EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0900

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 900/2012 tat- 2 ta’ Ottubru 2012 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Agneau de lait des Pyrénées (IĠP)]

OJ L 268, 3.10.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 021 P. 77 - 78

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/900/oj

3.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 900/2012

tat-2 ta’ Ottubru 2012

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Agneau de lait des Pyrénées (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni ta’ Franza tal-10 ta’ Diċembru 2007 għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Agneau de lait des Pyrénées” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Spanja ressqet oġġezzjoni għal din ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oġġezzjoni tqieset ammissibbli skont il-punti (a), (b), u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tiegħu.

(3)

Il-Kummissjoni, permezz tal-ittra tat-8 ta’ Novembru 2010 talbet lill-Istati Membri kkonċernati biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(4)

Peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn Spanja u Franza fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(5)

L-oġġezzjoni ta’ Spanja ffukat b’mod partikolari fuq id-delimitazzjoni allegatament żbaljata taż-żona ġeografika u fuq nuqqas allegat ta’ rabta speċifika bejn il-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat u l-muntanji tal-Pyrennees. Madanakollu, il-Kummissjoni la identifikat xi żball ovvju relatat ma’ dawn l-elementi fl-applikazzjoni sottomessa, u lanqas ma sabet xi inkonsistenza bejn l-applikazzjoni msemmija u r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(6)

Fl-oġġezzjoni tagħha, Spanja kkunsidrat ukoll li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Agneau de lait des Pyrénées” aktarx toħloq konfużjoni dwar l-oriġini reali tagħha, peress li l-Pyrenees ma jagħmlux parti biss ma’ Franza u li l-prodotti simili għal dawk koperti mill-applikazzjoni tradizzjonalment jiġu elaborati fil-parti Spanjola tal-muntanji tal-Pyrenees, inkluża l-indikazzjoni ġeografika protetta “Cordero de Navarra”.

(7)

Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil wara l-oġġezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. It-terminu “Agneau de lait des Pyrénées” użat fit-traduzzjoni, u b’mod partikolari fil-lingwa Spanjola, jista’ jwassal għal konfużjoni fost il-konsumaturi fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott. Filwaqt li ma hemm l-ebda raġuni biex it-terminu “Agneau de lait des Pyrénées” ma jiġix irreġistrat, jeħtieġ li tiġi evitata din il-konfużjoni u li jiġi żgurat l-użu ekwu. Għalhekk, il-komponent ġeografiku tad-denominazzjoni “Agneau de lait des Pyrénées” ma għandux jiġi tradott f’lingwi oħra meta l-prodott jiġi kkummerċjalizzat bħala l-ispeċifikazzjoni għal “Agneau de lait des Pyrénées”. Dan għalhekk għandu japplika kemm għall-użu tat-tali traduzzjoni fuq it-tikketta, kif ukoll fil-preżentazzjonijiet jew fir-riklamar tal-prodott. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tikketti, il-pajjiż tal-oriġini għandu jiġi indikat fl-istess parti fejn jidher it-terminu “Agneau de lait des Pyrénées”, b’ittri tal-istess daqs li bihom jintwera dan it-terminu.

(8)

Fid-dawl ta’ dan kollu, id-denominazzjoni “Agneau de lait des Pyrénées” għandha tiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness tar-Regolament għandha tiddaħħal fir-reġistru.

Artikolu 2

Ir-referenzi għat-terminu “Pyrénées” ma għandhomx jiġu tradotti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li huma konformi mal-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

It-tikketti li fihom id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jindikaw il-pajjiż tal-oriġini fl-istess parti fejn tidher id-denominazzjoni b’ittri tal-istess daqs tagħha.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 93, 13.4.2010, p. 20.


ANNESS

Oġġetti tal-ikel imsemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 510/2006:

Klassi 1.1.   Laħam frisk (u l-ġewwieni)

FRANZA

Agneau de lait des Pyrénées (IĠP)


Top