Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0135

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 135/2012 tas- 16 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart biex jinkludi ċertu skart mhux klassifikat fl-Anness IIIB tiegħu Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 46, 17.2.2012, p. 30–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 034 P. 191 - 193

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/135/oj

17.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/30


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 135/2012

tas-16 ta’ Frar 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta’ skart biex jinkludi ċertu skart mhux klassifikat fl-Anness IIIB tiegħu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Finlandja ppreżentaw talba lill-Kummissjoni biex tqis ċertu skart mhux klassifikat għall-inklużjoni fl-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(2)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja u l-Isvezja fir-rigward tal-aċċettabilità tat-talbiet ippreżentati biex jitqiesu bħala skart elenkat bħala aħdar għall-inklużjoni fl-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(3)

Filwaqt li qieset dawk il-kummenti, il-Kummissjoni tat parir lill-Irlanda, lill-Pajjiżi l-Baxxi u lill-Finlandja jippreżentaw lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (2) (“il-Konvenzjoni ta’ Basel”) applikazzjonijiet għal entrati ġodda fl-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel, b’segwitu għall-proċedura tad-Deċiżjoni VIII/15 tal-COP8 tal-Konvenzjoni ta’ Basel rigward ir-reviżjonijiet tal-proċedura għall-analiżi jew l-aġġustament tal-listi ta’ skart li hemm fl-Annessi VIII u IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

(4)

Fl-14 ta’ Jannar 2011, fil-25 ta’ Jannar 2011 u fl-1 ta’ Frar 2011, rispettivament, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Irlanda ppreżentaw lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Basel applikazzjonijiet għal entrati ġodda fl-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel. Sa ma tittieħed deċiżjoni biex l-entrati mhux klassifikati jiġu inklużi fl-Annessi rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Basel jew tad-Deċiżjoni C(2001)107/Final tal-Kunsill tal-OECD rigward ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/Final dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru (Deċiżjoni tal-OECD), dawk l-entrati jistgħu jiżdiedu b’mod provviżorju fl-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IIIB tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huwa sostitwit bit-test imniżżel fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 39, 16.2.1993, p. 3.

(3)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.


ANNESS

“ANNESS IIIB

SKART ADDIZZJONALI ELENKAT BĦALA AĦDAR LI QED JISTENNA LI JIĠI INKLUŻ FL-ANNESSI RILEVANTI TAL-KONVENZJONI TA’ BASEL JEW ID-DEĊIŻJONI TAL-OECD KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 58(1)(b)

1.

Irrispettivament minn jekk l-iskart jiġix inkluż jew le f’din il-lista, dan ma jistax ikun soġġett għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stipulati fl-Artikolu 18 jekk ikun ikkontaminat b’materjali oħra sal-punt li

(a)

jiżdiedu r-riskji assoċjati mal-iskart b’mod suffiċjenti li jkun xieraq li huma jiġu sottoposti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel, meta jitqiesu l-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); jew

(b)

l-irkupru tal-iskart ma jkunx jista’ jsir b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

2.

L-iskart li ġej huwa inkluż f’dan l-Anness:

BEU01

Skart ta’ laminat ta’ tikketti adeżivi sensittivi għall-pressjoni li jkun fih materja prima użati fil-produzzjoni tal-materjal tat-tikketti li ma jkunx kopert mill-entrata ta’ Basel B3020

BEU02

Il-frazzjoni ta’ plastik li ma tistax tiġi sseparata mill-pretrattament ta’ imballaġġi ta’ likwidi użati

BEU03

Il-frazzjoni ta’ aluminjuplastik li ma tistax tiġi sseparata mill-pretrattament ta’ imballaġġi ta’ likwidi użati

BEU04

Imballaġġ kompost li jikkonsisti l-aktar minn karti u xi plastik, li ma jkunx fih residwi u li mhux kopert mill-entrata ta’ Basel B3020

BEU05

Skart bijodegradabbli nadif mill-agrikoltura, l-ortikoltura, il-forestrija, il-ġonna, il-parks u ċ-ċimiterji

3.

Il-vjeġġi ta’ skart elenkati f’dan l-Anness huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (2), inklużi l-miżuri adottati skont l-Artikolu 16(3) tagħha.


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.”


Top