EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R1056
Commission Regulation (EU) No 1056/2012 of 12 November 2012 amending Regulation (EC) No 1332/2008 of the European Parliament and of the Council on food enzymes with regard to transitional measures Text with EEA relevance
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1056/2012 tat- 12 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-enżimi tal-ikel fir-rigward tal-miżuri ta' tranżizzjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1056/2012 tat- 12 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-enżimi tal-ikel fir-rigward tal-miżuri ta' tranżizzjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE
OJ L 313, 13.11.2012, p. 9–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 060 P. 210 - 211
In force
13.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 313/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1056/2012
tat-12 ta’ Novembru 2012
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-enżimi tal-ikel fir-rigward tal-miżuri ta' tranżizzjoni
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, l-iskadenza biex jitressqu l-applikazzjonijiet tal-enżimi hija 24 xahar wara d-data ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni li jridu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2). |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 234/2011 tal-10 ta' Marzu 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 (3) huwa applikabbli mill-11 ta' Settembru 2011. |
(3) |
L-istabbiliment tal-lista tal-Unjoni tal-enżimi tal-ikel għandu jsir bla xkiel u ma għandux jiddisturba s-suq eżistenti tal-enżimi tal-ikel, b'mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. Jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe miżuri xierqa ta' tranżizzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment ta' din il-lista jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008. |
(4) |
Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 234/2011, l-applikanti għandhom iqisu l-aħħar gwida dwar id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju stabbilita mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("l-Awtorità") li hija disponibbli fi żmien is-sottomissjoni tal-applikazzjoni. L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika fit-23 ta' Lulju 2009 li tagħti gwida dwar ir-rekwiżiti tad-dejta għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-enżimi tal-ikel (4), u fit-8 ta' Lulju 2011 ħarġet nota spjegatorja għall-Gwida dwar is-sottomissjoni ta' dossier dwar l-enżimi tal-ikel (5). Din adottat ukoll opinjoni xjentifika fil-25 ta' Mejju 2011 li taġġorna gwida għall-valutazzjoni tar-riskju ta' mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament u l-prodotti tagħhom maħsuba biex jintużaw fl-ikel u fl-għalf (6). |
(5) |
Ir-rekwiżiti ddettaljati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 234/2011, mid-dokumenti gwida tal-Awtorità u min-nota spjegatorja ġew adottati aktar tard mir-Regolament (KE) Nru 1332/2008. |
(6) |
L-esperjenza miksuba sadanittant turi li l-iskadenza inizjali biex jitressqu l-applikazzjonijiet mhix biżżejjed biex il-partijiet interessati, u b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jitħallew jipproduċu d-dejta f'dak il-perjodu. Huwa meħtieġ aktar ħin milli kien previst oriġinarjament biex jitressqu l-applikazzjonijiet ħalli tkun iktar faċli t-tranżizzjoni mis-sitwazzjoni legali preżenti għas-sistema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1332/2008. Għalhekk għandu jiġi estiż il-perjodu ta' 24 xahar stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 biex jitressqu l-applikazzjonijiet tal-enżimi. |
(7) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, it-tieni subparagrafu jinbidel b'li ġej:
"L-iskadenza sa meta jitressqu dawn l-applikazzjonijiet għandha tkun 42 xahar wara d-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel."
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) ĠU L 64, 11.3.2011, p. 15.
(4) L-EFSA Journal (2009) 1305, p. 1. http://www.efsa.europa.eu/en/scdoc/doc/1305.pdf
(5) Supporting Publication 2011:177. http://www.efsa.europa.eu/en/supporting/doc/177e.pdf
(6) L-EFSA Journal 2011; 9(6):2193. http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/2193.pdf