EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0387

Regolament (UE) Nru 387/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ April 2012 li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

OJ L 129, 16.5.2012, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 04 Volume 011 P. 141 - 145

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0508

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/387/oj

16.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/7


REGOLAMENT (UE) Nru 387/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ April 2012

li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1)

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi finanzjarja globali ta’ bla preċedent u t-tnaqqis ta’ bla preċedent fir-ritmu ekonomiku kkawżaw ħsara serja fit-tkabbir ekonomiku u fl-istabbiltà finanzjarja u wasslu għal tnaqqis qawwi fil-kondizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi f’diversi Stati Membri. B’mod partikolari, ċerti Stati Membri qed ikollhom jew jinsabu mhedda b’ diffikultajiet serji, partikolarment bi problemi fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u bit-tnaqqis fil-pożizzjoni tagħhom tad-defiċit u d-djun, ukoll minħabba l-ambjent internazzjonali finanzjarju u ekonomiku.

(2)

Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet biex jilqgħu kontra l-effetti negattivi tal-kriżi, inklużi emendi fil-qafas leġiżlattiv, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u ċ-ċittadini qed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u għandhom jittieħdu aktar miżuri biex tittaffa din il-pressjoni permezz tal-aqwa użu massimali tal-fondi mill-Fond Ewropew għas-Sajd.

(3)

B’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi għall-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li għandu diffikultajiet jew li huwa mhedded serjament b’diffikultajiet gravi kkawżati inter alia minn okkorrenzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (3) stabbilixxa mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni Finanzjarja bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

Bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (4) u 2011/344/UE (5) rispettivament, l-Irlanda u l-Portugall ingħataw din l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

(5)

Il-Greċja kienet diġà tinsab f’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 407/2010. L-għajnuna finanzjarja lill-Greċja ma setgħetx, għalhekk, tiġi bbażata fuq dak ir-Regolament.

(6)

Il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self għall-Greċja ffirmati fit-8 ta’ Mejju 2010 daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2010. Il-Ftehim bejn il-Kredituri għandu jibqa’ fis-seħħ bis-sħiħ u b’effett għall-perjodu ta’ tliet snin sakemm ikun fadal ammonti li jridu jitħallsu skont il-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self.

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (6) jipprovdi li l-Kunsill għandu jagħti għajnuna reċiproka f’każijiet fejn Stat Membru li ma adottax l-euro jkun f’diffikultà jew ikun serjament mhedded b’diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.

(8)

Bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/102/KE (7), 2009/290/KE (8) u 2009/459/KE (9) rispettivament, l-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija ngħataw tali għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

(9)

Il-perjodu li matulu l-għajnuna finanzjarja kienet disponibbli għall-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija huwa stipulat fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Il-perjodu li matulu kienet disponibbli għajnuna finanzjarja lill-Ungerija skada fl-4 ta’ Novembru 2010.

(10)

Il-perjodu li matulu hija disponibbli għall-Greċja għajnuna finanzjarja taħt il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self huwa differenti għal kull Stat Membru li jipparteċipa f’dawk l-istrumenti.

(11)

Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Ministri tal-finanzi tas-17-il Pajjiż Membru taż-żona euro iffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-11 ta’ Lulju 2011. Wara d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern taż-żona tal-euro fil-21 ta’ Lulju u d-9 ta’ Diċembru 2011, it-Trattat pie modifikat sabiex tittejjeb l-effettività tal-mekkaniżmu u ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012. Taħt dan it-Trattat, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà se, sal-2013, jassumi l-kompiti li bħalissa qed jitwettqu mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja. Dan il-mekkaniżmu tal-futur għaldaqstant għandu diġà jiġi kkunsidrat f’dan ir-Regolament.

(12)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew jilqa’ l-ħsieb tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-programm ta’ self għall-Greċja u l-fondi tal-Unjoni, u jappoġġa l-isforzi biex tiżdied il-kapaċità tal-Greċja li tassorbi l-fondi tal-Unjoni sabiex tistimula t-tkabbir u l-impjiegi billi tiffoka mill-ġdid fuq it-titjib tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, jilqa’ u jappoġġa l-preparazzjoni, mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ għajnuna teknika lill-Greċja. Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi biex tiżdied is-sinerġija.

(13)

Sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, biex jitħaffu l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni u biex jiżdied l-impatt tal-fondi fuq l-ekonomija, huwa meħtieġ li jkun permess, f’każijiet ġustifikati, temporanjament u mingħajr preġudizzju għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020, li jiżdiedu l-ħlasijiet interim mill-Fond Ewropew għas-Sajd b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju għall-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom u li talbu biex jibbenefikaw minn din il-miżura, b’riżultat ta’ tnaqqis korrispondenti fil-kontropoarti nazzjonali. Minħabba n-natura temporanja taż-żieda u sabiex jinżammu r-rati ta’ kofinanzjament oriġinali bħala l-punt ta’ referenza għall-kalkolu tal-ammonti miżjuda temporanjament, it-tibdiliet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu m’għandhomx ikunu riflessi fil-pjan finanzjarju inkluż fil-programmi operattivi. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-programmi operattivi jiġu aġġornati sabiex il-fondi jiġu kkonċentrati fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi u biex il-miri u l-objettivi tagħhom jiġu allinjati mat-tnaqqis fil-finanzjament totali disponibbli.

(14)

Stat Membru li jagħmel talba lill-Kummissjoni biex jibbenefika minn deroga taħt dan ir-Regolament għandu jressaq l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni, permezz ta’ data dwar is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali tal-Istati Membru, tkun tista’ tistabbilixxi li r-riżorsi għall-kontroparti nazzjonali ma jkunux disponibbli. Għandu wkoll juri li żieda fil-ħlasijiet li tirriżulta mill-għoti ta’ deroga hija meħtieġa biex tiġi salvagwardjata l-implimentazzjoni kontinwa tal-programmi operattivi u li l-problemi tal-kapaċità ta’ assorbiment jippersistu anki jekk jintużaw il-limiti massimi applikabbli għar-rati ta’ kofinanzjament, stabbiliti fl-Artikolu 53(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (10).

(15)

L-Istat Membru li jagħmel talba lill-Kummissjoni biex igawdi minn deroga taħt dan ir-Regolament għandu wkoll jipprovdi r-referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti jew atti legali oħra li jagħmlu lill-Istat Membru eliġibbli biex jibbenefika mid-deroga. Jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha perjodu adegwat, li jibda mit-tressiq tat-talba tal-Istat Membru, biex tivverifika l-korrettezza tal-informazzjoni mressqa u biex tqajjem kwalunkwe oġġezzjoni. Sabiex id-deroga tkun effettiva u operattiva, għandu jkun hemm preżunzjoni li tali talba hija ġustifikata jekk il-Kummissjoni ma tqajjem ebda oġġezzjoni. Jekk il-Kummissjoni tqajjem oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, hija għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deċiżjoni dwar dan fejn għandhom jingħataw ir-raġunijiet.

(16)

Ir-regoli tal-kalkolu tal-ħlasijiet interim u tal-ħlasijiet ta’ bilanċ finali għall-programmi operattivi matul il-perjodu li fih l-Istati Membri jirċievu l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, għandhom jiġu riveduti skont dan.

(17)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm rappurtar adegwat dwar l-użu tal-ammonti miżjuda magħmula disponibbli għall-Istati Membri li jibbenefikaw minn żieda temporanja fi ħlasijiet interim skont dan ir-Regolament.

(18)

Wara t-tmiem tal-perjodu li matulu kienet disponibbli l-għajnuna finanzjarja, jista’ jkun meħtieġ li l-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 iqisu, fost l-oħrajn, jekk it-tnaqqis ta’ kofinanzjament nazzjonali jwassalx għal tbegħid sinifikanti mill-għanijiet li kienu stabbiliti fil-bidu. Dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jwasslu għar-reviżjoni tal-programm operattiv.

(19)

Minħabba li l-kriżi finanzjarja globali ta’ bla preċedent u t-tnaqqis ta’ bla preċedent fir-ritmu ekonomiku kkawżaw ħsara serja fl-istabbiltà finanzjarja ta’ bosta Stati Membri teħtieġ rispons malajr sabiex jiġu affrontati l-effetti fuq l-ekonomija b’mod inġenerali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr. Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, għandu japplika b’mod retroattiv, jew sa mis-sena baġitarja 2010 jew mid-data li fiha ssir disponibbli l-għajnuna finanzjarja, skont l-istatus tal-Istat Membru li jressaq it-talba, għall-perjodi li matulhom l-Istati Membri rċevew għajnuna finanzjarja mill-Unjoni jew minn Stati Membri oħra taż-żona euro sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom.

(20)

Meta titqies żieda temporanja fil-ħlasijiet interim, din iż-żieda temporanja għandha wkoll tiġi kkunsidrata fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri kollha, u dawk ir-restrizzjonijiet baġitarji għandhom ikunu riflessi kif xieraq fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, peress li l-għan ewlieni tal-mekkanżimu huwa li jiġu indirizzati diffikultajiet attwali, l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata fiż-żmien. Għalhekk, il-mekkaniżmu għandu jibda japplika fl-1 ta’ Jannar 2010 u għandu jopera għal perijodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(21)

Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 76 u 77 jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Regoli għall-kalkolu ta’ ħlasijiet interim

1.   Il-ħlasijiet interim għandhom jiġu kkalkulati bl-applikazzjoni - lill-kontribuzzjoni pubblika dikjarata fid-dikjarazzjoni ta’ nefqa ċertifikata mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni taħt kull assi prijoritarju u taħt kull objettiv ta’ konverġenza/mhux ta’ konverġenza - tar-rata ta’ kofinanzjament stabbilita taħt il-pjan attwali ta’ finanzjament għal dak l-assi prijoritarju u dak l-objettiv.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, b’rispons għal talba speċifika u b’raġunijiet xierqa mill-Istat Membru, ħlas interim għandu jkun ikkalkulat bħala l-ammont tal-għajnuna mill-Unjoni mħallsa jew li jkun dovut lill-benefiċjarji fir-rigward tal-assi prijoritarju u tal-objettiv. Dan l-ammont għandu jiġi speċifikat mill-Istat Membru fid-dikjarazzjoni tan-nefqa.

3.   B’deroga mill-Artikolu 53(3), fuq it-talba ta’ Stat Membru, il-ħlasijiet interim għandhom jiżdiedu b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta’ 100 %, li għandu jiġi applikat għall-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli li tkun għadha kif ġiet dikjarata f’kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mressqa matul il-perjodu li fih l-Istat Membru iwettaq waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (*), jew ikun disponibbli għalih minn Stati Membri oħra taż-żona Euro qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament;

(b)

l-għajnuna finanzjarja għal żmien medju tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (**);

(c)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà iffirmat fit-2 ta’ Frar 2012.

4.   Għal finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet interim wara li l-Istat Membru ma jibqax jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni imsemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni ma għandhiex tqis l-ammonti miżjuda mħallsa skont dak il-paragrafu.

Madankollu, dawk l-ammonti għandhom jitqiesu għall-fini tal-Artikolu 79(1).

5.   Il-ħlasijiet interim miżjuda li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3 għandhom fl-iqsar perjodu ta’ żmien ikunu disponibbli għall-awtorità amministrattiva u għandhom jintużaw biss biex isiru ħlasijiet b’rabta mal-implimentazzjoni tal-programm operattiv.

6.   Fil-kuntest tar-rappurtar annwali skont l-Artikolu 67(1), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni adatta dwar l-użu tad-deroga msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u juru kif l-ammonti miżjuda ta’ appoġġ ikkontribwixxew għall-promozzjoni tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Istat Membru kkonċernat. Din l-informazzjoni għandha titqies mill-Kummissjoni fit-tħejjija tar-rappurtar annwali previst fl-Artikolu 68(1).

Artikolu 77

Regoli għall-kalkolu tal-ħlasijiet tal-bilanċ

1.   Il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu limitati għal liema minn dawn iż-żewġ ammonti li ġejjin ikun l-iżgħar:

(a)

l-ammont ikkalkulat bl-applikazzjoni lill-kontribuzzjoni pubblika dikjarata fid-dikjarazzjoni tan-nefqa finali ċertifikat mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni taħt kull assi prijoritarju u taħt kull objettiv ta’ konverġenza/mhux ta’ konverġenza, ir-rata ta’ kofinanzjament stabbilit taħt il-pjan attwali ta’ finanzjament għal dak l-assi prijoritarju u għal dak l-objettiv;

(b)

l-ammont tal-għajnuna mill-Unjoni mħallas jew li jkun dovut lill-benefiċjarji fir-rigward ta’ kull assi prijoritarju u għal kull objettiv. Dan l-ammont għandu jiġi speċifikat mill-Istat Membru fid- dikjarazzjoni tan-nefqa aħħarija ċertifikata mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ kull assi prijoritarju u għal kull objettiv.

2.   B’deroga mill-Artikolu 53(3), fuq it-talba ta’ Stat Membru, il-ħlasijiet tal-bilanċ tal-aħħar għandhom jiżdiedu b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta’ 100 %, li għandhom jiġu applikati għall-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli li tkun għadha kif ġiet dikjarata f’kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mressqa matul il-perjodu li fih l-Istat Membru jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3):

3.   Għal finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tal-bilanċ finali wara li l-Istat Membru ma jibqax jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 76(3), il-Kummissjoni ma għandhiex tqis l-ammonti miżjuda mħallsa skont dak il-paragrafu.

(*)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1."

(**)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.”;"

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 77a

Limiti għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ

1.   Minkejja l-Artikoli 76(3) u 77(2), il-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-aħħar bilanċ, m’għandhiex tkun ogħla mill-kontribuzzjoni pubblika u l-ammont massimu ta’ għajnuna mill-FES għal kull assi prijoritarju u objettiv kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv.

2.   Id-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2), għandha tingħata mill-Kummissjoni fuq talba bil-miktub minn Stat Membru li jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3). Dik it-talba għandha titressaq sas-17 ta’ Lulju 2012 jew fi żmien xahrejn mid-data li fiha Stat Membru jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3).

3.   Fit-talba tiegħu preżentata lill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġġustifika l-ħtieġa tad-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2), billi jipprovdi l-informazzjoni neċessarja biex jistabbilixxi:

(a)

permezz ta’ data dwar is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali tiegħu, li ma jkunux disponibbli riżorsi għall-kontroparti nazzjonali;

(b)

li żieda fil-ħlasijiet msemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2) hija neċessarja sabiex tkun salvagwardjata l-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;

(c)

li l-problemi jippersistu anke jekk jintużaw il-limiti massimi applikabbli għar-rati ta’ kofinanzjament tal-Artikolu 53(3);

(d)

li jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3) kif ġustifikat b’referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill jew ta’ att legali ieħor, kif ukoll id-data reali minn meta tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru l-għajnuna finanzjarja.

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-informazzjoni mressqa tiġġustifikax l-għoti tad-deroga. Il-Kummissjoni għandha tqajjem kwalunkwe oġġezzjoni dwar l-informazzjoni mressqa sa tletin jum mid-data tat-tressiq tat-talba. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tqajjem oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjoni għal dan il-għan u tagħti r-raġunijiet.

Jekk il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, din għandha tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata.

4.   It-talba tal-Istat Membru għandha tagħti dettalji wkoll dwar l-użu maħsub tad-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2), u għandha tagħti informazzjoni dwar miżuri komplementari previsti sabiex il-fondi jikkonċentraw fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż, fejn adatt, modifika tal-programmi operattivi.

5.   Id-deroga msemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2) mgħandhiex tapplika għal dikjarazzjonijiet ta’ nefqa mressqa wara l-31 ta’ Diċembru 2013.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, huwa għandu japplika b’mod retroattiv għall-Istati Membri li ġejjin:

(a)

fil-każijiet tal-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall, b’effett mid-data li fiha l-għajnuna finanzjarja saret disponibbli għal dawk l-Istati Membri skont l-Artikolu 76(3);

(b)

fil-każijiet tal-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

M. BØDSKOV


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 84.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2012.

(3)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

(5)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

(6)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 37, 6.2.2009, p. 5.

(8)  ĠU L 79, 25.3.2009, p. 39.

(9)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

(10)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.


Top