EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012H1106(01)

Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

OJ C 338, 6.11.2012, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 338/1


RAKKOMANDAZZJONIJIET

lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

2012/C 338/01

I —   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-rinviji preliminari

1.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa mekkaniżmu fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandu l-għan li jipprovdi lill-qrati tal-Istati Membri b’mezz sabiex jiggarantixxu interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi ta’ dan id-dritt fi ħdan l-Unjoni.

2.

Bis-saħħa tal-Artikolu 19(3)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TUE”) u l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u fuq il-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni.

3.

Skont l-Artikolu 256(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ċertament ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tad-domandi preliminari mressqa taħt l-Artikolu 267 TFUE, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut. Peress li dan it-test ma ġiex madankollu emendat f’dan ir-rigward, bħalissa hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ġustizzja”), li għandha l-ġurisdizzjoni tagħti deċiżjonijiet preliminari.

4.

Minkejja li l-Artikolu 267 jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni ġenerali f’dan il-qasam, diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jipprevedu madankollu eċċezzjonijiet jew restrizzjonijiet temporanji għaliha. Dawn huma, b’mod partikolari, l-Artikoli 275 u 276 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji tat-Trattat ta’ Lisbona (ĠUUE C 83 tat-30 ta’ Marzu 2010, p. 1) (1).

5.

Peress li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-kollaborazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, deher xieraq li jingħataw ir-rakkomandazzjonijiet segwenti lill-imsemmija qrati sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa ta’ din il-proċedura.

6.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, li ma humiex vinkolanti, huma intiżi li jkunu ta’ suppliment għat-Titolu III tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (Artikoli 93 sa 118) u li jiggwidaw lill-qrati tal-Istati Membri dwar jekk ikunx opportun li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari kif ukoll li jipprovdu indikazzjonijiet prattiċi għal dak li jirrigwarda l-forma u l-effetti ta’ tali rinviju.

Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari

7.

Kif issemma iktar ’il fuq, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari huwa li tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li tiddeċiedi dwar il-validità tiegħu, u mhux li tapplika dan id-dritt għas-sitwazzjoni ta’ fatt li fuqha tkun ibbażata l-kawża prinċipali. Dan ir-rwol huwa tal-qorti nazzjonali u għalhekk ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet ta’ fatt imqajma fil-kuntest tal-kawża prinċipali, u lanqas li taqta’ d-diverġenzi eventwali ta’ opinjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt nazzjonali.

8.

Meta tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tipprova barra minn hekk tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-konsegwenzi konkreti, jekk ikun il-każ, billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali kkonċernata.

Id-deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari

L-awtur tat-talba għal deċiżjoni preliminari

9.

Bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, kull qorti ta’ Stat Membru, sa fejn tintalab tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, tista’, bħala prinċipju, tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kwalifika ta’ qorti hija interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, numru ta’ fatturi bħal jekk il-korp ikunx stabbilit mil-liġi, jekk ikunx permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu tkunx ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu jkunux kontradittorji, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk ikunx indipendenti.

10.

Irrispettivament minn jekk tkunx saret jew le talba mill-partijiet fil-kawża prinċipali, hija biss il-qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Ir-rinviju għal interpretazzjoni

11.

Skont l-Artikolu 267 TFUE, kull qorti kkonċernata għandha s-setgħa li tressaq talba dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tqis li dan ikun neċessarju sabiex taqta’ l-kontroversja li jkollha quddiemha.

12.

Madankollu, qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm appell skont id-dritt nazzjonali għandha l-obbligu li tressaq talba bħal din lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief jekk tkun diġà teżisti ġurisprudenza fil-materja (u li l-kuntest potenzjalment ġdid ma jqajjimx dubju veru f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiġi applikata din il-ġurisprudenza għall-kawża ineżami) jew meta l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni tkun ċara.

13.

B’hekk, qorti nazzjonali tista’, b’mod partikolari meta hija tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċara biżżejjed għaliha, tiddeċiedi hija stess fuq l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni fattwali li hija tikkonstata. Madankollu, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jkun partikolarment utli meta jkun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni ġdida li tippreżenta interess ġenerali għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jew meta l-ġurisprudenza eżistenti ma tidhirx applikabbli għal kuntest fattwali ġdid.

14.

Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tidentifika sew is-suġġett tal-kawża prinċipali u kwistjonijiet li din tqajjem, ikun utli jekk, għal kull waħda mid-domandi magħmula, il-qorti nazzjonali tesponi kif l-interpretazzjoni mitluba hija neċessarja sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Ir-rinviju għall-evalwazzjoni tal-validità

15.

Għalkemm il-qrati tal-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiċħdu l-motivi ta’ invalidità invokati quddiemhom, min-naħa l-oħra hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-possibbiltà li tiddikjara li att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni huwa invalidu.

16.

Kull qorti nazzjonali għandha għaldaqstant tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija jkollha dubji dwar il-validità ta’ tali att, filwaqt li tindika r-raġunijiet għaliex hija tqis li dan l-att jista’ jkun ivvizzjat b’invalidità.

17.

Madankollu, meta hija jkollha dubji serji fuq il-validità ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni li fuqu jkun ibbażat att intern, din il-qorti tista’, eċċezzjonalment, tissospendi, b’mod temporanju, l-applikazzjoni ta’ dan l-att intern jew tieħu kull miżura provviżorja oħra fir-rigward tiegħu. Hija b’hekk tkun marbuta li tagħmel id-domanda dwar il-validità lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tindika r-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li l-imsemmi att ma huwiex validu.

Il-mument opportun li fih għandu jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari

18.

Il-qorti nazzjonali tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja hekk kif tikkonstata li hija neċessarja deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Hija din il-qorti, fil-fatt, li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina f’liema stadju tal-proċedura jkun xieraq li tressaq din it-talba.

19.

Ikun madankollu tajjeb li d-deċiżjoni li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari tittieħed fi stadju tal-proċedura fejn il-qorti tar-rinviju tkun fil-pożizzjoni li tiddefinixxi l-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-elementi kollha neċessarji biex tivverifika, jekk ikun il-każ, li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għall-kawża prinċipali. Fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jista’ jagħti l-każ ukoll li r-rinviju jsir wara t-trattazzjoni mill-partijiet.

Il-forma u l-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari

20.

Id-deċiżjoni li biha l-qorti ta’ Stat Membru tagħmel waħda jew diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssir f’kull forma li hija ammessa mid-dritt nazzjonali għall-kwistjonijiet proċedurali. Madankollu, jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li huwa dan id-dokument li ser iservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar għandha jkollha l-elementi li jippermettulha tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, hija biss it-talba għal deċiżjoni preliminari li tiġi nnotifikata lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lil dawk l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, b’mod partikolari l-Istati Membri, bil-għan li jinġabru l-osservazzjonijiet bil-miktub eventwali tagħhom.

21.

Il-bżonn li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea jeżiġi għalhekk abbozzar sempliċi, ċar u preċiż, mingħajr elementi żejda.

22.

Ħafna drabi, tul ta’ madwar tnax-il paġna jkun biżżejjed sabiex il-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari jiġi espost b’mod adegwat. Għalkemm għandha tkun konċiża, din it-talba għandha madankollu tkun suffiċjentement kompleta u tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti b’mod li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll lill-partijiet interessati li għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet, li jifhmu tajjeb il-kuntest fattwali u d-dritt tal-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, minbarra t-test stess tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja:

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ikunu ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti (2);

espożizzjoni tar-raġunijiet li jkunu wasslu lill-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

23.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-kawża ineżami għandhom jiġu identifikati bil-preċiżjoni kollha possibbli fit-talba għal deċiżjoni preliminari li għandha tinkludi, jekk ikun il-każ, sunt qasir tal-argumenti rilevanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

24.

Il-qorti tar-rinviju tista’ fl-aħħar nett, jekk hija tħoss li hija f’pożizzjoni li tagħmel dan, tindika fil-qosor il-fehma tagħha fuq ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari. Tali indikazzjoni tkun utli għall-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari meta hija tintalab tiddeċiedi fuq it-talba fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa jew ta’ proċedura b’urġenza.

25.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-qari, huwa essenzjali li t-talba għal deċiżjoni preliminari tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’forma ttajpjata. Ikun ukoll utli ħafna li l-paġni u l-paragrafi tad-deċiżjoni tar-rinviju – li għandha tingħata data u tiġi ffirmata – jiġu nnumerati sabiex il-possibbiltà li jsir riferiment għaliha tiġi ffaċilitata.

26.

Id-domandi preliminari nfushom għandhom jidhru f’parti distinta u jkunu identifikati b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, preferibbilment fil-bidu jew fl-aħħar tagħha. Huma għandhom ikunu jinftehmu sewwa waħedhom, mingħajr ma jirreferu għall-espożizzjoni tal-motivi tat-talba, li għandha madankollu tipprovdi l-kuntest neċessarju sabiex jinftehmu sewwa l-implikazzjonijiet tal-kawża.

27.

Fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża, bħala prinċipju, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, inkluża informazzjoni nominattiva jew ta’ natura personali. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u jekk taħseb li hemm in-neċessità, tħassar ċerta informazzjoni jew tagħti l-anominat lil waħda jew iktar persuni jew entitajiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali.

28.

Wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tagħti l-anonimat, ex officio jew fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Sabiex tinżamm l-effikaċja tagħha, tali talba madankollu għandha titressaq fl-iktar stadju kmieni possibbli tal-proċedura u, f’kull każ, qabel il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż dwar il-kawża kkonċernata u qabel in-notifika tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut.

L-effetti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fuq il-proċeduri nazzjonali

29.

Għalkemm il-qorti nazzjonali xorta jkollha ġurisdizzjoni sabiex tadotta miżuri kawtelatorji, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rinviju għad-determinazzjoni tal-validità (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), it-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jimplika madankollu s-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha.

30.

Fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex tinżamm l-effettività tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tavża lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull kwistjoni proċedurali li jista’ jkollha effett fuq it-talba mressqa quddiemha u, b’mod partikolari, bl-ammissjoni ta’ partijiet ġodda fil-proċedura nazzjonali.

L-ispejjeż u l-għajnuna legali

31.

Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija bla ħlas u din tal-aħħar ma tiddeċidix fuq l-ispejjeż tal-partijiet fil-kawża prinċipali li tkun għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju; hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

32.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ riżorsi ta’ parti fil-kawża prinċipali u sa fejn ir-regoli nazzjonali jippermettu dan, il-qorti tar-rinviju tista’ tagħti lil din il-parti għajnuna legali sabiex tkopri l-ispejjeż, b’mod partikolari dawk ta’ rappreżentanza, li hija ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar tista’ wkoll tagħti għajnuna bħal din fil-każ fejn il-parti inkwistjoni ma tibbenefikax diġà minn għajnuna fuq livell nazzjonali jew sa fejn din l-għajnuna ma tkoprix – jew tkopri biss parzjalment – l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-komunikazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali

33.

It-talba għal deċiżjoni preliminari u d-dokumenti rilevanti (b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, il-proċess tal-kawża, jew kopja tiegħu) għandhom jintbagħtu direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti nazzjonali li tkun ressqet it-talba. Dawn għandhom jintbagħtu, permezz ta’ ittra rreġistrata, lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja (Rue du Fort Niedergrünewald, L-2925 Luxembourg).

34.

Sal-mument li l-qorti tar-rinviju tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jibqa’ f’kuntatt ma’ din il-qorti u jibgħatilha kopji tal-atti proċedurali.

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat id-deċiżjoni tagħha lill-qorti tar-rinviju. Hija tapprezza li din il-qorti tinformaha dwar il-konklużjonijiet li hija tasal għalihom fid-deċiżjoni tal-kawża prinċipali u li tikkomunikalha d-deċiżjoni finali tagħha.

II —   DISPOŻIZZJONIJIET PARTIKOLARI DWAR IR-RINVIJI B'URĠENZA GĦAL DEĊIŻJONI PRELIMINARI

36.

Kif previst fl-Artikolu 23a tal-Istatut kif ukoll fl-Artikoli 105 sa 114 tar-Regoli tal-Proċedura, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jiġi suġġett għal proċedura mħaffa jew għal proċedura b’urġenza.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa u tal-proċedura b’urġenza

37.

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar jekk tapplikax jew le dawn il-proċeduri. Bħala prinċipju, deċiżjoni bħal din tittieħed biss fuq talba motivata tal-qorti tar-rinviju. Fuq bażi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tissuġġetta ex officio rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa jew għal proċedura b’urġenza, meta jidher min-natura jew miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li dan ikun neċessarju.

38.

Skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura, rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi suġġett għal proċedura mħaffa, li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata fi żmien qasir. Peress li din il-proċedura timponi limitazzjonijiet sinjifikattivi fuq dawk kollha involuti fil-proċedura u, b’mod partikolari, fuq l-Istati Membri mistiedna sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, bil-miktub jew orali, f’termini ħafna iqsar mit-termini normali, hija għandha tintalab biss f’ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi malajr għad-domandi magħmula. In-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali li jistgħu jiġu affettwati mid-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika l-użu ta’ proċedura mħaffa (3).

39.

Dan japplika a fortiori għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, imsemmija fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-proċedura, li tapplika biss għall-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, timponi fil-fatt limitazzjonijiet ħafna iktar stretti fuq dawk ikkonċernati, peress li tillimita b’mod partikolari n-numru ta’ partijiet awtorizzati li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u peress li tippermetti, f’każijiet ta’ urġenza estrema, li ma ssirx il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, din il-proċedura tista’ tintalab biss f’ċirkustanzi fejn ikun assolutament neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi malajr ħafna dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

40.

Mingħajr ma huwa possibbli li ċirkustanzi bħal dawn jiġu indikati b’mod eżawrjenti minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja dejjem qed jinbidlu u jiġu żviluppati, qorti nazzjonali tista’, pereżempju, tippreżenta talba għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-każ, kopert mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, ta’ persuna detenuta jew imċaħħda mil-libertà tagħha, meta r-risposta għad-domanda magħmula tkun determinanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna, jew fil-każ ta’ kawża li tkun tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri jew il-kustodja tat-tfal, meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita abbażi tad-dritt tal-Unjoni tkun tiddependi mir-risposta għad-domanda preliminari.

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza

41.

Sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi malajr jekk ikunx neċessarju li tiġi applikata l-proċedura mħaffa jew il-proċedura b’urġenza, it-talba għandha tesponi bi preċiżjoni ċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt li jiddeterminaw l-urġenza u, b’mod partikolari, ir-riskji li jkun hemm jekk ir-rinviju jinstema’ skont il-proċedura normali.

42.

Sa fejn huwa possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tindika, fil-qasir, l-opinjoni tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula. Indikazzjoni bħal din tiffaċilita t-teħid ta’ pożizzjoni mill-partijiet fil-kawża prinċipali u minn dawk l-oħra interessati li jieħdu sehem fil-proċedura, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk tgħin fil-ħeffa tal-proċeduri.

43.

It-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza għandha tiġi ppreżentata f’forma mhux ambigwa li tippermetti lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonstata immedjatament li l-każ jeħtieġ trattament partikolari. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha tippreċiża liema miż-żewġ proċeduri hija meħtieġa fil-kawża ineżami u tirreferi, fit-talba tagħha, għall-artikolu rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura (l-Artikolu 105, dwar il-proċedura mħaffa, jew l-Artikolu 107, dwar il-proċedura b’urġenza). Tali indikazzjoni għandha tissemma f’parti tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li tippermetti li tiġi identifikata b’mod ċar (pereżempju fil-header tal-paġna jew permezz ta’ att ġudizzjarju separat). Jekk ikun il-każ, it-talba tista’ ssir mill-qorti tar-rinviju permezz ta’ ittra ta’ motivazzjoni.

44.

Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ rinviju stess, huwa daqstant ieħor importanti li f’sitwazzjoni ta’ urġenza d-deċiżjoni ta’ rinviju tkun fil-qasir sabiex tgħin fil-ħeffa tal-proċeduri.

Il-komunikazzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet fil-kawża prinċipali

45.

Sabiex titħaffef u tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-qorti tar-rinviju u l-partijiet quddiemha, il-qorti li tressaq talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza hija mistiedna tindika l-indirizz elettroniku jew in-numru tal-faks, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tuża, kif ukoll l-indirizzi elettroniċi jew in-numri tal-faks tar-rappreżentanti tal-partijiet inkwistjoni.

46.

Tista’ l-ewwel tintbagħat kopja tad-deċiżjoni tar-rinviju ffirmata, flimkien ma’ talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tal-proċedura b’urġenza, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ ittra elettronika (ECJ-Registry@curia.europa.eu) jew permezz ta’ faks (+352 43 37 66). It-trattament tar-rinviju u tat-talba jkun jista’ jinbeda hekk kif tiġi rċevuta kopja bħal din. Madankollu, l-oriġinal ta’ dawn l-atti għandu jintbagħat lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli.


(1)  Skont l-Artikolu 10(1) sa (3) tal-Protokoll Nru 36, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda l-atti tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u li ma ġewx emendati minn dak iż-żmien, jibqgħu l-istess għal perijodu massimu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (1 ta’ Diċembru 2009). Matul dan il-perijodu, tali atti jistgħu għaldaqstant ikunu biss is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-każ tal-qrati ta’ dawk l-Istati Membri li jkunu aċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kull wieħed minn dawn l-Istati jiddetermina jekk il-possibbiltà ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tkun miftuħa għall-qrati kollha tiegħu jew tkun irriżervata biss għal dawk li jiddeċiedu fl-aħħar istanza.

(2)  Il-qorti tar-rinviju hija mitluba, f’dan ir-rigward, li tagħti r-referenzi preċiżi għal dawn it-testi u għall-pubblikazzjoni tagħhom, bħall-paġna tal-ġurnal uffiċjali jew tal-ġabra speċifika, jew ir-referenza għal sit internet.

(3)  Għal iktar informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu sabiex jintlaqgħu jew jiġu miċħuda talbiet għal proċedura mħaffa mressqa abbażi tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991, kif emendati, ara d-digrieti adottati mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, disponibbli fis-sit www.curia.europa.eu (dawn id-digrieti huma aċċessibbli taħt it-taqsima “Ġurisprudenza”, billi jintgħażlu suċċessivament, fil-formularju ta’ riċerka, l-entrati segwenti: Dokumenti – Dokumenti mhux ippubblikati fil-Ġabra – Digrieti – Proċedura mħaffa).


Top