EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0250

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 250/2012 tal- 21 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 82, 22.3.2012, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/04/2012; Imħassar b' 32012R0284

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/250/oj

22.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 250/2012

tal-21 ta’ Marzu 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jagħti l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri addattati ta’ emerġenza tal-Unjoni għal ikel u għalf importat minn pajjiż terz sabiex titħares is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwalment.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli ta’ radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Kontaminazzjoni bħal din tista’ tkun ta’ theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 (2).

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 jistipula li kunsinni ta’ prodotti koperti b’dak ir-Regolament għandhom ikunu akkumpanjati b’dikjarazzjoni ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-Ġappun u li turi, inter alia, minn fejn oriġinat il-kunsinna u minn fejn hija ikkusinnata. Il-kontenut ta’ dik id-dikjarazzjoni jvarja skont jekk il-prodotti oriġinawx jew humiex sejrin fi prefettura viċin tal-impjant nukleari ta’ Fukushima jew le.

(4)

Għal kunsinni li joriġinaw fil-prefettura ta’ Fukushima u fl-10 prefetturi fil-qrib, l-awtoritajiet Ġappuniżi għandhom jiċċertifikaw li l-livelli tar-radjonuklidi ċesju-134 u ċesju-137 fil-kunsinni ma jaqbżux il-livelli massimi stipulati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew fil-punt tad-dħul deżinjat fl-Unjoni għandhom jagħmlu kontrolli fiżiċi u tal-identità, inkluża analiżi laboratorja għall-preżenza ta’ ċesju-134 u ċesju-137, fuq tal-anqas 10 % ta’ dawn il-kunsinni.

(5)

Għal kunsinni mibgħuta mill-prefettura ta’ Fukushima u mill-10 prefetturi fil-qrib, l-awtoritajiet Ġappuniżi għandhom jiċċertifikaw li l-kunsinni ma kinux esposti għar-radjuattività matul it-tranżitu. F’każijiet bħal dawn, kif ukoll f’każijiet fejn il-kunsinni joriġinaw u huma kkunsinnati minn prefetturi oħrajn fil-Ġappun barra Fukushima u l-10 prefetturi tal-madwar, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul fl-Unjoni għandhom iwettqu kontrolli fiżiċi u tal-identità, inkluża analiżi laboratorja għall-preżenza ta’ ċesju-134 u ċesju-137, fuq mill-inqas 20 % ta’ dawn il-kunsinni.

(6)

Ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, inkluż l-analiżi laboratorja, imwettqa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul fl-Unjoni jindikaw li l-miżuri ta’ kontroll fuq l-għalf u l-ikel maħsub għall-esportazzjoni fl-Unjoni huma applikati sewwa u b’mod effiċjenti mill-awtoritajiet Ġappuniżi. Għalhekk huwa xieraq li titnaqqas il-frekwenza tal-kontrolli imwettqa fuq kunsinni bħal dawn mill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul deżinjat fl-Unjoni.

(7)

Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2012. L-awtoritajiet kompetenti Ġappuniżi għadhom jissorveljaw il-preżenza ta’ radjuattività fl-għalf u fl-ikel. Ir-riżultati ta’ dik is-sorveljanza juru li ċertu għalf u ikel fil-prefetturi qrib l-impjant nukleari ta’ Fukushima għad għandhom livelli ta’ radjuattività ‘l fuq mil-livelli ta’ azzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 tiġi estiża.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet emendatorji

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

kontrolli fiżiċi u tal-identità, inkluża analiżi laboratorja għall-preżenza ta’ ċesju-134 u ċesju-137, fuq tal-anqas:

5 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(d) u

10 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(b) u (c).”

(2)

Fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu, id-data “31 ta’ Marzu 2012” tinbidel bid-data “31 ta’ Ottubru 2012”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 252, 28.9.2011, p. 10.


Top