Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0007

Direttiva tal-Kummissjoni 2012/7/UE tat- 2 ta’ Marzu 2012 li temenda, għal skop ta' adattazzjoni għall-progess tekniku, il-parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 64, 3.3.2012, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 048 P. 154 - 155

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/7/oj

3.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/7


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/7/UE

tat-2 ta’ Marzu 2012

li temenda, għal skop ta' adattazzjoni għall-progess tekniku, il-parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46.1(b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/48 tistipula valuri ta' limitu għall-kadmju, ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istitut Nazzjonali Olandiż għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (RIVM) li saru fir-rapport tal-2008 bit-titlu Metodoloġija ġenerali għall-valutazzjoni tas-sikurezza kimika tal-ġugarelli b'fowkus fuq l-elementi. Ir-rakkomandazzjonijiet tar-RIVM huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-esponiment tat-tfal għall-kimiċi fil-ġugarelli ma jistax jaqbeż ċertu livell, imsejjaħ “doża tollerabbli ta' kuljum”. Minħabba li t-tfal huma esposti għall-kimiċi permezz ta' sorsi oħra apparti l-ġugarelli, persentaġġ biss mid-doża tollerabbli ta' kuljum tista' tiġi allokata. Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċita u l-Ambjent (CSTEE) irrakkomanda fir-rapport tiegħu tal-2004 li jista' jiġi allokat massimu ta' 10 % tad-doża tollerabbli ta' kuljum fil-ġugarelli. Madankollu, għall-kadmju u sustanzi kimiċi oħra li huma partikolarment tossiċi, l-lallokazzjoni rakkomandata ma għandhiex taqbeż il-5 % tad-doża tollerabbli ta' kuljum, sabiex jiżguraw li t-traċċi li huma kompatibbli mal-prattiki tajba ta' manifattura biss ikunu preżenti.

(2)

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-RIVM, il-persentaġġ massumu tad-doża tollerabbli ta' kuljum għandu jiġi mmultiplikat bil-piż ta' tifel/tifla, stmat għal 7,5 kg, u diviż bil-kwantità ta' materjal tal-ġugarelli li jinbela', sabiex jinkisbu l-valuri limiti għas-sustanzi kimiċi elenkati fid-Direttiva 2009/48/KE.

(3)

Għall-kadmju, ir-RIVM uża d-doża tollerabbli ta' kull ġimgħa ta' 7 μg/kg stabbilita mill-Esperti tal-Kumitat Konġunt tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura u l-kumitat dwar l-additivi fl-ikel tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa (JEFCA) fl-1989 u kkonfermata mill-JECFA fl-2001. Ġie applikat fattur ta' sikurezza ta' tnejn, li jirriżulta f'doża tollerabbli ta' kull ġimgħa ta' 3,5 μg/kg u doża tollerabbli ta' kuljum ta' 0,5 μg/kg.

(4)

Sabiex jiġu definiti xenarji possibbli ta' esponiment għas-sustanzi kimiċi, il-kwantità ta' materjal tal-ġugarelli li jinbela' ġie stmat mir-RIVM għal 8 mg kull jum għal ġugarelli b'materjal mibrux, 100 mg għal materjal fraġli tal-ġugarelli u 400 mg għal materjal likwidu jew li jwaħħal tal-ġugarelli. Dawk il-limiti ta' inġestjoni kienu appoġġati mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u r-Riskji Ambjentali (SCHER) fl-opinjoni tiegħu bit-titlu adottata fit-18 ta' Mejju 2010.

(5)

Permezz tal-applikazzjoni ta' 5 % tad-doża tollerabbli ta' kuljum, immultiplikata bil-piż tat-tifel/tifla u diviża bil-kwantità tal-materjal tal-ġugarelli inġestit, il-valuri ta' limitu li ġejjin ġew stabbiliti għall-kadmju: 23 mg/kg għal materjal mibrux, 1,9 mg/kg għal materjal xott u 0,5 mg/kg għal materjal likwidu.

(6)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tat-30 ta' Jannar 2009 li d-doża tollerabbli ta' kull ġimgħa stabbilita mill-JEFCA fl-1989 u kkonfermata mill-JECFA fl-2001 ma kinitx għadha xierqa fid-dawl tal-iżviluppi l-ġodda marbuta mat-tossiċità tal-kadmju. L-EFSA stabbiliet doża tollerabbli ta' kull ġimgħa ġdida ta' 2,5 μg/kg, li tirriżulta f'doża tollerabbli ta' kuljum ta' 0,36 μg/kg.

(7)

L-applikazzjoni ta' 5 % tad-doża ġdida tollerabbli ta' kuljum, immultiplikata bil-piż tat-tifel/tifla u diviża bil-kwantità tal-materjal tal-ġugarelli inġestit tirriżulta fil-limiti li ġejjin tal-kadmju: 17 mg/kg għal materjal mibrux, 1,3 mg/kg għal materjal xott u 0,3 mg/kg għal materjal likwidu.

(8)

Għalhekk, id-Direttiva 2009/48/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-Parti III tal-Anness I tad-Direttiva 2009/48/KE hija emendata b'konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Jannar 2013, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-20 ta' Lulju 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom ir-referenza msemmija waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.


ANNESS

Il-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE hija emendata kif ġej:

Fil-punt 13, l-entrata għall-kadmju hija sostitwita b’dan li ġej:

Element

mg/kg

f’materjal tal-ġugarelli niexef, fraġli, f’għamla ta’ trab jew flessibbli

mg/kg

f’materjal tal-ġugarelli likwidu jew li jwaħħal

mg/kg

f’materjal tal-ġugarelli li jkun inbarax

“Kadmju

1,3

0,3

17 ”


Top