Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0600

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal- 21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 181, 12.7.2012, p. 1–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 009 P. 279 - 307

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Revokat u sostitwit bi 32018R2067

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/600/oj

12.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 600/2012

tal-21 ta’ Ġunju 2012

dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju [għan-negozjar] ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ qafas ġenerali ta’ regoli għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi sabiex jiġi żgurat li l-verifika tar-rapporti ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru fil-qafas tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għandha tiġi sottomessa skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), titwettaq minn verifikaturi li jkollhom il-kompetenza teknika li jwettqu l-kompitu fdat lilhom b’mod indipendenti u imparzjali u f’konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(2)

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (3) stabbiliet qafas ġenerali sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tas-servizzi u l-fornituri tas-servizzi fl-Unjoni filwaqt li jinżamm servizz ta’ kwalità għolja. L-armonizzazzjoni tal-Unjoni tar-regoli għall-akkreditazzjoni u l-verifika relatati mal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet għandha tikkontribwixxi għal suq kompetittiv għall-verifikaturi waqt li tiżgura trasparenza u informazzjoni għall-operaturi u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

(3)

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa meħtieġ li tiġi żgurata sinerġija bejn, min-naħa waħda, il-qafas komprensiv għall-akkreditazzjoni stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (4) u d-dispożizzjonijiet relatati tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (5), u min-naħa l-oħra l-karatteristiċi speċifiċi tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u r-rekwiżiti li huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2003/87/KE. Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jkompli japplika għal dawk l-aspetti tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi li ma jiġux solvuti b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li fejn, minħabba l-prattiki interni ta’ Stat Membru, titwettaq proċedura alternattiva għall-akkreditazzjoni, b’mod partikolari, iċ-ċertifikazzjoni ta’ verifikaturi li huma persuni naturali, minn awtorità nazzjonali maħtura minn dak l-Istat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi evidenza dokumentarja li dik l-awtorità partikolari tilħaq livell ta’ kredibilità simili għal dak tal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkunu ġew sottomessi b’suċċess għal evalwazzjoni minn pari organizzata mill-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (6) jipprovdi għal akkreditazzjoni indipendenti u newtrali jew sistema ta’ liċenzjar għall-verifikaturi ambjentali. Għal raġunijiet ta’ koerenza u għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv impost fuq l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati s-sinerġiji bejn dak u dan ir-Regolament.

(5)

Is-sistema ta’ verifika u akkreditazzjoni għandha tevita kwalunkwe duplikazzjoni mhux meħtieġa ta’ proċeduri u organizzazzjonijiet stabbiliti skont strumenti legali oħra tal-Unjoni li jistgħu jirriżultaw f’iżjed piż għall-Istati Membri jew l-operaturi ekonomiċi. Għalhekk, huwa xieraq li jintużaw l-aqwa prattiki li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ standards armonizzati adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni abbażi ta’ mandat maħruġ mill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà Informatika (7), bħall-istandard armonizzat li jikkonċerna r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi tal-akkreditazzjoni li jakkreditaw il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità, u l-istandard armonizzat li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-korpi tal-validazzjoni u l-verifika tal-gassijiet serra għall-użu fl-akkreditazzjoni jew forom oħra ta’ rikonoxximent, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-Dokument EA-6/03 u dokumenti tekniċi oħra żviluppati mill-kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni jew minn korpi oħra.

(6)

Meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-verifika tar-rapporti ta’ operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru u l-akkreditazzjoni ta’ verifikaturi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-piż impost fuq l-operaturi li jirrilaxxaw ammont iżjed baxx ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) kull sena, fuq l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru kkunsidrati emittenti żgħar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, kif ukoll fuq ir-riżorsi disponibbli tal-Istati Membri ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet li jkollhom jintlaħqu.

(7)

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE jippermetti li l-Istati Membri jeskludu installazzjonijiet żgħar, soġġetti għal miżuri ekwivalenti, mill-iskema tal-UE ta’ negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sakemm il-kundizzjonijiet li jinsabu f’dak l-Artikolu jkunu ġew issodisfati. Dan ir-Regolament ma għandux japplika direttament għal dawk l-installazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix li dan ir-Regolament għandu japplika.

(8)

Skont il-prinċipji tal-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE, il-verifikatur għandu japplika approċċ ibbażat fuq ir-riskji bl-għan li jilħaq opinjoni ta’ verifika li tipprovdi garanzija raġonevoli li l-emissjonijiet totali jew it-tunnellati kilometri ddikjarati ma jkunx fihom ineżattezzi sinifikanti u li r-rapport ikun jista’ jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti. Il-livell ta’ garanzija huwa relatat mal-profondità u d-dettall tal-attivitajiet ta’ verifika mwettqa waqt il-verifika u l-kliem tad-dikjarazzjoni tal-opinjoni ta’ verifika. Is-sejbiet u l-informazzjoni miksuba waqt il-proċess ta’ verifika għandhom jobbligaw lill-verifikatur jaġġusta attività waħda jew iktar fil-proċess ta’ verifika sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti għall-ksib ta’ garanzija raġonevoli.

(9)

Sabiex jiġi evitat tgerfix bejn ir-rwol tal-awtorità kompetenti u l-verifikatur, ir-responsabbiltajiet ta’ verifikatur meta jkun qed iwettaq verifika, għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar. Il-verifikatur għandu jieħu l-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti bħala punt ta’ referenza u jivvaluta jekk dan il-pjan u l-proċeduri deskritti f’dan il-pjan ikunux ġew implimentati korrettament. Fejn il-verifikatur jidentifika nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (UE) Nru 601/2012, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-verifikatur li jirrapporta din il-kwistjoni ta’ nonkonformità fir-rapport ta’ verifika.

(10)

Huwa neċessarju li jkun hemm fehim sħiħ tal-attivitajiet ta’ operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għat-twettiq ta’ verifika effettiva tar-rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru. Verifikatur għandu jwettaq l-attivitajiet ta’ verifika mitluba biss wara li huwa jkun aċċerta wara valutazzjoni preliminari li huwa kompetenti li jagħmel dan. Fit-tentattiv li jintlaħaq livell ta’ kwalità għolja ta’ attivitajiet ta’ verifika, għandhom jiġu żviluppati regoli armonizzati għal valutazzjoni preliminari sabiex jiġi ddeterminat jekk verifikatur huwiex kompetenti, indipendenti u imparzjali sabiex iwettaq l-attivitajiet ta’ verifika mitluba skont ir-regoli u l-prinċipji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(11)

Il-provvediment ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru u l-verifikatur hija essenzjali fl-aspetti kollha tal-proċess ta’ verifika, b’mod partikolari fil-fażi prekuntrattwali, fit-twettiq ta’ analiżi strateġika mill-verifikatur u matul il-verifika kollha. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit grupp ta’ rekwiżiti armonizzati li għandhom jirregolaw f’kull ħin dan il-provvediment ta’ informazzjoni bejn l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru u l-verifikatur.

(12)

L-attivitajiet ta’ verifika kollha fil-proċess ta’ verifika huma interkonnessi u għandhom jiġu konklużi bil-ħruġ ta’ rapport ta’ verifika mill-verifikatur li jkun jinkludi dikjarazzjoni ta’ verifika li tkun proporzjonata mar-riżultat tal-valutazzjoni tal-verifika. Għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti armonizzati għar-rapporti ta’ verifika u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika sabiex jiġi żgurat li r-rapporti ta’ verifika u l-attivitajiet ta’ verifika fl-Istati Membri jilħqu l-istess standards.

(13)

L-analiżi tas-suxxettibbiltà tad-dejta rrapportata għad-dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, hija parti essenzjali tal-proċess ta’ verifika u tiddetermina kif l-attivitajiet ta’ verifika għandhom jitwettqu mill-verifikatur. Għalhekk kull element fil-proċess ta’ verifika huwa konness b’mod qawwi mar-riżultat tal-analiżi ta’ dawn ir-riskji li jsiru dikjarazzjonijiet skorretti.

(14)

Għandha ssir dispożizzjoni speċifika għall-verifika tar-rapport ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru u dak ta’ operaturi ta’ postijiet li huma soġġetti għad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament u l-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (8).

(15)

Ir-rapportar korrett u effettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-operaturi jew l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-proċess ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar, it-titjib kontinwu tal-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jkun parti mill-attivitajiet ta’ verifika mwettqa mill-verifikatur.

(16)

L-attivitajiet ta’ verifika u l-ħruġ tar-rapporti ta’ verifika għandhom jitwettqu biss minn verifikaturi u l-persunal tagħhom li jkunu kompetenti. Il-verifikaturi għandhom jistabbilixxu u jtejbu kontinwament proċessi interni li jiżguraw li l-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta’ verifika huwa kompetenti sabiex iwettaq ix-xogħlijiet fdati lilu. Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk verifikatur huwiex kompetenti jew le għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha u għandhom ikunu verifikabbli, oġġettivi u trasparenti.

(17)

Il-korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jingħata s-setgħa li jakkredita u joħroġ dikjarazzjoni ta’ awtorizzazzjoni li tikkonċerna l-kompetenza ta’ verifikatur sabiex iwettaq l-attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament, jadotta miżuri amministrattivi u jwettaq is-sorveljanza tal-verifikaturi.

(18)

Stat Membru li jidhirlu li l-istabbiliment ta’ korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali jew it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ akkreditazzjoni ma jagħmilx sens jew mhuwiex sostenibbli mil-lat ekonomiku għandu jitħalla jirrikorri għall-korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor. Dawk il-korpi tal-akkreditazzjoni li jkunu ġew soġġetti b’suċċess għal evalwazzjoni minn pari organizzata mill-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 biss għandhom jitħallew iwettqu l-attivitajiet ta’ akkreditazzjoni skont dan ir-Regolament.

(19)

Għandu jiġi preżunt li l-korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali li juru konformità ma’ dan ir-Regolament u li jkunu diġà ssuperaw evalwazzjoni minn pari organizzata mill-korp rikonoxxut skont l-Artikoli 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jissodisfaw ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali bħal pereżempju rekwiżiti dwar l-istruttura ta’ korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali, l-istabbiliment ta’ proċess ta’ kompetenza, l-istabbiliment tal-proċeduri u tas-sistema ta’ mmaniġġjar meħtieġa u arranġamenti għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba u għandhom jiġu eżentati milli jiġu sottoposti għal valutazzjoni tal-pari ġdida wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Skont id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (9), l-informazzjoni ambjentali inkluża fir-rapporti vverifikati tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi għandha ssir pubblika sabiex tiġi żgurata t-trasparenza soġġetta għal ċerti rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

(20)

Il-kooperazzjoni effettiva bejn il-korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali, jew fejn applikabbli, awtoritajiet nazzjonali oħra, u l-awtoritajiet kompetenti hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-iskema ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u s-sorveljanza tal-kwalità tal-verifika. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali, jew fejn applikabbli, awtoritajiet nazzjonali oħra, u awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mezzi effikaċi ta’ skambju ta’ informazzjoni. L-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali jew awtoritajiet nazzjonali oħra għandu jiġi rregolat mill-garanziji l-iżjed stretti ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali u għandu jiġi mmaniġġjat skont liġijiet nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli.

(21)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-verifika tar-rapporti sottomessi skont id-Direttiva 2003/87/KE u għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikaturi.

Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 765/2008, dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi u l-evalwazzjoni minn pari tal-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-verifika tad-dejta dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tunnellati kilometri li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2013, irrapportati skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 601/2012, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“riskju ta’ individwazzjoni” tfisser ir-riskju li l-verifikatur ma jindividwax dikjarazzjoni skorretta materjali;

(2)

“akkreditazzjoni” tfisser attestazzjoni minn korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li verifikatur jilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati, kif mifhum fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament sabiex titwettaq il-verifika ta’ rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament;

(3)

“verifikatur” tfisser persuna legali jew entità legali oħra li twettaq attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament u li tkun akkreditata minn korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u dan ir-Regolament jew persuna naturali awtorizzata b’mod ieħor, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament, fiż-żmien li fih jinħareġ rapport ta’ verifika;

(4)

“verifika” tfisser l-attivitajiet imwettqa minn verifikatur għall-ħruġ ta’ rapport ta’ verifika skont dan ir-Regolament;

(5)

“dikjarazzjoni skorretta materjali” tfisser dikjarazzjoni skorretta li, fl-opinjoni tal-verifikatur, individwalment jew meta aggregata ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, taqbeż il-livell ta’ materjalità jew tista’ taffettwa t-trattament tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru mill-awtorità kompetenti;

(6)

“rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru” tfisser ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li għandu jiġi sottomess mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE jew ir-rapport dwar it-tunnellati kilometri li għandu jiġi sottomess mill-operatur ta’ inġenji tal-ajru għall-finijiet tal-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti skont l-Artikoli 3e u 3f ta’ dik id-Direttiva;

(7)

“kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni” tfisser attivitajiet imsemmija fl-Anness I li għalihom tkun qiegħda tintalab jew tkun ingħatat akkreditazzjoni;

(8)

“kompetenza” tfisser il-kapaċità li jiġu applikati għarfien u ħiliet għat-twettiq ta’ attività;

(9)

“livell ta’ materjalità” tfisser il-livell limitu kwantitattiv jew il-punt tal-livell limitu li meta jinqabeż, id-dikjarazzjonijiet skorretti, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, jiġu kkunsidrati materjali;

(10)

“sistema ta’ kontroll” tfisser il-valutazzjoni tar-riskji tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru u grupp sħiħ ta’ attivitajiet ta’ kontroll, inkluż il-ġestjoni kontinwa tagħhom, li operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun stabbilixxa, iddokumenta, implimenta u żamm skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012;

(11)

“attivitajiet ta’ kontroll” tfisser kwalunkwe att imwettaq jew miżura implimentata mill-operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jiġu mmitigati riskji inerenti;

(12)

“nonkonformità” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

għall-finijiet ta’ verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur, kwalunkwe att jew omissjoni ta’ att minn operatur li jmur kontra l-permess għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u r-rekwiżiti fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

(b)

għall-finijiet ta’ verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru, kwalunkwe att jew omissjoni ta’ att mill-operatur ta’ inġenji tal-ajru li jmur kontra r-rekwiżiti fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

(c)

għall-finijiet tal-akkreditazzjoni skont il-Kapitolu IV, kwalunkwe att jew omissjoni ta’ att mill-verifikatur li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(13)

“post”, għall-finijiet ta’ verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru, tfisser il-postijiet fejn il-proċess ta’ monitoraġġ jiġi ddefinit u mmaniġġjat, inklużi l-postijiet fejn id-dejta u l-informazzjoni rilevanti jiġu kkontrollati u maħżuna;

(14)

“ambjent ta’ kontroll” tfisser l-ambjent li fih tiffunzjona s-sistema interna ta’ kontroll u l-azzjonijiet ġenerali tal-ġestjoni ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jiġi żgurat l-għarfien ta’ din is-sistema interna ta’ kontroll;

(15)

“riskju inerenti” tfisser is-suxxettibbiltà ta’ parametru fir-rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru għad-dikjarazzjonijiet skorrretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, qabel ma jiġi kkunsidrat l-effett ta’ kwalunkwe attività ta’ kontroll relatata;

(16)

“riskju ta’ kontroll” tfisser is-suxxettibbiltà ta’ parametru fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, u li mhumiex se jiġu evitati jew individwati u korretti fil-ħin mis-sistema ta’ kontroll;

(17)

“riskju ta’ verifika” tfisser ir-riskju, li huwa funzjoni ta’ riskju inerenti, riskju ta’ kontroll u riskju ta’ individwazzjoni, li l-verifikatur jesprimi opinjoni ta’ verifika mhux xierqa meta r-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru ma jkunx ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(18)

“garanzija raġonevoli” tfisser livell ta’ garanzija għoli iżda mhux assolut, espress pożittivament fl-opinjoni ta’ verifika, dwar jekk ir-rapport tal-operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru soġġett għal verifika huwiex ħieles minn dikjarazzjoni skorretta materjali;

(19)

“proċeduri analitiċi” tfisser l-analiżi tal-fluttwazzjonijiet u t-tendenzi fid-dejta inkluż analiżi tar-relazzjonijiet li ma jkunux konsistenti ma’ informazzjoni oħra rilevanti jew li jiddevjaw minn ammonti previsti;

(20)

“dokumentazzjoni ta’ verifika interna” tfisser id-dokumentazzjoni interna kollha li verifikatur ikun ikkumpila sabiex jirreġistra l-evidenza dokumentarja u l-ġustifikazzjoni tal-attivitajiet kollha li jitwettqu għall-verifika ta’ rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(21)

“awditur ewlieni tal-EU ETS” tfisser awditur tal-EU ETS responsabbli għad-direzzjoni u s-sorveljanza tal-grupp ta’ verifika, li jkun responsabbli mit-twettiq u r-rapportar dwar il-verifika ta’ rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(22)

“awditur tal-EU ETS” tfisser membru individwali ta’ grupp ta’ verifika responsabbli għat-twettiq ta’ verifika ta’ rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru minbarra l-awditur ewlieni tal-EU ETS;

(23)

“espert tekniku” tfisser persuna li tipprovdi għarfien dettaljat u kompetenza dwar suġġett speċifiku meħtieġ għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ verifika għall-finijiet tal-Kapitolu III u għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ akkreditazzjoni għall-finijiet tal-Kapitolu V;

(24)

“livell ta’ garanzija” tfisser il-grad ta’ garanzija li verifikatur jipprovdi fuq ir-rapport ta’ verifika bbażat fuq l-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ verifika skont iċ-ċirkostanzi tal-impenn ta’ verifika;

(25)

“assessur” tfisser persuna inkarigata minn korp ta’ akkreditament nazzjonali sabiex twettaq individwalment, jew bħala parti minn grupp ta’ valutazzjoni, valutazzjoni ta’ verifikatur skont dan ir-Regolament.

(26)

“assessur ewlieni” tfisser assessur li jingħata responsabbiltà ġenerali għall-valutazzjoni ta’ verifikatur skont dan ir-Regolament;

(27)

“dikjarazzjoni skorretta” tfisser omissjoni, miżinterpretazzjoni jew żball fid-dejta rrapportata tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru, meta ma tiġix ikkunsidrata l-inċertezza permissibbli skont l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012.

Artikolu 4

Suppożizzjoni ta’ konformità

Fejn verifikatur juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti, kif mifhum fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew partijiet ta’ dan, li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta’ dan ir-Regolament sal-punt li fih l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 5

Qafas Ġenerali għall-Akkreditazzjoni

Fejn f’dan ir-Regolament ma jiġu stabbiliti l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kompożizzjoni tal-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali jew l-attivitajiet u r-rekwiżiti konnessi mal-akkreditazzjoni, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

KAPITOLU II

VERIFIKA

Artikolu 6

Affidabilità tal-Verifika

Rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet għandu jkun affidabbli għall-utenti. Għandu jirrappreżenta b’mod fidil dak li għandu l-għan li jirrappreżenta jew inkella dak li b’mod raġonevoli jista’ jiġi mistenni li jirrappreżenta.

Il-proċess ta’ verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet għandu jkun għodda effikaċi u affidabbli ta’ appoġġ għall-proċeduri ta’ garanzija tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità, billi jipprovdi informazzjoni li tkun tista’ tintuża minn operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jaġixxi ħalli jtejjeb il-prestazzjoni fil-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet.

Artikolu 7

Obbligi ġenerali tal-verifikatur

1.   Il-verifikatur għandu jwettaq il-verifika u l-attivitajiet meħtieġa minn dan il-Kapitolu bl-għan li jipprovdi rapport ta’ verifika li jikkonkludi b’garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru huwa ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

2.   Il-verifikatur għandu jippjana u jwettaq il-verifika b’attitudini ta’ xettiċiżmu professjonali billi jirrikonoxxi li jista’ jkun li jeżistu ċirkostanzi li minħabba fihom ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun jinkludi dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

3.   Il-verifikatur irid iwettaq il-verifika fl-interess pubbliku, b’mod indipendenti mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għad-Direttiva 2003/87/KE.

4.   Waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jivvaluta jekk:

(a)

ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru huwiex komplut u jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 601/2012;

(b)

l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkunx aġixxa f’konformità mar-rekwiżiti tal-permess ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti, meta dan jikkonċerna l-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur, u mar-rekwiżiti tal-pjan ta’ monitoraġġ approvati mill-awtorità kompetenti, meta dan jikkonċerna l-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(c)

id-dejta fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru hijiex ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(d)

tistax tiġi pprovduta informazzjoni li tappoġġa l-attivitajiet ta’ fluss tad-dejta, is-sistema ta’ kontroll u l-proċeduri assoċjati tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-monitoraġġ u r-rapportar tagħhom.

Għall-fini tal-punt (c) ta’ dan il-paragrafu, il-verifikatur għandu jikseb evidenza ċara u oġġettiva mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru biex tappoġġa l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri aggregati rrapportati filwaqt li titqies l-informazzjoni l-oħra kollha pprovduta fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

5.   Fejn il-verifikatur jiskopri li l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru ma jkunx qed jikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 601/2012, dik l-irregolarità għandha tiġi inkluża fir-rapport ta’ verifika anke jekk il-pjan ta’ monitoraġġ ikkonċernat jiġi approvat mill-awtorità kompetenti.

6.   Fejn il-pjan ta’ monitoraġġ ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, ma jkunx komplut jew ikun sar tibdil sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 15(3) jew (4) ta’ dak ir-Regolament waqt il-perjodu ta’ rapportar li ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti kif xieraq, il-verifikatur għandu jagħti parir lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru biex jikseb l-approvazzjoni meħtieġa mill-awtorità kompetenti.

Wara l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti, il-verifikatur għandu jkompli, jirrepeti jew jadatta l-attivitajiet ta’ verifika kif xieraq.

Fejn l-approvazzjoni ma tkunx inkisbet qabel il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika, il-verifikatur għandu jirrapporta dan fir-rapport ta’ verifika.

Artikolu 8

Obbligi prekuntrattwali

1.   Qabel ma jaċċetta impenn ta’ verifika, il-verifikatur għandu jikseb fehim tajjeb tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru u jivvaluta jekk ikunx jista’ jimpenja ruħu li jwettaq il-verifika. Għal dan il-għan il-verifikatur għandu tal-inqas:

(a)

jevalwa r-riskji involuti sabiex iwettaq il-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament;

(b)

jimpenja ruħu li jagħmel analiżi tal-informazzjoni pprovduta mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika;

(c)

jivvaluta jekk l-impenn jaqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tiegħu;

(d)

jivvaluta jekk il-verifikatur għandux il-kompetenza, il-persunal u r-riżorsi meħtieġa sabiex jagħżel grupp ta’ verifika li kapaċi jaffronta l-kumplessità tal-installazzjoni jew l-attivitajiet u l-flotta tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru kif ukoll jekk huwiex kapaċi jlesti b’suċċess l-attivitajiet ta’ verifika fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ;

(e)

jivvaluta jekk huwiex kapaċi jiżgura li l-grupp ta’ verifika potenzjali għad-dispożizzjoni tiegħu għandux il-kompetenza u l-persuni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika għal dak l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru speċifiku;

(f)

jiddetermina, għal kull impenn ta’ verifika mitlub, l-allokazzjoni ta’ ħin meħtieġ sabiex il-verifika ssir b’mod tajjeb.

2.   L-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jipprovdi lill-verifikatur bl-informazzjoni rilevanti li tippermetti lill-verifikatur li jwettaq l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Allokazzjoni tal-ħin

1.   Meta jkun qed jiddetermina l-allokazzjoni tal-ħin għal impenn ta’ verifika msemmi fl-Artikolu 8(1)(f), il-verifikatur għandu tal-inqas jikkunsidra:

(a)

il-kumplessità tal-installazzjoni jew l-attivitajiet u l-flotta tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(b)

il-livell ta’ informazzjoni u l-kumplessità tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

(c)

il-livell meħtieġ ta’ materjalità;

(d)

il-kumplessità u l-kompletezza tal-attivitajiet tal-fluss tad-dejta u s-sistema ta’ kontroll tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(e)

il-post tal-informazzjoni u d-dejta relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jew id-dejta tat-tunnellati kilometri.

2.   Il-verifikatur għandu jiżgura li l-kuntratt tal-verifika jipprovdi possibbiltà ta’ ħin li għandu jiġi ċċarġjat minbarra l-ħin miftiehem fil-kuntratt, fejn jinstab li ħin addizzjonali bħal dan ikun meħtieġ għall-analiżi strateġika, l-analiżi tar-riskji jew attivitajiet ta’ verifiki oħra bħal dawn. Is-sitwazzjonijiet fejn il-ħin addizzjonali jista’ jiġi applikat għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

waqt il-verifika fejn l-attivitajiet ta’ fluss tad-dejta, l-attivitajiet ta’ kontroll jew il-loġistika tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru jidhru li jkunu iżjed kumplessi minn dak previst fil-bidu;

(b)

fejn dikjarazzjonijiet skorretti, nonkonformitajiet, dejta insuffiċjenti jew żbalji fil-gruppi tad-dejta jiġu identifikati mill-verifikatur waqt il-verifika.

3.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta l-ħin allokat fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 10

Informazzjoni minn operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru

1.   Qabel l-analiżi strateġika u f’mumenti oħra waqt il-verifika, l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jipprovdi lill-verifikatur b’dan kollu li ġej:

(a)

il-permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-operatur meta dan jikkonċerna verifika ta’ rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur;

(b)

l-aħħar verżjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru kif ukoll kwalunkwe verżjoni oħra rilevanti tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti inkluż evidenza tal-approvazzjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-dejta tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(d)

il-valutazzjoni tar-riskji tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 58(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, u deskrizzjoni fil-qosor tas-sistema ġenerali ta’ kontroll;

(e)

il-proċeduri msemmija fil-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti, inkluż il-proċeduri għall-attivitajiet tal-fluss tad-dejta u l-attivitajiet ta’ kontroll;

(f)

ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru, kif xieraq;

(g)

fejn ikun applikabbli, il-pjan ta’ kampjunar tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 kif approvat mill-awtorità kompetenti;

(h)

fejn il-pjan ta’ monitoraġġ ikun inbidel waqt il-perjodu ta’ rapportar, reġistru ta’ dak it-tibdil kollu skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012;

(i)

fejn ikun applikabbli, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012;

(j)

ir-rapport ta’ verifika mis-sena ta’ qabel jekk il-verifikatur ma jkunx wettaq il-verifika għal dak l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru partikolari fis-sena ta’ qabel;

(k)

il-korrispondenza kollha rilevanti mal-awtorità kompetenti, b’mod partikolari dik relatata man-notifika ta’ tibdil fil-pjan ta’ monitoraġġ;

(l)

informazzjoni dwar il-bażijiet tad-dejta u s-sorsi tad-dejta użati għal finijiet ta’ monitoraġġ u rapportar, inklużi dawk mill-Eurocontrol;

(m)

fejn il-verifika tikkonċerna r-rapport dwar l-emissjonijiet ta’ installazzjoni li tkun qiegħda twettaq ħżin ġeoloġiku ta’ gassijiet serra f’post ta’ ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE, il-pjan ta’ monitoraġġ meħtieġ b’dik id-Direttiva u r-rapporti meħtieġa bl-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva, li jkopru tal-inqas il-perjodu ta’ rapportar tar-rapport dwar l-emissjonijiet li jkollu jiġi vverifikat;

(n)

fejn applikabbli, l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post għall-installazzjonijiet skont l-Artikolu 31(1);

(o)

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti meħtieġa għall-ippjanar u t-twettiq tal-verifika.

2.   Qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta’ verifika, l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jipprovdi lill-verifikatur b’rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru awtorizzat u vvalidat internament.

Artikolu 11

Analiżi strateġika

1.   Fil-bidu tal-verifika effettiva l-verifikatur għandu jivvaluta n-natura, l-iskala u l-kumplessità probabbli tal-kompiti tal-verifika billi jwettaq analiżi strateġika tal-attivitajiet kollha rilevanti għall-installazzjoni jew għall-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

2.   Għall-finijiet ta’ fehim tal-attivitajiet rilevanti għall-installazzjoni jew għall-operatur ta’ inġenji tal-ajru, il-verifikatur għandu jiġbor u janalizza l-informazzjoni meħtieġa sabiex jivvaluta li l-grupp ta’ verifika huwa kompetenti biżżejjed sabiex iwettaq il-verifika, jiddetermina li l-allokazzjoni tal-ħin indikata fil-kuntratt tkun ġiet stabbilita korrettament u jiżgura li l-verifikatur ikun kapaċi jwettaq l-analiżi tar-riskji meħtieġa. L-informazzjoni għandha tinkludi tal-inqas:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1);

(b)

il-livell meħtieġ ta’ materjalità;

(c)

fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika għall-istess operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru, l-informazzjoni miksuba mill-verifika fis-snin ta’ qabel.

3.   Meta jkun qed janalizza l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-verifikatur għandu tal-inqas jivvaluta dan li ġej:

(a)

għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur, il-kategorija tal-installazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 u l-attivitajiet imwettqa f’dik l-installazzjoni;

(b)

għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru, id-daqs u n-natura tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru, id-distribuzzjoni tal-informazzjoni f’postijiet differenti kif ukoll l-għadd u t-tip ta’ titjiriet;

(c)

il-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-metodoloġija tal-monitoraġġ stabbilita f’dak il-pjan ta’ monitoraġġ;

(d)

in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-sorsi ta’ emissjoni u l-flussi mis-sorsi kif ukoll it-tagħmir u l-proċessi li jkunu rriżultaw f’dejta dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri, inkluż it-tagħmir tal-kejl deskritt fil-pjan ta’ monitoraġġ, l-oriġini u l-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ kalkolu u sorsi oħra ta’ dejta primarja;

(e)

l-attivitajiet tal-fluss ta’ dejta, is-sistema ta’ kontroll u l-ambjent tal-kontroll.

4.   Meta jkun qed iwettaq l-analiżi strateġika, il-verifikatur għandu jivverifika dan li ġej:

(a)

jekk il-pjan ta’ monitoraġġ ippreżentat lilu huwiex il-verżjoni l-iktar riċenti approvata mill-awtorità kompetenti;

(b)

jekk ikunx sar kwalunkwe tibdil tal-pjan ta’ monitoraġġ waqt il-perjodu ta’ rapportar;

(c)

jekk dan it-tibdil ikunx ġie nnotifikat lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 15(1) jew l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 jew ikunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 12

Analiżi tar-riskji

1.   Il-verifikatur għandu jidentifika u janalizza l-elementi li ġejjin sabiex jiddisinja, jippjana u jimplimenta verifika effikaċi:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

l-attivitajiet ta’ kontroll;

(c)

fejn l-attivitajiet ta’ kontroll imsemmija fil-punt (b) ġew implimentati, ir-riskji tal-kontroll li jikkonċernaw l-effikaċja ta’ dawn l-attivitajiet ta’ kontroll.

2.   Meta jkun qed jidentifika u janalizza l-elementi msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu tal-inqas jikkunsidra:

(a)

is-sejbiet mill-analiżi strateġika msemmija fl-Artikolu 11(1);

(b)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11(2)(c);

(c)

il-livell ta’ materjalità msemmi fl-Artikolu 11(2)(b).

3.   Fejn il-verifikatur ikun iddetermina li l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru ma jkunx irnexxielu jidentifika r-riskji inerenti u r-riskji tal-kontroll rilevanti fil-valutazzjoni tar-riskji tiegħu, il-verifikatur għandu jirrapporta dan lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

4.   Fejn ikun xieraq skont l-informazzjoni miksuba waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jirrevedi l-analiżi tar-riskji u jimmodifika jew jirrepeti l-attivitajiet ta’ verifika li għandhom jitwettqu.

Artikolu 13

Pjan ta’ verifika

1.   Il-verifikatur għandu jagħmel abbozz ta’ pjan ta’ verifika proporzjonat mal-informazzjoni miksuba u r-riskji identifikati waqt l-analiżi strateġika u l-analiżi tar-riskji, u li tal-inqas ikun jinkludi:

(a)

programm ta’ verifika li jiddeskrivi n-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet ta’ verifika kif ukoll il-ħin li fih u l-mod li bih ikollhom jitwettqu dawn l-attivitajiet;

(b)

pjan magħmul bħala test li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-metodi tal-ittestjar tal-attivitajiet ta’ kontroll kif ukoll il-proċeduri għall-attivitajiet ta’ kontroll.

(c)

pjan ta’ kampjunar tad-dejta li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-metodi tal-kampjunar tad-dejta relatati mal-punti tad-dejta sottostanti l-emissjonijiet aggregati fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru jew id-dejta dwar it-tunnellati kilometri fir-rapport dwar it-tunnellati kilometri tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

2.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi l-pjan magħmul bħala test imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 b’mod li jippermettilu li jiddetermina l-punt safejn l-attivitajiet ta’ kontroll rilevanti jkunu affidabbli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 7(4)(b).

Meta jkun qed jiddetermina d-daqs tal-kampjunar u l-attivitajiet ta’ kampjunar għall-ittestjar tal-attivitajiet ta’ kontroll, il-verifikatur għandu jikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

l-ambjent tal-kontroll;

(c)

l-attivitajiet ta’ kontroll rilevanti;

(d)

ir-rekwiżiti sabiex iwassal opinjoni ta’ verifika b’garanzija raġonevoli.

3.   Meta jkun qed jiddetermina d-daqs tal-kampjunar u l-attivitajiet ta’ kampjunar għall-kampjunar tad-dejta msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll;

(b)

ir-riżultati tal-proċeduri analitiċi;

(c)

ir-rekwiżiti sabiex iwassal opinjoni ta’ verifika b’garanzija raġonevoli;

(d)

il-livell ta’ materjalità;

(e)

il-materjalità tal-kontribut ta’ element individwali tad-dejta lill-grupp tad-dejta ġenerali.

4.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta’ verifika b’mod li r-riskju tal-verifika jitnaqqas sakemm jilħaq livell aċċettabbli sabiex tinkiseb garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti.

5.   Il-verifikatur għandu jaġġorna l-analiżi tar-riskji u l-pjan ta’ verifika, u jadatta l-attivitajiet ta’ verifika meta waqt il-verifika huwa jsib riskji addizzjonali li jkun jeħtieġ li jitnaqqsu jew meta r-riskju effettiv ikun inqas minn dak mistenni fil-bidu.

Artikolu 14

Attivitajiet ta’ verifika

Il-verifikatur għandu jimplimenta l-pjan ta’ verifika u, fuq bażi tal-analiżi tar-riskji, il-verifikatur għandu jivverifika l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti.

Għal dak il-fini, il-verifikatur għandu mill-inqas iwettaq ittestjar sostantiv li jikkonsisti minn proċeduri analitiċi, verifika tad-dejta u verifika tal-metodoloġija tal-monitoraġġ u jivverifika dan li ġej:

(a)

l-attivitajiet tal-fluss tad-dejta u s-sistemi użati fil-fluss tad-dejta, inkluż is-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(b)

jekk l-attivitajiet ta’ kontroll tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru humiex iddokumentati, implimentati, miżmuma kif xieraq u effikaċi sabiex jitnaqqsu r-riskji inerenti;

(c)

jekk il-proċeduri elenkati fil-pjan ta’ monitoraġġ humiex effikaċi sabiex jitnaqqsu r-riskji inerenti u r-riskji tal-kontroll u jekk il-proċeduri humiex implimentati, iddokumentati biżżejjed u miżmuma tajjeb.

Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tieni paragrafu, il-verifikatur għandu jirrintraċċa l-fluss tad-dejta billi jsegwi s-sekwenza u l-interazzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-dejta mid-dejta mis-sorsi primarji sal-kompilazzjoni tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

Artikolu 15

Proċeduri analitiċi

1.   Il-verifikatur għandu juża proċeduri analitiċi sabiex jivvaluta l-plawżibbiltà u l-kompletezza tad-dejta fejn ir-riskji inerenti, ir-riskju tal-kontroll u l-adattatezza tal-attivitajiet tal-kontroll tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru juru l-ħtieġa għal proċeduri analitiċi bħal dawn.

2.   Meta jkun qed iwettaq il-proċeduri analitiċi msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jevalwa d-dejta rrapportata sabiex jidentifika oqsma ta’ riskji potenzjali u sussegwentement jivvalida u jfassal l-attivitajiet ta’ verifika ppjanati. Il-verifikatur għandu tal-inqas:

(a)

jevalwa l-plawżibbiltà tal-fluttwazzjonijiet u t-tendenzi matul iż-żmien jew bejn l-oġġetti komparabbli;

(b)

jidentifika outliers immedjati, dejta mhux mistennija u nuqqasijiet fid-dejta.

3.   Meta jkun qed japplika l-proċeduri analitiċi msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jwettaq il-proċeduri li ġejjin:

(a)

proċeduri analitiċi preliminari dwar id-dejta aggregata qabel ma jwettaq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 14 sabiex jifhem in-natura, il-kumplessità u r-rilevanza tad-dejta rrapportata;

(b)

proċeduri analitiċi sostantivi dwar id-dejta aggregata u l-punti tad-dejta sottostanti din id-dejta għall-finijiet li jiġu identifikati żbalji strutturali potenzjali u outliers immedjati;

(c)

proċeduri analitiċi finali dwar id-dejta aggregata sabiex jiżgura li l-iżbalji kollha identifikati waqt il-proċess ta’ verifika jkunu ġew solvuti korrettament.

4.   Meta l-verifikatur jidentifika outliers, fluttwazzjonijiet, tendenzi, nuqqasijiet ta’ dejta u d-dejta li tkun inkonsistenti ma’ informazzjoni rilevanti oħra jew li tkun differenti b’mod sinifikanti mill-ammonti jew il-proporzjonijiet mistennija, il-verifikatur għandu jikseb spjegazzjonijiet mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru appoġġati minn evidenza rilevanti addizzjonali.

Abbażi tal-ispjegazzjonijiet u l-evidenza addizzjonali pprovduta, il-verifikatur għandu jevalwa l-impatt fuq il-pjan ta’ verifika u l-attivitajiet ta’ verifika li jkollhom jitwettqu.

Artikolu 16

Verifika tad-dejta

1.   Il-verifikatur għandu jivverifika d-dejta fir-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru billi japplika ttestjar dettaljat tad-dejta, inkluż ir-rintraċċar tad-dejta lura sas-sors tad-dejta primarja, kontroċċekkjar tad-dejta ma’ sorsi ta’ dejta esterni, it-twettiq ta’ rikonċiljazzjonijiet, il-verifika tal-punti limitu dwar dejta xierqa u t-twettiq ta’ kalkoli mill-ġdid.

2.   Bħala parti mill-verifika msemmija fil-paragrafi 1 u b’kunsiderazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat inkluż il-proċeduri deskritti f’dak il-pjan, il-verifikatur għandu jivverifika:

(a)

għall-finijiet ta’ verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur, il-konfini ta’ installazzjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur, il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi u s-sorsi tal-emissjonijiet kif deskritt fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

(c)

għall-finijiet li jiġi vverifikat ir-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rapport dwar it-tunnellati kilometri tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru, il-kompletezza tat-titjiriet li jaqgħu taħt attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li għaliha l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun responsabbli kif ukoll il-kompletezza tad-dejta dwar l-emissjonijiet u d-dejta dwar it-tunnellati kilometri rispettivament;

(d)

għall-finijiet li jiġi vverifikat ir-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rapport dwar it-tunnellati kilometri tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru l-konsistenza bejn id-dejta rrapportata u d-dokumentazzjoni dwar il-massa u l-bilanċ;

(e)

għall-finijiet li jiġi vverifikat ir-rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru, il-konsistenza bejn il-konsum aggregat tal-karburant u d-dejta dwar il-karburant mixtri jew inkella pprovdut lill-inġenju tal-ajru li jkun qed iwettaq attività ta’ avjazzjoni;

(f)

il-konsistenza tad-dejta aggregata rrapportata fir-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru ma’ dejta mis-sorsi primarji;

(g)

fejn tiġi applikata mill-operatur metodoloġija bbażata fuq il-kejl imsemmija fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, il-valuri mkejla bl-użu tar-riżultati tal-kalkoli mwettqa mill-operatur skont l-Artikolu 46 ta’ dak ir-Regolament;

(h)

l-affidabilità u l-preċiżjoni tad-dejta.

3.   Għall-finijiet ta’ verifika tal-kompletezza tat-titjiriet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, il-verifikatur għandu juża d-dejta tat-traffiku tal-ajru tal-operatur, inkluż id-dejta miġbura mill-Eurocontrol jew organizzazzjonijiet oħra rilevanti li jistgħu jipproċessaw informazzjoni dwar it-traffiku tal-ajru bħal dik disponibbli għall-Eurocontrol.

Artikolu 17

Verifika tal-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ

1.   Il-verifikatur għandu jivverifika l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ kif approvata mill-awtorità kompetenti fil-pjan ta’ monitoraġġ, inkluż l-ispeċifiċitajiet ta’ dik il-metodoloġija ta’ monitoraġġ.

2.   Għall-finijiet ta’ verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur, il-verifikatur għandu jivverifika l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-pjan ta’ kampjunar imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, kif approvat mill-awtorità kompetenti.

3.   Fejn CO2 jiġi ttrasferit skont l-Artikoli 48 u 49 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 u CO2 ttrasferit jitkejjel kemm mill-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll minn dik ta’ lqugħ, il-verifikatur għandu jivverifika jekk id-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ installazzjonijiet ikunux jistgħu jiġu spjegati mill-inċertezza tas-sistemi tal-kejl u jekk il-medja aritmetika korretta tal-valuri mkejla tkunx intużat fir-rapporti dwar l-emissjonijiet taż-żewġ installazzjonijiet.

Fejn id-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ installazzjonijiet ma jistgħux jiġu spjegati bl-inċertezza tas-sistemi tal-kejl, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-aġġustamenti jkunux saru sabiex jiġu allinjati d-differenzi bejn il-valuri mkejla, jekk dawk l-aġġustamenti kinux konservattivi u jekk l-awtorità kompetenti tatx approvazzjoni għal dawk l-aġġustamenti.

4.   Fejn skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, ikun meħtieġ li l-operaturi jinkludu iżjed elementi fil-pjan ta’ monitoraġġ li jkunu rilevanti għall-ilħiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (10), il-verifikatur għandu jivverifka l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament. Meta jagħmel dan, il-verifikatur għandu jivverifika wkoll jekk informazzjoni dwar kwalunkwe tibdil ippjanat jew tibdil effettiv fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat ta’ installazzjoni tkunx ġiet sottomessa mill-operatur lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Diċembru tal-perjodu ta’ rapportar.

Artikolu 18

Verifika tal-metodi applikati għad-dejta nieqsa

1.   Fejn ikunu ntużaw metodi stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi kompluta dejta nieqsa skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, il-verifikatur għandu jivverifika jekk il-metodi użati kinux xierqa għas-sitwazzjoni speċifika u jekk ġewx applikati korrettament.

Fejn l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun kiseb approvazzjoni mill-awtorità kompetenti biex juża metodi oħra minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-approċċ approvat ikunx ġie applikat korrettament u ddokumentat kif xieraq.

Fejn operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru ma jkunx kapaċi jikseb approvazzjoni bħal din fil-ħin, il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-approċċ użat mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru biex iżid id-dejta nieqsa jiżgurax li l-emissjonjijiet ma jiġux sottovalutati u li dan l-approċċ ma jwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti.

2.   Il-verifikatur għandu jivverifika jekk l-attivitajiet ta’ kontroll implimentati mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru biex jiġi evitat li jkun hemm in-nuqqas ta’ dejta msemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 humiex effettivi.

Artikolu 19

Valutazzjoni tal-inċertezza

1.   Meta r-Regolament (UE) Nru 601/2012 jesiġi li l-operatur juri konformità mal-limiti ta’ inċertezza għad-dejta tal-attivitajiet u l-fatturi tal-kalkolu, il-verifikatur għandu jikkonferma l-validità tal-informazzjoni użata sabiex jikkalkula l-livelli ta’ inċertezza kif stabbilit fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat.

2.   Fejn operatur japplika metodoloġija ta’ monitoraġġ mhux ibbażata fuq livelli (tiers), kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, il-verifikatur għandu jivverifika dan kollu li ġej:

(a)

jekk tkunx twettqet valutazzjoni u kwantifikazzjoni tal-inċertezza mill-operatur li turi li jkun intlaħaq il-limitu ġenerali ta’ inċertezza meħtieġ għal-livell annwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont il-punt (c) tal-Artikolu 22 tar-Regolament;

(b)

il-validità tal-informazzjoni użata għall-valutazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-inċertezza;

(c)

jekk l-approċċ ġenerali użat għall-valutazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-inċertezza jkunx konformi mal-punt (b) tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament;

(d)

jekk tkunx ġiet ipprovduta evidenza li l-kundizzjonijiet għall-metodoloġija ta’ monitoraġġ imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament ntlaħqu.

3.   Fejn l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun meħtieġ, skont ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 li juri li l-livelli meħtieġa ta’ inċertezza ma jkunux qegħdin jinqabżu, il-verifikatur għandu jivverifika l-validità tal-informazzjoni użata biex turi li l-livelli ta’ inċertezza applikabbli kif stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti ma nqabżux.

Artikolu 20

Kampjunar

1.   Meta jkun qed jivverifika l-konformità tal-attivitajiet u l-proċeduri ta’ kontroll imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 14 jew meta jkun qed iwettaq verifiki msemmija fl-Artikoli 15 u 16, il-verifikatur jista’ juża metodi ta’ kampjunar speċifiċi għal installazzjoni jew operatur ta’ inġenji tal-ajru bil-kundizzjoni li, abbażi tal-analiżi tar-riskji, il-kampjunar ikun iġġustifikat.

2.   Fejn il-verifikatur jidentifika nonkonformità jew dikjarazzjoni skorretta waqt il-kampjunar, huwa għandu jitlob lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jispjega l-kawżi ewlenin tan-nonkonformità jew id-dikjarazzjoni skorretta sabiex jivvaluta l-impatt tan-nonkonformità jew id-dikjarazzjoni skorretta fuq id-dejta rrapportata. Abbażi tar-riżultat ta’ dik il-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jiddetermina jekk ikunux meħtieġa attivitajiet addizzjonali ta’ verifika, jekk ikunx meħtieġ li d-daqs tal-kampjunar jitkabbar, u liema parti tal-popolazzjoni tad-dejta jkollha tiġi korretta mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

3.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta r-riżultat tal-verifiki msemmija fl-Artikoli 14, 15, 16 u 17, inkluż id-dettalji ta’ kampjuni addizzjonali, fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 21

Żjarat fuq il-post

1.   F’ħin opportun jew f’diversi ħinijiet opportuni waqt il-proċess ta’ verifika, l-verifikatur għandu jwettaq żjara fuq il-post sabiex jivvaluta l-operat tal-miters u s-sistemi ta’ monitoraġġ, sabiex iwettaq intervisti, sabiex iwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont dan il-Kapitolu kif ukoll sabiex jiġbor informazzjoni u evidenza biżżejjed li jippermettu lill-verifikatur jikkonkludi jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkunx ħieles minn dikjarazzjonijet skorretti materjali.

2.   L-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jipprovdi lill-verifikatur b’aċċess għall-postijiet tiegħu.

3.   Għall-finijiet li jiġi vverifikat ir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur il-verifikatur għandu juża wkoll żjara fuq il-post sabiex jivvaluta l-konfini tal-installazzjoni kif ukoll il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi u s-sorsi tal-emissjonijiet.

4.   Għall-finijiet li jiġi vverifikat ir-rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur, il-verifikatur għandu jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskji, jekk ikunux meħtieġa żjarat f’postijiet addizzjonali, inkluż fejn partijiet rilevanti tal-attivitajiet tal-fluss tad-dejta u l-attivitajiet ta’ kontroll jitwettqu f’postijiet oħra bħal kwartieri ġenerali ta’ kumpanija u uffiċċji oħra barra mill-post.

Artikolu 22

Indirizzar tad-dikjarazzjonijiet skorretti u tan-nonkonformitajiet

1.   Fejn il-verifikatur ikun identifika dikjarazzjonijiet skorretti jew nonkonformitajiet waqt il-verifika, huwa għandu jgħarraf lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru dwar dan fil-ħin u jitlob korrezzjonijiet rilevanti.

L-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jikkoreġi kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta jew nonkonformità kkomunikata.

2.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta u jimmarka bħala solvuti, fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna, id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet kollha li jkunu ġew korretti mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru waqt il-verifika.

3.   Fejn l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru ma jikkoreġix id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nonkonformitajiet ikkomunikati lilu mill-verifikatur skont il-paragrafu 1 qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta’ verifika, il-verifikatur għandu jitlob lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jispjega l-kawżi ewlenin tan-nonkonformità jew id-dikjarazzjoni skorretta sabiex jevalwa l-impatt tan-nonkonformitajiet jew id-dikjarazzjonijiet skorretti fuq id-dejta rrapportata.

Il-verifikatur għandu jiddetermina jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti mhux ikkoreġuti, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, ikollhomx effett materjali fuq id-dejta totali rrapportata tal-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri. Meta jkun qed jevalwa l-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti l-verifikatur għandu jikkunsidra d-daqs u n-natura tad-dikjarazzjoni skorretta kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari li fihom ikunu seħħu.

Il-verifikatur għandu jivvaluta jekk in-nonkonformità mhux ikkoreġuta, individwalment jew meta kkombinata ma’ nonkonformitajiet oħra, għandhiex impatt fuq id-dejta rrapportata u jekk dan iwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

Il-verifikatur jista’ jikkunsidra d-dikjarazzjonijiet skorretti bħala materjali anke jekk dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, ikunu taħt il-livell ta’ materjalità stabbilit fl-Artikolu 23, fejn kunsiderazzjoni bħal din tkun ġustifikata mid-daqs u n-natura tad-dikjarazzjonijiet skorretti u ċ-ċirkostanzi partikolari li fihom iseħħu.

Artikolu 23

Livell ta’ materjalità

1.   Il-livell ta’ materjalità għandu jkun ta’ 5 % tal-emissjonijiet totali rrapportati fil-perjodu ta’ rapportar li huwa soġġett għal verifika, għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

l-installazzjonijiet tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 u l-installazzjonijiet tal-kategorija B imsemmija fl-Artikolu 19(2)(b) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

operaturi ta’ inġenji tal-ajru b’emissjonijiet annwali daqs jew inqas minn 500 kilotunnellati ta’ CO2 fossili.

2.   Il-livell ta’ materjalità għandu jkun ta’ 2 % tal-emissjonijiet totali rrapportati fil-perjodu ta’ rapportar li huwa soġġett għal verifika, għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

l-installazzjonijiet tal-kategorija C msemmija fl-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012;

(b)

operaturi ta’ inġenji tal-ajru b’emissjonijiet annwali ta’ iżjed minn 500 kilotunnellati ta’ CO2 fossili.

3.   Għall-finijiet ta’ verifika tar-rapporti dwar it-tunnellati kilometri tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru l-livell ta’ materjalità għandu jkun ta’ 5 % tad-dejta totali rrapportata tat-tunnellati kilometri fil-perjodu ta’ rapportar li huwa soġġett għal verifika.

Artikolu 24

Konklużjonijiet dwar is-sejbiet tal-verifika

Fit-tlestija tal-verifika u meta jkun qed jikkunsidra l-informazzjoni miksuba waqt il-verifika, il-verifikatur għandu:

(a)

jivverifika d-dejta finali mill-operatur jew mill-operatur ta’ inġenji tal-ajru inkluż dejta li tkun ġiet aġġustata bbażata fuq informazzjoni miksuba waqt il-verifika;

(b)

janalizza r-raġunijiet tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru għal kwalunkwe differenza bejn id-dejta finali u d-dejta li tkun ġiet ipprovduta qabel;

(c)

janalizza r-riżultat tal-valutazzjoni biex jiddetermina jekk il-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti, inklużi l-proċeduri deskritti f’dak il-pjan, ġiex implimentat korrettament;

(d)

jivvaluta jekk ir-riskju ta’ verifika jkunx f’livell baxx aċċettabbli sabiex tinkiseb garanzija raġonevoli;

(e)

jiżgura li tkun inġabret evidenza biżżejjed sabiex ikun jista’ jagħti opinjoni ta’ verifika b’garanzija raġonevoli li r-rapport ikun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(f)

jiżgura li l-proċess ta’ verifika jiġi ddokumentat bis-sħiħ fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna u li jkun jista’ jingħata ġudizzju finali fir-rapport ta’ verifika.

Artikolu 25

Analiżi indipendenti

1.   Il-verifikatur għandu jissottometti d-dokumentazzjoni tal-verifika interna u r-rapport ta’ verifika għand analizzatur indipendenti qabel il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika.

2.   L-analizzatur indipendenti ma għandu jkun wettaq l-ebda attività ta’ verifika li tkun soġġetta għall-analiżi tiegħu.

3.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess ta’ verifika sħiħ deskritt f’dan il-Kapitolu u rreġistrat fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

L-analizzatur indipendenti għandu jwettaq l-analiżi b’mod li jiżgura li l-proċess ta’ verifika jitmexxa skont dan ir-Regolament, li l-proċeduri għall-attivitajiet ta’ verifika msemmija fl-Artikolu 40 ikunu twettqu korrettament, u li jiġu applikati attenzjoni u ġudizzju professjonali xierqa.

L-analizzatur indipendenti għandu jivvaluta wkoll jekk l-evidenza miġbura tkunx biżżejjed biex tippermetti lill-verifikatur joħroġ rapport ta’ verifika b’garanzija raġonevoli.

4.   Fejn jinħolqu ċirkostanzi li jistgħu jikkawżaw tibdil fir-rapport ta’ verifika wara l-analiżi, l-analizzatur indipendenti għandu janalizza wkoll dak it-tibdil u l-evidenza ta’ dan.

5.   Il-verifikatur għandu jawtorizza kif xieraq persuna biex tawtentika r-rapport ta’ verifika bbażat fuq il-konklużjonijiet tal-analizzatur indipendenti u l-evidenza fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

Artikolu 26

Dokumentazzjoni tal-verifika interna

1.   Il-verifikatur għandu jipprepara u jikkompila dokumentazzjoni tal-verifika interna li tkun tinkludi tal-inqas:

(a)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ verifika mwettqa;

(b)

l-analiżi strateġika, l-analiżi tar-riskji u l-pjan ta’ verifika;

(c)

informazzjoni biżżejjed biex tappoġġa l-opinjoni ta’ verifika inkluż ġustifikazzjonijiet għal ġudizzji magħmula dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti identifikati jkollhomx effett materjali fuq id-dejta rrapportata tal-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri.

2.   Id-dokumentzzjoni tal-verifika interna msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi abbozzata b’mod li l-analizzatur indipendenti msemmi fl-Artikolu 25 u l-korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali jkunu jistgħu jivvalutaw jekk il-verifika tkunx twettqet skont dan ir-Regolament.

Wara l-awtentifikazzjoni tar-rapport ta’ verifika skont l-Artikolu 25(5), il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna.

3.   Il-verifikatur għandu, fuq talba, jipprovdi lill-awtorità kompetenti aċċess għad-dokumentazzjoni tal-verifika interna sabiex tiġi ffaċilitata evalwazzjoni tal-verifika minn awtorità kompetenti.

Artikolu 27

Rapport ta’ verifika

1.   Abbażi tal-informazzjoni miġbura waqt il-verifika, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta’ verifika lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru dwar kull rapport dwar l-emissjonijiet jew rapport dwar it-tunnellati kilometri li jkun ġie soġġett għal verifika. Ir-rapport ta’ verifika għandu jinkludi tal-inqas waħda mis-sejbiet li ġejjin:

(a)

ir-rapport ġie vverifikat bħala sodisfaċenti;

(b)

ir-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun jinkludi dikjarazzjonijiet skorretti materjali li ma jkunux ġew korretti qabel il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika;

(c)

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika huwa limitat wisq skont l-Artikolu 28 u l-verifikatur ma setax jikseb evidenza biżżejjed sabiex joħroġ opinjoni ta’ verifika b’garanzija raġonevoli li r-rapport ikun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(d)

in-nonkonformitajiet, individwali jew ikkombinati ma’ nonkonformitajiet oħra, ma jipprovdux ċarezza biżżejjed u jipprevjenu lill-verifikatur milli jiddikjara b’garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru huwa ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru jista’ jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti biss fejn ir-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti.

2.   L-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jissottometti r-rapport ta’ verifika lill-awtorità kompetenti flimkien mar-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru kkonċernat.

3.   Ir-rapport ta’ verifika għandu tal-inqas jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

isem l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru li kien soġġett għal verifika;

(b)

l-għanijiet tal-verifika;

(c)

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika;

(d)

referenza għar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru li jkun ġie vverifikat;

(e)

il-kriterji li ntużaw għall-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru, inkluż il-permess, fejn applikabbli, u l-verżjonijiet tal-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti kif ukoll il-perjodu ta’ validità ta’ kull pjan ta’ monitoraġġ;

(f)

l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri aggregati għal kull attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u kull installazzjoni jew operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(g)

il-perjodu ta’ rapportar soġġett għal verifika;

(h)

ir-responsabbiltajiet tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru, l-awtorità kompetenti u l-verifikatur;

(i)

id-dikjarazzjoni tal-opinjoni ta’ verifika;

(j)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta u nonkonformità identifikata li ma jkunux ġew ikkoreġuti qabel il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika;

(k)

id-dati li fihom ikunu twettqu ż-żjarat fuq il-post u minn min ikunu twettqu;

(l)

informazzjoni dwar jekk kienx hemm eżenzjoni għal xi żjara fuq il-post kif ukoll ir-raġunijiet tal-eżenzjoni ta’ dawn iż-żjarat fuq il-post;

(m)

kwalunkwe kwistjoni ta’ nonkonformità mar-Regolament (UE) Nru 601/2012, li jkunu ġew evidenzjati waqt il-verifika;

(n)

meta approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għall-approċċ użat sabiex isir rimedju għan-nuqqas fid-dejta skont l-Artikolu 18(1) ma tkunx tista’ tinkiseb fil-ħin, konferma dwar jekk l-approċċ użat huwiex konservattiv u jekk iwassal jew ma jwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(o)

fejn il-verifikatur ikun osserva tibdil fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat tal-installazzjoni li jista’ jkollu impatt fuq l-allokazzjoni tal-installazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u li ma jkunx ġie irrapportat lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Diċembru skont l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, deskrizzjoni ta’ dawn it-tibdiliet u l-osservazzjonijiet li jkunu saru;

(p)

fejn applikabbli, rakkomandazzjonijiet għal titjib;

(q)

l-ismijiet tal-awditur ewlieni tal-EU ETS, l-analizzatur indipendenti u, fejn applikabbli, l-awditur u l-espert tekniku tal-EU ETS li kienu involuti fil-verifika tar-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(r)

id-data u l-firma minn persuna awtorizzata f’isem il-verifikatur, inkluż ismu.

4.   Il-verifikatur għandu jiddeskrivi d-dikjarazzjonijiet skorretti u n-nonkonformitajiet f’dettall suffiċjenti fir-rapport ta’ verifika biex jippermetti lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru kif ukoll lill-awtorità kompetenti jifhmu dan li ġej:

(a)

id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjoni skorretta jew tan-nonkonformità;

(b)

għalfejn id-dikjarazzjoni skorretta għandha jew ma għandhiex effett materjali;

(c)

għal liema element tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru tirreferi d-dikjarazzjoni skorretta jew għal liema element tal-pjan ta’ monitoraġġ tirreferi n-nonkonformità.

5.   Fejn Stat Membru jeħtieġ li l-verifikatur jissottometti informazzjoni dwar il-proċess ta’ verifika li tkun addizzjonali għall-elementi deskritti fil-paragrafu 3 u dik l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa għall-fehim tal-opinjoni ta’ verifika, l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jista’, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jissottometti dik l-informazzjoni addizzjonali lill-awtorità kompetenti b’mod separat mir-rapport ta’ verifika f’data alternattiva, iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju tal-istess sena.

Artikolu 28

Limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni

Il-verifikatur jista’ jikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika msemmi fl-Artikolu 27(1)(c) huwa limitat wisq fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun hemm dejta nieqsa li tipprevjeni lill-verifikatur milli jikseb l-evidenza meħtieġa għat-tnaqqis tar-riskji ta’ verifika sakemm jintlaħaq il-livell meħtieġ sabiex jinkiseb livell raġonevoli ta’ garanzija;

(b)

il-pjan ta’ monitoraġġ ma jkunx approvat mill-awtorità kompetenti;

(c)

il-pjan ta’ monitoraġġ ma jipprovdix kamp ta’ applikazzjoni jew ċarezza suffiċjenti sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar il-verifika;

(d)

l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun naqas milli jagħmel biżżejjed informazzjoni disponibbli biex jippermetti lill-verifikatur iwettaq il-verifika.

Artikolu 29

Indirizzar ta’ nonkonformitajiet mhux materjali pendenti

1.   Il-verifikatur għandu jivvaluta jekk l-operatur jew l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jkunx ikkoreġa n-nonkonformitajiet indikati fir-rapport ta’ verifika relatati mal-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ qabel skont ir-rekwiżiti fuq l-operatur imsemmija fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, fejn rilevanti.

Fejn l-operatur jew l-operatur ta’ inġenju tal-ajru ma junx ikkoreġa dawk in-nonkonformitajiet, skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012, il-verifikatur għandu jikkunsidra jekk l-omissjoni żżidx jew tistax iżżid ir-riskju ta’ dikjarazzjonijiet skorretti.

Il-verifikatur għandu jirrapporta fir-rapport ta’ verifika jekk dawn in-nonkonformitajiet ikunux ġew solvuti mill-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru.

2.   Il-verifikatur għandu jniżżel fid-dokumentazzjoni ta’ verifika interna dettalji ta’ meta u kif in-nonkonformitajiet identifikati jiġu solvuti mill-operatur jew mill-operatur ta’ inġenji tal-ajru waqt il-verifika.

Artikolu 30

Titjib tal-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar

1.   Meta l-verifikatur ikun identifika oqsma għal titjib fil-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru relatati mal-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu, il-verifikatur għandu jinkludi fir-rapport ta’ verifika rakkomandazzjonijiet għal titjib relatat mal-prestazzjoni tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru fuq dawk il-punti:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskji tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(b)

l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-dejta u l-attivitajiet ta’ kontroll kif ukoll l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kontroll;

(c)

l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta’ proċeduri għall-attivitajiet tal-fluss tad-dejta u l-attivitajiet ta’ kontroll kif ukoll proċeduri oħra li operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jistabbilixxi skont ir-Regolament (UE) Nru 601/2012;

(d)

il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet jew tunnellati kilometri, inkluż dawk li jirrigwardaw l-ilħiq ta’ livelli ogħla, it-tnaqqis tar-riskji u t-titjib tal-effiċjenza fil-monitoraġġ u r-rapportar.

2.   Waqt il-verifika wara sena li fiha r-rakkomandazzjonijiet għal titjib ikunu saru fir-rapport ta’ verifika, il-verifikatur għandu jivverifika jekk u l-mod kif l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun implimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet għal titjib.

Meta l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru ma jkunx implimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet jew ma jkunx implimentahom korrettament, il-verifikatur għandu jivvaluta l-impatt li dan għandu fuq ir-riskju li jsiru dikjarazzjonijiet skorretti u li jkun hemm nonkonformitajiet.

Artikolu 31

Verifika simplifikata għall-installazzjonijiet

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 21(1), il-verifikatur jista’ jiddeċiedi, soġġett għal approvazzjoni minn awtorità kompetenti skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, li ma jwettaqx żjarat fuq il-post ta’ installazzjonijiet abbażi tar-riżultat tal-analiżi tar-riskji u wara li jiddetermina li l-verifikatur ikun jista’ jkollu aċċess mill-bogħod għad-dejta rilevanti kollha u li l-kundizzjonijiet sabiex ma jsirux iż-żjarat fuq il-post stabbiliti mill-Kummissjoni jkunu ntlaħqu. Il-verifikatur għandu jgħarraf lill-operatur dwar dan mingħajr dewmien żejjed.

L-operatur għandu jissottometti applikazzjoni lill-awtorità kompetenti li biha jitlob lill-awtorità kompetenti sabiex tapprova d-deċiżjoni tal-verifikatur li ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post.

Meta tiġi sottomessa applikazzjoni mill-operatur ikkonċernat, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tad-deċiżjoni tal-verifikatur li ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post, billi tikkunsidra l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni pprovduta mill-verifikatur dwar ir-riżultat tal-analiżi tar-riskji;

(b)

informazzjoni li d-dejta rilevanti tista’ tkun aċċessibbli mill-bogħod;

(c)

evidenza li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 mhumiex applikabbli għall-installazzjoni;

(d)

evidenza li l-kundizzjonijet sabiex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post stabbiliti mill-Kummissjoni jiġu ssodisfati.

2.   L-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa għal eżenzjoni miż-żjarat fuq il-post għall-installazzjonijiet b’emissjonijiet baxxi msemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012.

3.   Il-verifikatur għandu jwettaq iż-żjarat fuq il-post fi kwalunkwe każ mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta rapport dwar l-emissjonijiet ta’ operatur jiġi verifikat għall-ewwel darba mill-verifikatur;

(b)

fejn verifikatur ma jkunx wettaq żjara fuq il-post f’żewġ perjodi ta’ rapportar immedjatament qabel il-perjodu attwali ta’ rapportar;

(c)

meta, waqt il-perjodu ta’ rapportar, ikun sar tibdil sinifikanti fil-pjan ta’ monitoraġġ inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 15(3) jew (4) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012.

Artikolu 32

Verifika simplifikata għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru

1.   Permezz ta’ deroga mil-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-Regolament, verifikatur jista’ jiddeċiedi li ma jwettaqx żjara fuq il-post ta’ emittent żgħir imsemmi fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 fejn il-verifikatur ikun ikkonkluda, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, li l-verifikatur ikun jista’ jkollu aċċess mill-bogħod għad-dejta rilevanti kollha.

2.   Fejn l-operatur ta’ inġenji tal-ajru juża l-għodod issemplifikati msemmija fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 biex jiddetermina l-konsum tal-karburant u d-dejta rrapportata tkun ġiet iġġenerata bl-użu ta’ dawk l-għodod b’mod indipendenti minn kwalunkwe input mill-operatur ta’ inġenji tal-ajru, il-verifikatur jista’, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, jiddeċiedi li ma jwettaqx il-verifiki msemmija fl-Artikoli 14, 16, 17(1), 17(2) u 18 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Pjanijiet ta’ verifika simplifikati

Fejn verifikatur juża pjan ta’ verifika simplifikat, il-verifikatur għandu jżomm reġistru tal-ġustifikazzjonijiet għall-użu ta’ pjanijiet bħal dawn fid-dokumentazzjoni tal-verifika interna, inkluż evidenza li l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ pjanijiet ta’ verifika simplifikati jkunu ntlaħqu.

KAPITOLU III

REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKATURI

Artikolu 34

Kampijiet ta’ applikazzjoni settorjali tal-akkreditazzjoni

Il-verifikatur għandu joħroġ biss rapport ta’ verifika lil operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru li jwettaq attività li tkun koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività msemmi fl-Anness I li għalih il-verifikatur ikun ingħata akkreditazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u dan ir-Regolament.

Artikolu 35

Proċess kontinwu ta’ kompetenza

1.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess ta’ kompetenza sabiex jiżgura li l-persunal kollu li jiġi fdat bl-attivitajiet ta’ verifika jkun kompetenti sabiex iwettaq il-kompiti li jiġu allokati lilu.

2.   Bħala parti mill-proċess ta’ kompetenza msemmi fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu tal-inqas jiddetermina, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm dan li ġej:

(a)

kriterji ġenerali ta’ kompetenza għall-persunal kollu li jkun qed iwettaq attivitajiet ta’ verifika;

(b)

kriterji speċifiċi ta’ kompetenza għal kull funzjoni tal-verifikatur li jkun qed iwettaq attivitajiet ta’ verifika, b’mod partikolari għall-awditur tal-EU ETS, l-awditur ewlieni tal-EU ETS, ir-riveditur indipendenti u l-espert tekniku;

(c)

metodu sabiex jiġu żgurati l-kompetenza kontinwa u l-evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni tal-persunal kollu li jwettaq attivitajiet ta’ verifika;

(d)

proċess sabiex jiġi żgurat taħriġ kontinwu tal-persunal li jkun qed iwettaq attivitajiet ta’ verifika;

(e)

proċess sabiex jiġi vvalutat jekk l-impenn ta’ verifika jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tal-verifikatur, u jekk il-verifikatur għandux il-kompetenza, il-persunal u r-riżorsi sabiex jagħżel il-grupp ta’ verifika u jlesti b’suċċess l-attivitajiet ta’ verifika fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ.

Il-kriterji ta’ kompetenza msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu speċifiċi għal kull kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni li fih dawn il-persuni jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet ta’ verifika.

Meta jkun qed jevalwa l-kompetenza tal-persunal skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-verifikatur għandu jivvaluta dik il-kompetenza meta mqabbla mal-kriterji ta’ kompetenza msemmija fil-punti (a) u (b);

Il-proċess imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandu jinkludi wkoll proċess sabiex jiġi vvalutat jekk il-grupp ta’ verifika jkollux il-kompetenzi u l-persuni kollha meħtieġa sabiex iwettaq attivitajiet ta’ verifika għal operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru speċifiku.

Il-verifikatur għandu jiżviluppa kriterji ta’ kompetenza ġenerali u speċifiċi li jkunu konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 36(4) u l-Artikoli 37, 38 u 39.

3.   F’intervalli regolari l-verifikatur għandu jimmonitorja l-prestazzjoni tal-persunal kollu li jkun qed iwettaq attivitajiet ta’ verifika għall-finijiet li tiġi kkonfermata l-kompetenza kontinwa ta’ dak il-persunal.

4.   F’intervalli regolari l-verifikatur għandu janalizza l-proċess ta’ kompetenza msemmi fil-paragrafu 1 sabiex jiżgura li:

(a)

il-kriterji ta’ kompetenza msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jiġu żviluppati skont ir-rekwiżiti ta’ kompetenza skont dan ir-Regolament;

(b)

il-kwistjonijiet kollha li jistgħu jiġu identifikati relatati mal-istabbiliment tal-kriterji ta’ kompetenza ġenerali u speċifiċi skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jiġu indirizzati;

(c)

ir-rekwiżiti kollha fil-proċess ta’ kompetenza jiġu aġġornati u miżmuma kif xieraq;

5.   Il-verifikatur għandu jkollu sistema sabiex jiddokumenta r-riżultati tal-attivitajiet imwettqa fil-proċess ta’ kompetenza msemmi fil-paragrafu 1.

6.   Evalwatur kompetenti biżżejjed għandu jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni ta’ awditur tal-EU ETS u awditur ewlieni tal-EU ETS.

Għal dak il-għan, l-evalwatur kompetenti għandu jimmonitorja dawk l-awdituri waqt il-verifika tar-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru fil-post tal-installazzjoni jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru, sabiex jiġi ddeterminat jekk jissodisfawx il-kriterji ta’ kompetenza.

7.   Meta membru tal-persunal jonqos milli juri li l-kriterji ta’ kompetenza għal kompitu speċifiku allokat lilu jew lilha jkunu ntlaħqu bis-sħiħ, il-verifikatur għandu jidentifika u jorganizza taħriġ addizzjonali jew esperjenza tax-xogħol sorveljata kif ukoll jimmonitorja lil dak l-individwu sakemm huwa jew hija juru b’sodisfazzjon tal-verifikatur li huwa jew hija jkunu laħqu l-kriterji ta’ kompetenza.

Artikolu 36

Gruppi ta’ verifika

1.   Għal kull impenn ta’ verifika partikolari, il-verifikatur għandu jlaqqa’ grupp ta’ verifika li kapaċi jwettaq l-attivitajiet ta’ verifika msemmija fil-Kapitolu II.

2.   Il-grupp ta’ verifika għandu jikkonsisti tal-inqas minn awditur ewlieni tal-EU ETS, u, fejn il-konklużjonijiet tal-verifikatur waqt il-verifika msemmija fl-Artikolu 8(1)(e) u l-analiżi strateġika jeħtieġu dan, għadd xieraq ta’ awdituri u esperti tekniċi tal-EU ETS.

3.   Għall-analiżi indipendenti tal-attivitajiet ta’ verifika relatati ma’ impenn partikolari ta’ verifika, il-verifikatur għandu jaħtar analizzatur indipendenti li ma għandux jagħmel parti mill-grupp ta’ verifika.

4.   Kull membru tal-grupp għandu:

(a)

ikollu fehim ċar tar-rwol tiegħu jew tagħha fil-proċess ta’ verifika;

(b)

ikun kapaċi jikkomunika b’mod effikaċi fl-ilsien meħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu jew tagħha.

5.   Il-grupp ta’ verifika għandu jinkludi tal-inqas persuna bil-kompetenza teknika u l-fehim meħtieġa sabiex tivvaluta l-aspetti tekniċi speċifiċi ta’ monitoraġġ u rapportar relatati mal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I li jitwettqu mill-installazzjoni jew operatur ta’ inġenji tal-ajru, u persuna waħda li tkun kapaċi tikkomunika bl-ilsien meħtieġ għall-verifika tar-rapport ta’ operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru fl-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq dik il-verifika.

6.   Meta l-grupp ta’ verifika jkun jikkonsisti minn persuna waħda, din il-persuna għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza kollha għall-awditur tal-EU ETS u l-awditur ewlieni tal-EU ETS u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

Artikolu 37

Rekwiżiti ta’ kompetenza għall-awdituri tal-EU ETS u l-awdituri ewlenin tal-EU ETS

1.   Awditur tal-EU ETS għandu jkollu l-kompetenza li jwettaq il-verifika. Għal dan il-għan, l-awditur tal-EU ETS għandu jkollu tal-inqas:

(a)

għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolament (UE) Nru 601/2012, dan ir-Regolament, l-istandards rilevanti, u leġiżlazzjoni oħra rilevanti, linji gwida applikabbli, kif ukoll linji gwida u leġiżlazzjoni oħra rilevanti maħruġa mill-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika;

(b)

għarfien u esperjenza tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni, inkluż:

(i)

il-metodoloġiji tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni, inkluż l-applikazzjoni tal-livell ta’ materjalità u l-valutazzjoni tal-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti;

(ii)

l-analiżi tar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll;

(iii)

tekniki ta’ kampjunar relatati mal-kampjunar tad-dejta u l-verifika tal-attivitajiet ta’ kontroll;

(iv)

il-valutazzjoni tas-sistemi tad-dejta u tal-informazzjoni, is-sistemi tal-IT, l-attivitajiet ta’ fluss tad-dejta, l-attivitajiet ta’ kontroll, is-sistemi ta’ kontroll u proċeduri għal attivitajiet ta’ kontroll.

(c)

il-ħila li jwettaq l-attivitajiet relatati mal-verifika tar-rapport tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru kif meħtieġ mill-Kapitolu II;

(d)

għarfien ta’ u esperjenza fl-aspetti speċifiċi għas-settur tal-monitoraġġ u r-rapportar tekniku li jkunu rilevanti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I li fihom l-awditur tal-EU ETS ikun qed iwettaq verifika.

2.   Awditur ewlieni tal-EU ETS għandu jilħaq ir-rekwiżiti ta’ kompetenza għal awditur tal-EU ETS u għandu jkun wera kompetenza fit-tmexxija ta’ grupp ta’ verifika u li jkun responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Rekwiżiti ta’ kompetenza għal analizzaturi indipendenti

1.   L-analizzatur indipendenti għandu jkollu l-awtorità xierqa li janalizza l-abbozz tar-rapport ta’ verifika u d-dokumentazzjoni tal-verifika interna skont l-Artikolu 25.

2.   L-analizzatur indipendenti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza tal-awditur ewlieni tal-EU ETS imsemmija fl-Artikolu 37(2).

3.   L-analizzatur indipendenti għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa sabiex janalizza l-informazzjoni pprovduta sabiex jikkonferma l-kompletezza u l-integrità tal-informazzjoni, sabiex jisfida l-informazzjoni nieqsa jew kontradittorja kif ukoll jivverifika t-traċċi tad-dejta għall-finijiet li jivverifika jekk id-dokumentazzjoni tal-verifika interna hijiex kompluta u tipprovdix informazzjoni biżżejjed sabiex tappoġġa l-abbozz tar-rapport ta’ verifika.

Artikolu 39

Użu tal-esperti tekniċi

1.   Meta jkun qed iwettaq l-attivitajiet ta’ verifika, verifikatur jista’ juża esperti tekniċi biex jipprovdi għarfien dettaljat u għarfien espert dwar suġġett speċifiku meħtieġa biex jappoġġaw lill-awditur tal-EU ETS u lill-awditur ewlieni tal-EU ETS fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika tagħhom.

2.   Fejn l-analizzatur indipendenti ma jkollux il-kompetenza li jivvaluta kwistjoni partikolari fil-proċess tal-analiżi, il-verifikatur għandu jitlob l-appoġġ ta’ espert tekniku.

3.   L-espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza u l-ħiliet meħtieġa sabiex jappoġġa lill-awditur tal-EU ETS u lill-awditur ewlieni tal-EU ETS, jew l-analizzatur indipendenti, fejn ikun meħtieġ, b’mod effikaċi dwar is-suġġett li għalih l-għarfien u l-kompetenza tiegħu jew tagħha jkunu meħtieġa. Minbarra dan l-espert tekniku għandu jkollu fehim biżżejjed tal-kwistjonijiet meħtieġa skont il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 37(1).

4.   L-espert tekniku għandu jwettaq kompiti speċifiċi taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-awditur ewlieni tal-EU ETS tal-grupp ta’ verifika li fih ikun qed jopera l-espert tekniku jew tar-riveditur indipendenti.

Artikolu 40

Proċeduri għall-attivitajiet ta’ verifika

1.   Verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura waħda jew aktar għall-attivitajiet ta’ verifika kif deskritt fil-Kapitolu II, u l-proċeduri u l-proċessi meħtieġa mill-Anness II. Meta jistabbilixxi u jimplimenta dawk il-proċeduri u l-proċessi, il-verifikatur għandu jwettaq l-attivitajiet skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

2.   Verifikatur għandu jiddisinja, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità sabiex jiżgura żvilupp, implimentazzjoni, titjib u analiżi konsistenti tal-proċeduri u l-proċessi msemmija fil-paragrafu 1 skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

Artikolu 41

Reġistri u komunikazzjoni

1.   Verifikatur għandu jżomm reġistri, inkluż reġistri dwar il-kompetenza u l-imparzjalità tal-persunal, sabiex juri konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-verifikatur għandu fuq bażi regolari jagħmel informazzjoni disponibbli lill-operatur u lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru u partijiet oħra rilevanti skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

3.   Verifikatur għandu jissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba waqt il-verifika skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

Artikolu 42

Imparzjalità u indipendenza

1.   Verifikatur għandu jkun indipendenti minn operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru u għandu jkun imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ verifika tiegħu.

Għal dak il-għan, il-verifikatur u kwalunkwe parti tal-istess entità legali ma għandux ikun operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru, il-proprjetarju ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru jew ikun il-proprjetà tagħhom u l-verifikatur lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet mal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru li jkunu jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu Il-verifikatur għandu jkun ukoll indipendenti minn korpi li jkunu qegħdin jinnegozjaw kwoti ta’ emissjonijiet taħt l-iskema għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbilita skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Verifikatur għandu jkun organizzat b’tali mod li jissalvagwardja l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

3.   Verifikatur ma għandux iwettaq attivitajiet ta’ verifika għal operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru li joħolqu riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità tal-verifikatur jew li joħolqu konfiltt ta’ interessi għall-verifikatur. Il-verifikatur ma għandux juża membri tal-persunal jew persuni kuntrattati fil-verifika tar-rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru li tinvolvi kunflitt ta’ interess efffettiv jew potenzjali. Il-verifikatur għandu jiżgura wkoll li l-attivitajiet tal-persunal jew tal-organizzazzjonijiet ma jafettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-verifika.

Għandu jiġi kkunsidrat li jkun irriżulta riskju inaċċettabbli jew konflitt ta’ interessi msemmija fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

(a)

fejn verifikatur jew kwalunkwe parti mill-istess entità legali jipprovdu servizzi ta’ konsulenza għall-iżvilupp ta’ parti tal-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar li hija deskritta fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti, inkluż l-iżvilupp tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ, it-tħejjija tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru u t-tħejjija tal-pjan ta’ monitoraġġ;

(b)

fejn verifikatur jew kwalunkwe parti tal-istess entità legali jipprovdu assistenza teknika għall-iżvilupp jew iż-żamma tas-sistema implimentata għall-monitoraġġ u r-rapportar tad-dejta tal-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri.

4.   Għandu jiġi kkunsidrat li jkun irriżulta konflitt ta’ interessi għall-verifikatur fir-relazzjonijiet bejnu u operatur jew operatur ta’ inġenju tal-ajru fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

(a)

fejn ir-relazzjoni bejn il-verifikatur u l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru tkun ibbażata fuq sjieda komuni, governanza komuni, ġestjoni jew persunal komuni, riżorsi kondiviżi, finanzi komuni u kuntratti jew kummerċjalizzazzjoni komuni;

(b)

fejn l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun irċieva konsulenza msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 jew assistenza teknika msemmija fil-punt (b) ta’ dak il-paragrafu minn korp ta’ konsulenza, korp tal-assistenza teknika jew organizzazzjoni oħra li jkollha relazzjonijiet mal-verifikaturi u tkun qiegħda thedded l-imparzjalità tal-verifikatur.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-imparzjalità tal-verifikatur għandha tiġi kkunsidrata kompromessa jekk ir-relazzjonijiet bejn il-verifikatur u l-korp ta’ konsulenza, il-korp tal-assistenza teknika jew l-organizzazzjoni l-oħra jkunu bbażati fuq sjieda komuni, governanza komuni, ġestjoni jew persunal komuni, riżorsi kondiviżi, finanzi komuni, kuntratti jew kummerċjalizzazzjoni komuni u ħlas komuni tal-inkarigi tal-bejgħ jew tħajjir ieħor għar-referenza ta’ klijenti ġodda.

5.   Verifikatur ma għandux jesternalizza l-analiżi indipendenti jew il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regoalment, meta jkun qed jesternalizza attivitajiet oħra ta’ verifika, il-verifikatur għandu jilħaq ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

Madankollu, l-ikkuntrattar ta’ individwi sabiex iwettqu attivitajiet ta’ verifika ma għandux jikkostitwixxi esternalizzazzjoni għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu fejn il-verifikatur, meta jkun qed jikkuntratta lil dawk il-persuni, jilħaq ir-rekwiżiti rilevanti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

6.   Verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess sabiex jiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi tal-verifikatur, partijiet tal-istess entità legali bħall-verifikatur, organizzazzjonijiet oħra msemmija fil-paragrafu 4, u tal-persunal u tal-persuni kollha kkuntrattati involuti fil-verifika. Dak il-proċess għandu jinkludi mekkaniżmu għas-salvagwardja tal-imparzjalità u l-indipendenza tal-verifikatur u għandu jilħaq ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

KAPITOLU IV

AKKREDITAZZJONI

Artikolu 43

Akkreditazzjoni

Verifikatur li jkun qed joħroġ rapport ta’ verifika lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jiġi akkreditat għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I li għalih il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika tar-rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru.

Artikolu 44

Għanijiet tal-akkreditazzjoni

Waqt il-proċess tal-akkreditazzjoni u l-monitoraġġ tal-verifikaturi akkreditati, kull korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jivvaluta jekk il-verifikatur u l-persunal tiegħu li jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet ta’ verifika:

(a)

għandhomx il-kompetenza li jwettqu l-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament;

(b)

humiex qegħdin iwettqu l-verifika tar-rapporti tal-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament;

(c)

jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-Kapitolu III.

Artikolu 45

Talba għal akkreditazzjoni

1.   Kwalunkwe persuna legali jew entità legali oħra tista’ titlob akkreditazzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni mitluba abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, applikant għandu wkoll, qabel il-bidu tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 44, jagħmel disponibbli lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni kollha mitluba mill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni;

(b)

il-proċeduri u l-informazzjoni li jikkonċernaw il-proċessi msemmija fl-Artikolu 40(1) u l-informazzjoni dwar is-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 40(2);

(c)

il-kriterji ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 35(2)(a) u (b), ir-riżultati tal-proċess ta’ kompetenza msemmi fl-Artikolu 35 kif ukoll dokumentazzjoni rilevanti oħra dwar il-kompetenza tal-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta’ verifika;

(d)

informazzjoni dwar il-proċess sabiex jiġu żgurati imparzjalità u indipendenza kontinwi msemmija fl-Artikolu 42(6), inkluż ir-reġistri rilevanti dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-applikant u l-persunal tiegħu;

(e)

informazzjoni dwar l-esperti tekniċi u l-persunal ewlieni involut fil-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru;

(f)

is-sistema u l-proċess sabiex tiġi żgurata dokumentazzjoni tal-verifika interna;

(g)

reġistri oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 41(1).

Artikolu 46

Preparazzjoni għall-valutazzjoni

1.   Meta jkun qed jipprepara l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 44, kull korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jikkunsidra l-kumplessità tal-kamp ta’ applikazzjoni li għalih l-applikant jitlob akkreditazzjoni kif ukoll il-kumplessità tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 40(2), il-proċeduri u l-informazzjoni dwar il-proċessi msemmija fl-Artikolu 40(1) u ż-żoni ġeografiċi li fihom l-applikant ikun qed iwettaq jew ikun qed jippjana li jwettaq verifika.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jilħaq ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 47

Valutazzjoni

1.   Il-grupp ta’ valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 57 għandu jwettaq tal-inqas l-attivitajiet li ġejjin għall-finijiet li jwettaq il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 44:

(a)

analiżi tad-dokumenti u r-reġistri kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 45;

(b)

żjara tal-post tal-applikant sabiex janalizza kampjun rappreżentattiv tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna u jivvaluta l-implimentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità tal-verifikatur u l-proċeduri jew il-proċessi msemmija fl-Artikolu 40;

(c)

xhud ta’ parti rappreżentattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni mitlub għall-akkreditazzjoni u l-prestazzjoni u l-kompetenza ta’ għadd rappreżentattiv tal-persunal tal-applikant involut fil-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru sabiex jiġi żgurat li l-persunal ikun qed jopera skont dan ir-Regolament.

Meta jkun qed iwettaq dawk l-attivitajiet, il-grupp tal-valutazzjoni għandu jilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

2.   Il-grupp ta’ valutazzjoni għandu jirrapporta s-sejbiet u n-nonkonformitajiet lill-applikant skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III u għandu jitlob lill-applikant sabiex iwieġeb dwar is-sejbiet u n-nonkonformitajiet irrapportati skont dawk id-dispożizzjonijiet.

3.   Applikant għandu jieħu azzjoni korrettiva sabiex jindirizza kwalunkwe nonkonformitajiet irrapportati skont il-paragrafu 2 u jindika fit-tweġiba tiegħu għas-sejbiet u n-nonkonformitajiet tal-grupp ta’ valutazzjoni liema azzjonijiet jittieħdu jew ikun ippjanat li se jittieħdu fi żmien stabbilit mill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni sabiex tiġi solvuta kwalunkwe nonkonformità identifikata.

4.   Il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu janalizza t-tweġibiet tal-applikant għas-sejbiet u n-nonkonformitajiet sottomessi skont il-paragrafu 3.

Meta l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jsib li t-tweġiba tal-applikant ma tkunx suffiċjenti jew inefffettiva, għandu jitlob iżjed informazzjoni jew azzjoni mill-applikant. Barra dan, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jista’ jitlob ukoll evidenza tal-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet meħuda jew iwettaq valutazzjoni ta’ segwitu sabiex jivvaluta l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi.

Artikolu 48

Deċiżjoni dwar l-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jikkunsidra r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III meta jkun qed iħejji u jieħu d-deċiżjoni dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid tal-akkreditazzjoni ta’ applikant.

2.   Meta l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jkun iddeċieda li jagħti, jestendi jew iġedded l-akkreditazzjoni ta’ applikant, huwa għandu joħroġ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni għal dak l-effett.

Iċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni għandu tal-inqas jinkludi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-bażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Iċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni għandu jkun validu għal perjodu li ma jaqbiżx il-ħames snin wara d-data li fiha l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jkun ħareġ dak iċ-ċertifikat.

Artikolu 49

Sorveljanza

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jwettaq sorveljanza annwali ta’ kull verifikatur li jkun inħariġlu ċertifikat tal-akkreditazzjoni.

Is-sorveljanza għandha tal-inqas tkun magħmula minn:

(a)

żjara fuq il-post tal-verifikatur bl-għan li jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 47(1)(b);

(b)

xhud tal-prestazzjoni u l-kompetenza ta’ għadd rappreżentattiv tal-persunal tal-verifikatur skont l-Artikolu 47(1)(c).

2.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jwettaq l-ewwel sorveljanza ta’ verifikatur skont il-paragrafu 1 mhux iktar tard minn 12-il xahar wara d-data li fiha ċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni jkun inħareġ lill-verifikatur.

3.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jħejji l-pjan tiegħu għas-sorveljanza ta’ kull verifikatur b’mod li jippermetti l-valutazzjoni tal-kampjuni rappreżentattivi tal-kamp tal-akkreditazzjoni, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

4.   Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax jew le l-kontinwazzjoni tal-akkreditazzjoni.

5.   Meta verifikatur iwettaq verifika fi Stat Membru ieħor, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita l-verifikatur jista’ jitlob lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn titwettaq il-verifika sabiex iwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 50

Rivalutazzjoni

1.   Qabel l-iskadenza taċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jwettaq rivalutazzjoni tal-verifikatur li jkun inħariġlu ċertifikat tal-akkreditazzjoni mill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali, sabiex jiddetermina jekk il-validità ta’ dak iċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni tkunx tista’ tiġi estiża.

2.   Il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jipprepara l-pjan tiegħu għar-rivalutazzjoni ta’ kull verifikatur b’mod li kampjuni rappreżentattivi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni jkunu jistgħu jiġu vvalutati. Waqt l-ippjanar u t-twettiq tas-sorveljanza, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 51

Valutazzjoni straordinarja

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jista’ jwettaq valutazzjoni straordinarja tal-verifikatur fi kwalunkwe żmien sabiex jiżgura li l-verifikatur ikun qed jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet li l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jkun jista’ jevalwa l-ħtieġa għal valutazzjoni straordinarja, il-verifikatur għandu jgħarraf lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali minnufih bi kwalunkwe tibdil sinifikanti rilevanti għall-akkreditazzjoni tiegħu dwar kwalunkwe aspett tal-istat jew l-operat tiegħu. It-tibdil sinifikanti għandu jinkludi dak it-tibdil imsemmi fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III. It-tibdil sinifikanti għandu jinkludi dak it-tibdil imsemmi fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 52

Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni

Il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu, bħala tweġiba għal applikazzjoni minn verifikatur għal estensjoni tal-kamp ta’ apllikazzjoni ta’ akkreditazzjoni mogħtija, iwettaq l-attivitajiet meħtieġa sabiex jiddetermina jekk il-verifikatur jilħaqx jew le ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44 għall-estensjoni mitluba tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-akkreditazzjoni.

Artikolu 53

Miżuri amministrattivi

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jista’ jissospendi, jirtira jew inaqqas akkreditazzjoni ta’ verifikatur fejn il-verifikatur ma jilħaqx ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jissospendi, jirtira jew inaqqas akkreditazzjoni ta’ verifikatur fejn il-verifikatur jitlob dan.

Il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura għas-sospensjoni tal-akkreditazzjoni, l-irtirar tal-akkreditazzjoni u t-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni.

2.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jissospendi akkreditazzjoni, jew jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-verifikatur ikun wettaq ksur serju tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-verifikatur ikun naqas b’mod persistenti u ripetut li jilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(c)

il-verifikatur ikun kiser termini u kundizzjonijiet speċifiċi oħra tal-korp tal-akreditazzjoni nazzjonali.

3.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jirtira l-akkreditazzjoni fejn:

(a)

il-verifikatur ikun naqas milli jirrimedja r-raġunijiet għal deċiżjoni ta’ sospensjoni taċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni;

(b)

membru tal-ġestjoni superjuri tal-verifikatur ikun instab ħati ta’ frodi;

(c)

il-verifikatur ikun ipprovda intenzjonalment informazzjoni falsa.

4.   Id-deċiżjoni ta’ korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jissospendi, jirtira jew inaqqas l-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3 tista’ tiġi soġġetta għal appell.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ dawk l-appelli.

5.   Id-deċiżjoni ta’ korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jissospendi, jirtira jew inaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni għandu jkollha effett immedjat wara n-notifika tagħha lill-verifikatur.

Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jtemm is-sospensjoni ta’ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni fejn ikun irċieva informazzjoni sodisfaċenti u jkun fiduċjuż li l-verifikatur jilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

REKWIŻITI LI JIKKONĊERNAW IL-KORPI TAL-AKKREDITAZZJONI GĦALL-AKKREDITAZZJONI TAL-VERIFIKATURI ETS

Artikolu 54

Korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni

1.   Il-kompiti relatati mal-akkreditazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu minn korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jippermetti ċ-ċertifikazzjoni ta’ verifikaturi li jkunu persuni naturali, skont dan ir-Regolament, il-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni ta’ dawk il-verifikaturi għandhom jiġu fdati lil awtorità nazzjonali minbarra l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali maħtur skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.   Fejn Stat Membru jiddeċiedi li juża l-opzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, huwa għandu jiżgura li l-awtorità nazzjonali kkonċernata tilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikolu 70, u tipprovdi l-evidenza dokumentarja meħtieġa skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

4.   Korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jkun membru tal-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament.

5.   Korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jiġi fdat bl-operat ta’ akkreditazzjoni bħala attività ta’ awtorità pubblika u jingħata rikonoxximent formali mill-Istat Membru, fejn l-akkreditazzjoni ma tiġix operata direttament mill-awtoritajiet pubbliċi.

6.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 55

Akkreditazzjoni transkonfinali

Meta Stat Membru jikkunsidra li l-ħatra ta’ korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jew l-għoti ta’ servizzi tal-akkreditazzjoni kif mifhum fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE ma jagħmlux sens mill-aspett ekonomiku jew ma jkunux sostenibbli, dak l-Istat Membru għandu jitħalla jirrikorri għand il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 56

Indipendenza u imparzjalità

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jiġi organizzat b’mod li jiggarantixxi l-indipendenza sħiħa tiegħu mill-verifikaturi li jivvaluta u l-imparzjalità tiegħu fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ akkreditazzjoni tiegħu.

2.   Għal dan il-għan, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali ma għandu joffri jew jipprovdi l-ebda attività jew servizz li jipprovdi verifikatur, u lanqas ma għandu jipprovdi servizzi ta’ konsulenza, ikun il-proprjetarju ta’ ishma f’verifikatur jew ikollu interess finanzjarju jew maniġerjali f’verifikatur.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 54(2), l-istruttura, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandhom ikunu distinti b’mod ċar minn dawk tal-awtorità kompetenti u minn dawk ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra.

4.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jieħu d-deċiżjonijiet finali kollha dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi.

Madankollu, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jista’ jissottokuntratta ċerti attivitajiet, soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 57

Grupp ta’ valutazzjoni

1.   Il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jaħtar grupp ta’ valutazzjoni għal kull valutazzjoni partikolari.

2.   Il-grupp ta’ valutazzjoni għandu jikkonsisti minn assessur ewlieni u, fejn ikun meħtieġ, għadd xieraq ta’ assessuri jew esperti tekniċi għal kamp ta’ applikazzjoni speċifiku ta’ akkreditazzjoni.

Il-grupp ta’ valutazzjoni għandu jinkludi tal-inqas persuna waħda bl-għarfien tal-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 li jkunu rilevanti għall-kamp tal-akkreditazzjoni u l-kompetenza u l-fehim meħtieġa għall-valutazzjoni tal-attivitajiet ta’ verifika fl-installazzjoni jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għal dak il-kamp ta’ applikazzjoni, u mill-inqas persuna waħda bl-għarfien tal-leġiżlazzjoni u l-gwida nazzjonali rilevanti.

Artikolu 58

Rekwiżiti ta’ kompetenza għall-assessuri

1.   Assessur għandu jkollu l-kompetenza li jwettaq attivitajiet meħtieġa mill-Kapitolu IV meta jkun qed jivvaluta l-verifikatur. Għal dak il-għan, l-assessur għandu:

(a)

jilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 imsemmi fl-Anness III;

(b)

jkollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolament (UE) Nru 601/2012, dan ir-Regolament, l-istandards rilevanti, u leġiżlazzjoni rilevanti oħra kif ukoll linji gwida applikabbli;

(c)

ikollu għarfien tal-awditjar tad-dejta u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1)(b) ta’ dan ir-Regolament miksub permezz ta’ taħriġ jew aċċess għal persuna li jkollha għarfien u esperjenza ta’ dejta u informazzjoni bħal dawn.

2.   Assessur ewlieni għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza msemmija fil-paragrafu 1, ikun wera kompetenza sabiex imexxi grupp ta’ valutazzjoni u jkun responsabbli għat-twettiq ta’ valutazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-analizzaturi interni u l-persuni li jkunu qegħdin jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid ta’ akkreditazzjoni, minbarra r-rekwiżiti ta’ kompetenza li jinsabu fil-paragrafu 1, għandu jkollhom għarfien u esperjenza biżżejjed sabiex jevalwaw l-akkreditazzjoni.

Artikolu 59

Esperti tekniċi

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jista’ jinkludi esperti tekniċi fil-grupp ta’ valutazzjoni sabiex jipprovdi għarfien dettaljat u għarfien espert dwar suġġett speċifiku meħtieġ sabiex jappoġġa l-assessur ewlieni jew l-assessur fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ valutazzjoni.

2.   Espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa sabiex jappoġġja lill-assessur ewlieni u lill-assessur b’mod effikaċi dwar is-suġġett li għalih jintalbu l-għarfien u l-kompetenza tiegħu jew tagħha. Barra dan, l-espert tekniku għandu:

(a)

jkollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolament (UE) Nru 601/2012, dan ir-Regolament, l-istandards rilevanti, u leġiżlazzjoni rilevanti oħra kif ukoll linji gwida applikabbli;

(b)

ikollu fehim biżżejjed tal-attivitajiet ta’ verifika.

3.   Espert tekniku għandu jwettaq kompiti speċifiċi taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-assessur ewlieni tal-grupp ta’ valutazzjoni kkonċernat.

Artikolu 60

Proċeduri

Il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 61

Ilmenti

Fejn il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jkun irċieva ilment dwar il-verifikatur mill-awtorità kompetenti, l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru, jew partijiet interessati oħra, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu, fi żmien raġonevoli:

(a)

jiddeċiedi dwar il-validità tal-ilment;

(b)

jiżgura li l-verifikatur ikkonċernat jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu;

(c)

jieħu azzjonijiet xierqa biex jindirizza l-ilmenti;

(d)

jiddokumenta l-ilment u l-azzjoni meħuda; u

(e)

iwieġeb għall-ilment.

Artikolu 62

Reġistri u dokumentazzjoni

Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jżomm reġistri dwar kull persuna involuta fil-proċess tal-akkreditazzjoni. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu reġistri relatati ma’ kwalifiki, taħriġ, esperjenza, imparzjalità u kompetenza rilevanti meħtieġa sabiex tintwera konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 63

Aċċess għall-informazzjoni u l-kunfidenzjalità

1.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu, fuq bażi regolari, jagħmel disponibbli għall-pubbliku u jaġġorna l-informazzjoni miksuba fil-proċess tal-attivitajiet tal-akkreditazzjoni tiegħu.

2.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu, skont il-punt 4 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jagħmel arranġamenti adegwati għas-salvagwardja, kif xieraq, tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

Artikolu 64

Evalwazzjoni minn pari

1.   Il-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandhom jissottomettu lilhom infushom għal evalwazzjoni minn pari.

L-evalwazzjoni minn pari għandha tiġi organizzata mill-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Il-korp imsemmi taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jimplimenta kriterji xierqa ta’ evalwazzjoni minn pari u proċess ta’ evalwazzjoni minn pari effikaċi u indipendenti sabiex jiġi vvalutat jekk:

(a)

il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun soġġett għal evalwazzjoni minn pari, ikunx wettaq l-attivitajiet ta’ akkreditazzjoni skont il-Kapitolu IV;

(b)

il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun soġġett għal evalwazzjoni minn pari jkunx issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Il-kriterji għandhom jinkludu rekwiżiti ta’ kompetenza għal evalwaturi u gruppi ta’ evalwazzjoni minn pari li jkunu speċifiċi għall-iskema għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE.

3.   Il-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jippubblika u jikkomunika r-riżultat tal-evalwazzjoni minn pari ta’ korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri jew il-punt fokali msemmi fl-Artikolu 69(2).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, fejn korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jkun issupera evalwazzjoni minn pari organizzata mill-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jiġi eżentat milli jiġi sottopost għal evalwazzjoni minn pari ġdida wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk ikun jista’ juri konformità ma’ dan ir-Regolament.

Għal dak il-għan, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali kkonċernat għandu jissottometti talba u d-dokumentazzjoni meħtieġa lill-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Il-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet għall-għotja ta’ eżenzjoni jkunux intlaħqu.

L-eżenzjoni għandha tapplika għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali.

5.   L-awtorità nazzjonali fdata, skont l-Artikolu 54(2), bil-kompiti relatati maċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi li huma persuni naturali, skont dan ir-Regolament għandha tilħaq livell ta’ kredibbiltà ekwivalenti għal dak tal-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkunu ssuperaw evalwazzjoni minn pari.

Għal dak il-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu, immedjatament wara d-deċiżjonijiet tiegħu li jawtorizzaw lill-awtorità nazzjonali li twettaq ċertifikazzjoni, jipprovdi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra bl-evidenza dokumentarja rilevanti kollha. L-ebda awtorità nazzjonali ma għandha tiċċertifika verifikaturi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament qabel ma l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi dik l-evidenza dokumentarja.

L-Istat Membru kkonċernat għandu janalizza b’mod perjodiku l-funzjonament tal-awtorità nazzjonali bl-għan li jiżgura li tkompli tilħaq il-livell imsemmi qabel ta’ kredibbiltà u jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 65

Azzjoni korrettiva

1.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali tagħhom f’intervalli regolari sabiex jiżguraw li jilħqu r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa, b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni minn pari mwettqa skont l-Artikolu 64.

2.   Fejn korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali ma jilħaqx ir-rekwiżiti jew jonqos milli jilħaq l-obbligi tiegħu, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu azzjoni korrettiva xierqa jew għandu jiżgura li azzjoni korrettiva bħal din tittieħed, u jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 66

Rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi mogħtija minn dawk il-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkunu ssuperaw evalwazzjoni minn pari. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi akkreditati minn dawk il-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali u jirrispettaw id-dritt tal-verifikaturi li jwettqu verifiki għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tagħhom.

2.   Fejn korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali ma jkunx ġie sottopost għall-proċess komplut tal-evalwazzjoni minn pari qabel il-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi akkreditati minn dak il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali bil-kundizzjoni li l-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 765/2008 jkun beda evalwazzjoni minn pari għal dak il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali u ma jkun identifika l-ebda nonkonformità tal-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali ma’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn iċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi titwettaq minn awtorità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 54(2), l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikat maħruġ minn awtorità bħal din u jirrispettaw id-dritt ta’ verifikaturi ċċertifikati li jwettqu verifiki għall-kamp tal-applikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tagħhom.

Artikolu 67

Monitoraġġ tas-servizzi mogħtija

Fejn Stat Membru jkun stabbilixxa, waqt spezzjoni mwettqa skont l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2006/123/KE, li verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti jew il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita l-verifikatur.

Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita l-verifikatur għandu jikkunsidra l-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni bħala lment kif mifhum fl-Artikolu 61 ta’ dan ir-Regolament u għandu jieħu azzjoni xierqa u jwieġeb lill-awtorità kompetenti jew il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 72(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 68

Skambju ta’ dejta elettronika u użu ta’ sistemi awtomati

1.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-verifikaturi jużaw mudelli elettroniċi jew formats speċifiċi ta’ fajls għar-rapporti ta’ verifika skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012.

2.   Jistgħu jsiru disponibbli mudelli elettroniċi standardizzati jew speċifikazzjonijiet ta’ format ta’ fajls sabiex jiġi sottomess rapport ta’ verifika u għal tipi oħra ta’ komunikazzjoni bejn l-operatur, l-operatur ta’ inġenji tal-ajru, il-verifikatur, l-awtorità kompetenti u l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012.

KAPITOLU VI

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 69

Skambju ta’ informazzjoni u punti fokali

1.   L-Istat Membru għandu jistabbilixxi skambju effikaċi ta’ informazzjoni xierqa u kooperazzjoni effikaċi bejn il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali, jew fejn applikabbli, l-awtorità nazzjonali fdata biċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi, u l-awtorità kompetenti tagħhom.

2.   Fejn tinħatar iżjed minn awtorità kompetenti waħda skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/87/KE fi Stat Membru, l-Istat Membru għandu jawtorizza waħda minn dawk l-awtoritajiet kompetenti bħala l-punt fokali għall-iskambju ta’ informazzjoni, għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u għall-attivitajiet imsemmija f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 70

Programm ta’ ħidma ta’ akkreditazzjoni u rapport dwar il-ġestjoni

1.   Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jagħmel disponibbli programm ta’ ħidma tal-akkreditazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru li jkun jinkludi l-lista ta’ verifikaturi akkreditati minn dak il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali u li jkunu nnotifikawh skont l-Artikolu 76 li huma għandhom il-ħsieb li jwettqu verifiki f’dawk l-Istati Membri. Il-programm ta’ ħidma tal-akkreditazzjoni għandu tal-inqas jinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur:

(a)

il-ħin u l-post maħsuba tal-verifika;

(b)

informazzjoni dwar attivitajiet li l-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni jkun ippjana għal dak il-verifikatur, b’mod partikolari attivitajiet ta’ sorveljanza u rivalutazzjoni;

(c)

id-dati ta’ awditi b’xhieda previsti li jkollhom jitwettqu mill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali sabiex jiġi vvalutat il-verifikatur inkluż l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ operaturi jew operaturi ta’ inġenji tal-ajru li tkun se ssirilhom żjara waqt l-awditu b’xhieda;

(d)

informazzjoni dwar jekk il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni jkunx talab lill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni mill-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun qed iwettaq l-awditu, biex jitwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza.

2.   Wara s-sottomissjoni tal-programm ta’ ħidma tal-akkreditazzjoni skont il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż kwalunkwe leġiżlazzjoni jew linji gwida nazzjonali rilevanti.

3.   Sal-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni għandu jagħmel disponibbli rapport dwar il-ġestjoni lill-awtorità kompetenti. Ir-rapport dwar il-ġestjoni għandu tal-inqas jinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur li jkun ġie akkreditat minn dan il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali:

(a)

id-dettalji tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi li jkunu għadhom kif ġew akkreditati minn dak il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni għal dawn il-verifikaturi;

(b)

kwalunkwe tibdil tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni għal dawn il-verifikaturi;

(c)

sommarji tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ rivalutazzjoni mwettqa mill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni;

(d)

sommarju tar-riżultati ta’ valutazzjonijiet straordinarji li jkunu saru, inkluż ir-raġunijiet għalfejn ikunu nbdew valutazzjonijiet straordinarji bħal dawn;

(e)

kwalunkwe lment iffajljat kontra verifikatur sa mill-aħħar rapport dwar il-ġestjoni u l-azzjonijiet meħuda mill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni.

Artikolu 71

Skambju ta’ informazzjoni dwar miżuri amministrattivi

Fejn il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jkun impona miżuri amministrattivi fuq il-verifikatur skont l-Artikolu 53 jew fejn tkun ġiet terminata sospensjoni tal-akkreditazzjoni jew deċiżjoni f’appell tkun reġġgħet lura d-deċiżjoni ta’ korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali sabiex jiġu imposti l-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 53, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jgħarraf lill-partijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun akkreditat;

(b)

l-awtorità kompetenti u l-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni ta’ kull Stat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifiki.

Artikolu 72

Skambju ta’ informazzjoni minn awtorità kompetenti

1.   Kull sena l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika għandha tgħarraf lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita lil dak il-verifikatur tal-inqas b’dan li ġej:

(a)

ir-riżultati rilevanti mill-verifika tar-rapport tal-operatur u l-operatur ta’ inġenji tal-ajru u r-rapporti ta’ verifika, b’mod partikolari bi kwalunkwe nonkonformità identifikata ta’ dak il-verifikatur ma’ dan ir-Regolament;

(b)

ir-riżultati mill-ispezzjoni tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru fejn dawn ir-riżultati jkunu rilevanti għall-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jikkonċerna l-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikatur jew fejn dawn ir-riżultati jinkludu kwalunkwe nonkonformità identifikata ta’ dak il-verifikatur ma’ dan ir-Regolament;

(c)

ir-riżultati mill-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna ta’ dak il-verifikatur fejn l-awtorità kompetenti tkun evalwat id-dokumentazzjoni tal-verifika interna skont l-Artikolu 26(3);

(d)

l-ilmenti li jkunu waslu għand l-awtorità kompetenti dwar il-verifikatur.

2.   Fejn l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tipprovdi evidenza li l-awtorità kompetenti tkun identifikat in-nonkonformità tal-verifikatur ma’ dan ir-Regolament, il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jikkunsidra l-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni bħala lment mill-awtorità kompetenti li jikkonċerna dak il-verifikatur kif mifhum fl-Artikolu 61.

Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jieħu azzjoni xierqa sabiex jindirizza informazzjoni bħal din u jwieġeb lill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tagħha. Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti fit-tweġibiet tiegħu bl-azzjoni li jkun ħa u, fejn rilevanti, bil-miżuri amministrattivi imposti fuq il-verifikatur.

Artikolu 73

Skambju ta’ informazzjoni dwar is-sorveljanza

1.   Fejn il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika jkun ġie mitlub, skont l-Artikolu 49(5) li jwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza, dak il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita l-verifikatur, minbarra jekk ikun ġie miftiehem mod ieħor bejn iż-żewġ korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali.

2.   Il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita l-verifikatur għandu jikkunsidra s-sejbiet imsemmija fil-paragrafu 1 meta jkun qed jivvaluta jekk il-verifikatur jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.   Fejn is-sejbiet imsemmija fil-paragrafu 1 juru evidenza li l-verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni li jkun akkredita l-verifikatur għandu jieħu azzjoni xierqa skont dan ir-Regolament u għandu jgħarraf lill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni li jkun wettaq attivitajiet ta’ sorveljanza dwar:

(a)

liema azzjoni tkun ittieħdet mill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni li jkun akkredita l-verifikatur;

(b)

fejn ikun xieraq, kif is-sejbiet ikunu ġew solvuti mill-verifikatur;

(c)

fejn ikun rilevanti, liema miżuri amministrattivi jkunu ġew imposti fuq il-verifikatur.

Artikolu 74

Skambju ta’ informazzjoni ma’ Stat Membru fejn il-verifikatur ikun stabbilit

Fejn verifikatur ikun ingħata akkreditazzjoni minn korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali fi Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun stabbilit, il-programm ta’ ħidma tal-akkreditazzjoni, ir-rapport dwar il-ġestjoni u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 70, kif ukoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 71, għandhom jiġu pprovduti wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun stabbilit.

Artikolu 75

Bażijiet tad-dejta tal-verifikaturi akkreditati

1.   Il-korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali, jew fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 54(2), għandhom jistabbilixxu u jiġġestixxu bażi tad-dejta u jippermettu aċċess għal dik il-bażi tad-dejta lil korpi tal-akkreditazzjoni nazzjonali, awtoritajiet nazzjonali, verifikaturi, operaturi, operaturi ta’ inġenji tal-ajru u awtoritajiet kompetenti oħra.

Il-korp rikonoxxut taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiffaċilita u jarmonizza l-aċċess għall-bażijiet tad-dejta bl-għan li tiġi permessa komunikazzjoni effiċjenti u kosteffettiva bejn il-korpi nazzjonali tal-akkreditazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali, il-verifikaturi, l-operaturi, l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet komepetenti, u jista’ jirrikonċilja dawk il-bażijiet tad-dejta f’bażi tad-dejta unika u ċentralizzata.

2.   Il-bażi tad-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

isem u indirizz ta’ kull verifikatur akkreditat mill-korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni;

(b)

l-Istati Membri li fihom il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika;

(c)

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni ta’ kull verifikatur;

(d)

id-data li fiha l-akkreditazzjoni tkun ingħatat u d-data ta’ skadenza tal-akkreditazzjoni;

(e)

kwalunkwe informazzjoni dwar miżuri amministrattivi li ġew imposti fuq il-verifikatur.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 76

Notifika mill-verifikaturi

1.   Għall-finijiet li l-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali jitħalla jagħmel abbozz tal-programm ta’ ħidma tal-akkreditazzjoni u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmi fl-Artikolu 70, verifikatur għandu, sal-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita dak il-verifikatur:

(a)

il-ħin u l-post ippjanati tal-verifiki li l-verifikatur huwa skedat li jwettaq;

(b)

l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-operaturi jew l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru li r-rapport dwar l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri tagħhom ikun soġġett għal din il-verifika.

2.   Fejn isir tibdil fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jinnotifika dak it-tibdil lill-korp tal-akkreditazzjoni f’perjodu ta’ żmien miftiehem ma’ dak il-korp tal-akkreditazzjoni nazzjonali.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 77

Dispożizzjonijiet tranżitorji

L-emissjonijiet u, fejn applikabbli, id-dejta dwar l-attivitajiet li jseħħu qabel l-1 ta’ Jannar 2013 għandhom jiġu verifikati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/589/KE (11).

Artikolu 78

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jiħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ara paġna 30 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(4)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(5)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(6)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

(7)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(8)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.

(9)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(10)  ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1.

(11)  ĠU L 229, 31.8.2007, p. 1.


ANNESS I

Kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni għall-verifikaturi

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi għandu jiġi indikat fiċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni bl-użu tal-gruppi ta’ attivitajiet li ġejjin skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u attivitajiet oħra skont l-Artikolu 10a u 24 tad-Direttiva 2003/87/KE. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw bl-istess mod għall-verifikaturi ċċertifikati minn awtorità nazzjonali skont l-Artikolu 54(2) ta’ dan ir-Regolament.

Grupp tal-Attività Nru

Kampijiet ta’ Applikazzjoni ta’ Akkreditazzjoni

1a

Il-kombustjoni ta’ karburanti fl-installazzjonijiet, fejn jintużaw biss karburanti ta’ standard kummerċjali kif iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 601/2012, jew fejn jintuża gass naturali fl-installazzjonijiet tal-kategorija A jew B.

1b

Kombustjoni ta’ karburanti fl-installazzjonijiet, mingħajr restrizzjonijiet

2

Raffinar taż-żejt minerali

3

Produzzjoni ta’ kokk

Metall mhux maħdum (inkluż is-sulfur mhux maħdum)

Il-produzzjoni ta’ ħadid mhux maħdum jew azzar (fużjoni primarja jew sekondarja) inkluż ikkastjar kontinwu

4

Il-produzzjoni jew l-ipproċessar ta’ metalli ferrużi (inklużi l-legi ferrużi)

Il-produzzjoni tal-aluminju sekondarju

Il-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli mhux ferrużi, inkluż il-produzzjoni ta’ legi

5

Il-produzzjoni ta’ aluminju primarju (emissjonijiet ta’ CO2 u PFC)

6

Produzzjoni ta’ gagazza tas-siment

Il-produzzjoni ta’ ġir jew kalċinazzjoni tad-dolomit jew il-manjeżit

Il-manifattura tal-ħġieġ inklużi l-fibri tal-ħġieġ

Il-manifattura tal-prodotti taċ-ċeramika permezz tan-nar

Il-manifattura ta’ materjal ta’ iżolament tas-suf minerali

It-tnixxif jew il-kalċinazzjoni tal-ġipsum jew il-produzzjoni ta’ plasterboards u prodotti oħra tal-ġipsum

7

Il-produzzjoni ta’ polpa mill-injam tas-siġar jew materjali fibrużi oħra

Il-produzzjoni tal-karta jew il-kartonċin

8

Produzzjoni ta’ iswed tal-karbonju

Produzzjoni tal-ammonja

Il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi organiċi fi kwantitajiet kbar permezz ta’ krekkjar, formazzjoni mill-ġdid, ossidazzjoni parzjali jew sħiħa jew permezz ta’ proċessi simili

Il-produzzjoni tal-idroġenu (H2) u l-gass tas-sinteżi permezz ta’ formazzjoni mill-ġdid jew ossidazzjoni parzjali

Il-produzzjoni tal-irmied tas-soda (Na2CO3) u l-bikarbonat tas-sodju (NaHCO3)

9

Il-produzzjoni tal-aċidu nitriku (emissjonijiet ta’ CO2 u N2O)

Il-produzzjoni tal-aċidu adipiku (emissjonijiet ta’ CO2 u N2O)

Il-produzzjoni tal-gliossal u l-aċidu gliossiliku (emissjonijiet ta’ CO2 u N2O)

Il-produzzjoni tal-kaprolattam

10

Il-qbid ta’ gassijiet serra minn installazzjonijiet koperti bid-Direttiva 2003/87/KE għall-fini ta’ trasport u ħżin ġeoloġiku f’post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

It-trasport ta’ gassijiet serra permezz ta’ pajplajns għall-ħżin ġeoloġiku f’post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

11

Ħżin ġeoloġiku ta’ gassijiet serra f’post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

12

Attivitajiet tal-avjazzjoni (dejta dwar l-emissjonijiet u t-tunnellati kilometri)

98

Attivitajiet oħra skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE

99

Attivitajiet oħra, inklużi minn Stat Membru skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE, li għandhom jiġu speċifikati fid-dettall fiċ-ċertifikat tal-akkreditazzjoni


ANNESS II

Rekwiżiti għall-verifikaturi

Rigward ir-rekwiżiti dwar il-verifikaturi, għandu japplika l-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-korpi ta’ validazzjoni u verifika tal-gassijiet serra għal użu fl-akkreditazzjoni jew forom oħra ta’ rikonoxximent. Minbarra dan, għandhom japplikaw il-proċeduri, il-proċessi u l-arranġamenti li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 40(1):

(a)

proċess u politika għal komunikazzjoni mal-operatur jew mal-operatur ta’ inġenji tal-ajru u partijiet oħra rilevanti;

(b)

arranġamenti adegwati għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba;

(c)

proċess sabiex jiġu solvuti l-appelli;

(d)

proċess sabiex jiġu ttrattati l-ilmenti (inkluż skeda taż-żmien indikattiva);

(e)

proċess għall-ħruġ ta’ rapport ta’ verifika rivedut fejn żball fir-rapport ta’ verifika jew fir-rapport ta’ operatur jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru jkun ġie identifikat wara li l-verifikatur ikun issottometta r-rapport ta’ verifika lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru għal sottomissjoni suċċessiva lill-awtorità kompetenti;

(f)

proċedura jew proċess għall-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ verifika lil organizzazzjonijiet oħra.


ANNESS III

Ir-rekwiżiti minimi tal-proċess ta’ akkreditazzjoni u r-rekwiżiti fuq il-korpi ta’ akkreditazzjoni

Rigward ir-rekwiżiti minimi għal akkreditazzjoni, u r-rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditazzjonji, għandu japplika l-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jikkonċerna r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta’ akkreditazzjoni li jakkreditaw il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità.


Top