għal privattiva Ewropea f'waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, li mhijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO u li jkollhom ir-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni, għandhom jirċievu rimborsi addizzjonali tal-ispejjeż tat-traduzzjoni mill-lingwa tal-applikazzjoni tal-privattiva fil-lingwa tal-proċedimenti tal-EPO, lil hinn minn dak li huwa fis-seħħ fl-EPO. Dawn ir-rimborsi għandhom jiġu amministrati mill-EPO skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012. |
(11) |
Sabiex jiġu promossi d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-privattiva u t-tixrid tal-għarfien teknoloġiku, it-traduzzjonijiet awtomatiċi tal-applikazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli mill-aktar fis possibbli. Qed jiġu żviluppati traduzzjonijiet awtomatiċi mill-EPO li huma għodda importanti ħafna bil-għan li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-privattiva u li xxerred b'mod wiesa’ l-għarfien teknoloġiku. Id-disponibbilità fil-ħin u ta’ kwalita għolja ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ applikazzjonijiet għal privattiva Ewropea u speċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-utenti kollha tas-sistema Ewropea tal-privattiva. Traduzzjonijiet awtomatiċi huma fattur importanti fil-politika tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-traduzzjonijiet awtomatiċi għandhom iservu biss għal finijiet ta’ informazzjoni u m’għandu jkollhom l-ebda effett legali. |
(12) |
Matul perijodu transitorju, qabel ma ssir disponibbli sistema ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, talba għal effett unitarju skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 għandha tiġi akkumpanjata bi traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva bl-Ingliż fejn il-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż, jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Istati Membri li hija lingwa uffiċjali tal-Unjoni fejn il-lingwa tal-proċedimenti quddiem l-EPO hija l-Ingliż. Dawk l-arranġamenti jiżguraw li matul perijodu transitorju, il-privattivi Ewropej kollha b’effett unitarju jsiru disponibbli bl-Ingliż li hija l-lingwa li normalment tintuża fil-qasam tar-riċerka u pubblikazzjonijiet teknoloġiċi internazzjonali. Barra minn hekk, dawk l-arranġamenti għandhom jiżguraw li fir-rigward ta’ privattivi Ewropej b'effett unitarju, it-traduzzjonijiet jiġu ppubblikati f’lingwi uffiċjali oħra tal-Istati Membri parteċipanti. Dawn it-traduzzjonijiet m'għandhomx jitwettqu permezz ta’ mezzi awtomatizzati u l-kwalità għolja tagħhom għandha tikkontribwixxi għat-taħriġ ta’ magni ta’ traduzzjoni mill-EPO. Dawn ser isaħħu wkoll it-tixrid ta’ informazzjoni tal-privattivi. |
(13) |
Il-perijodu transitorju għandu jintemm malli jkunu disponibbli traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, soġġett għal evalwazzjoni regolari u oġġettiva tal-kwalità minn kumitat espert indipendenti stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-EPO u utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea. Meta jitqies l-istat tal-iżvilupp teknoloġiku, il-perijodu massimu għall-iżvilupp ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ma għandhux jitqies li jaqbeż it-12-il sena. Konsegwentement, il-perijodu transitorju għandu jiskadi 12-il sena mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx ġie deċiż li dak il-perijodu jintemm qabel. |
(14) |
Ladarba d-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għal privattiva Ewropea b’effett unitarju jiġu rregolati mir-Regolament (UE) Nru 1257/2012 u jiġu kompluti mill-arranġamenti għat-traduzzjoni previsti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data bħar-Regolament (UE) Nru 1257/2012. |
(15) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 342 tat-TFUE u għar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (3). Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-reġim lingwistiku tal-EPO u m’għandux jitqies bħala li joħloq reġim lingwistiku speċifiku għall-Unjoni, jew li joħloq preċedent għal reġim limitat ta’ lingwa fi kwalunkwe strument legali futur tal-Unjoni. |
(16) |
Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta’ reġim ta’ traduzzjoni uniformi u sempliċi għal privattivi Ewropej b’effett unitarju, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba ir-raġunijiet ta’ skala u effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformement mall-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konfermement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan il-għan. |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja awtorizzata bid-Deċiżjoni Nru 2011/167/UE fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
"Privattiva Ewropea b’effett unitarju" tfisser privattiva Ewropea li tibbenefika minn effett unitarju fl-Istati Membri parteċipanti permezz tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012; |
(b) |
"Il-lingwa tal-proċedimenti" tfisser il-lingwa użati fil-proċedimenti quddiem l-EPO kif definita fl-Artikolu 14(3) tal- tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej tal-5 ta’ Ottubru 1973, kif reveduta fis-17 ta’ Diċembru 1991 u fid-29 ta’ Novembru 2000 (minn hawn ’il quddiem "KEP"). |
Artikolu 3
Arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea, li tibbenefika minn effett unitarju tkun ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 14(6) tal-KEP, ma għandhux ikun hemm ħtieġa ta’ aktar traduzzjonijiet.
2. Talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 għandha tiġi sottomessa fil-lingwa tal-proċedimenti.
Artikolu 4
Traduzzjoni fil-każ ta’ tilwima
1. Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ allegat ksur tal-privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi fuq it-talba u l-għażla tal-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva Ewropea b'effett unitarju f’lingwa uffiċjali jew tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew tal-Istat Membru fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur.
2. Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi matul il-proċedimenti legali, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fl-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattivi Ewropej b'effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa użata fil-proċedimenti ta’ dik il-qorti.
3. L-ispejjeż tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitħallsu mill-proprjetarju tal-privattiva.
4. Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li qed tisma' t-tilwima għandha tevalwa u tqis, b'mod partikolari fejn il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur tkun SME, persuna fiżika jew organizzazjoni mhux bi profitt, università jew organizzazjoni pubblika ta’ riċerka, jekk il persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur aġixxiet mingħajr ma kienet taf jew mingħajr ma kellha raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li hi qedha tikser il-privattiva Ewropea b'effett unitarju qabel ma ġiet ipprovduta bit-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 5
Amministrazzjoni ta’ skema għal kumpens
1. Minħabba li l-applikazzjonijiet għall-privattiva Ewropea jistgħu jiġu ppreżentati f'kull lingwa taħt l-Artikolu 14(2) tal-KEP, l-Istat Membru parteċipanti għandu skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 jagħti lill-EPO, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-amministrazzjoni għal skema ta’ kumpens ta’ rimbors għall-ispejjeż kollha ta’ traduzzjoni sa limitu, għall-applikanti li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattiva fl-EPO f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-EPO.
2. L-iskema ta’ kumpens imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun iffinanzjata mit-tariffi imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 u għandu jkun disponibbli biss għal SMEs, persuni fiżiċi, organizzazjoni mhux bi profitt, universitajiet, u organizazzjonijiet pubbliċi ta’ riċerka li għandhom ir-residenza tagħhom u l-post prinċipali tan-negozju fi ħdan Stat Membru.
Artikolu 6
Miżuri transitorji
1. Matul perijodu transitorju li jibda mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 għandha tkun sottomessa flimkien ma’ dan li ġej:
(a) |
fejn il-lingwa tal-proċedimenti hija l-Franċiż jew il-Ġermaniż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea bl-Ingliż; jew |
(b) |
fejn il-lingwa tal-proċedimenti hija l-Ingliż, traduzzjoni sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattiva Ewropea fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni. |
2. Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-EPO, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-aktar fis possibbli wara d-data tas-sottomissjoni tat-talba għal effett unitarju kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012. It-test ta’ dawn it-traduzzjonijiet m’għandu jkollu l-ebda effett legali u għandu jkun għall-finijiet ta’ informazzjoni biss.
3. Sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kull sentejn minn dak inhar, kumitat espert indipendenti għandu jwettaq evalwazzjoni oġġettiva tad-disponibbiltà ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet tal-privattiva u speċifikazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni kif żviluppata mill-EPO. Dan il-kumitat espert għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-EPO u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw utenti tas-sistema tal-privattiva Ewropea mistiedna mill-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi bħala osservaturi skont l-Artikolu 30(3) tal-KEP.
4. Abbażi tal-ewwel evalwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u kull sentejn minn dak inhar abbażi tal-evalwazzjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, rapport lill-Kunsill u, jekk ikun adatt, tagħmel proposti għat-terminazzjoni tal-perijodu transitorju.
5. Jekk il-perijodu transitorju ma jintemmx abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, għandu jiskadi 12-il sena mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-Qorti Unitarja tal-Privattiva, liema tiġi l-aħħar.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS
(1) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 53.
(2) Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(3) ĠU 17, 06.10.1958, p. 385/58.