Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012H0417

2012/417/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Lulju 2012 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha

OJ L 194, 21.7.2012, p. 39–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2012/417/oj

21.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/39


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Lulju 2012

dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha

(2012/417/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropa 2020 (1) tagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni.

(2)

Il-miri stabbiliti mill-istrateġija Ewropa 2020 huma mogħtija f’aktar dettall b’mod partikolari fl-Inizjattivi Ewlenin “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (2) u “Unjoni tal-Innovazzjoni” (3). Fost l-azzjonijiet li jridu jittieħdu skont l-“Aġenda Diġitali”, ir-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi għandha tinxtered sew billi d-dejta xjentifika u l-kitbiet jiġu ppubblikati permezz ta’ aċċess miftuħ. L-inizjattiva “Unjoni tal-Innovazzjoni” titlob li jiġi stabbilit qafas għal Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) biex jgħin fit-tneħħija tal-ostakoli għall-mobilità u għall-kooperazzjoni transkonfinali. Din tistabbilixxi li l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet u d-dejta mir-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi għandu jkun promoss,u l-aċċess għall-pubblikazzjonijiet għandu jsir il-prinċipju ġenerali għall-proġetti ffinanzjati mill-Programmi ta’ Qafas dwar ir-riċerka tal-UE.

(3)

Fl-14 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, tixrid u konservazzjoni (4), akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal. Din tat stampa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa fir-rigward tal-pubblikazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tar-riżultati tar-riċerka, u teżamina kwistjonijiet organizzazzjonali, legali, tekniċi u finanzjarji rilevanti.

(4)

Il-Komunikazzjoni ġiet segwita f’Novembru 2007 mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, tixrid u konservazzjoni. Il-Konklużjonijiet stiednu lill-Kummissjoni biex tesperimenta bl-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi minn proġetti ffinanzjati mill-programmi ta’ qafas dwar ir-riċerka tal-UE u li jinkludu sett ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri. Saru avvanzi f’xi wħud mill-oqsma trattati fil-Konklużjonijiet, iżda ma ntlaħqux il-miri kollha u l-progress kien irregolari fost l-Istati Membri. L-azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex tisfrutta bl-aħjar mod il-potenzjal tar-riċerka tal-Ewropa.

(5)

“Il-politiki tal-aċċess miftuħ” għandhom l-għan li jipprovdu lill-qarrejja, bla ħlas u kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess tat-tixrid, aċċess għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi vvalutati u dejta tar-riċerka, u li jippermettu l-użu u l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka xjentifika. Dawn il-politiki għandhom ikunu implimentati billi jqisu l-isfida tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

(6)

Il-politiki dwar l-aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka xjentifika għandhom japplikaw għar-riċerka kollha li tirċievi fondi pubbliċi. Dawn il-politiki huma mistennija jtejbu l-kundizzjonijiet tat-twettiq tar-riċerka billi jnaqqsu d-dupllikazzjoni tal-isforzi u jimminimizzaw il-ħin meħtieġ għat-tiftix ta’ informazzjoni u biex tiġi aċċessata. Dan se jħaffef il-progress xjentifiku u jagħmilha iktar faċli biex issir kooperazzjoni madwar u lil hinn mill-UE. Dawn il-politiki se jwieġbu wkoll għas-sejħiet fi ħdan il-komunità xjentifika għal aktar aċċess għall-informazzjoni xjentifika.

(7)

Li jkun possibbli għall-atturi soċjali li jinteraġixxu fiċ-ċiklu tar-riċerka jtejjeb il-kwalità, ir-rilevanza, l-aċċettabbiltà u s-sostenibbiltà tal-eżiti tal-innovazzjoni permezz tal-integrazzjoni tal-apettattivi, il-ħtiġijiet, l-interessi u l-valuri tas-soċjetà. L-aċċess miftuħ huwa fattur ewlieni tal-politiki tal-Istati Membri għar-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli billi r-riżultati tar-riċerka jkunu disponibbli għal kulħadd u billi jiġi ffaċilitat l-involviment tas-soċjetà.

(8)

In-negozji se jibbenefikaw ukoll minn aċċess usa’ għar-riżultati tar-riċerka xjentifika. B’mod partikolari, l-impriżi żgħar u medji se jtejbu l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni. Għalhekk, il-politiki dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika għandhom jiffaċilitaw ukoll l-aċċess tal-kumpaniji privati għall-informazzjoni xjentifika.

(9)

L-Internet biddel b’mod fundamentali d-dinja tax-xjenza u tar-riċerka. Pereżempju, il-komunitajiet tar-riċerka ilhom jesperimentaw b’modi ġodda kif jirreġistraw, jiċċertifikaw, ixerrdu u jikkonservaw pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Il-politiki ta’ riċerka u ta’ finanzjament jeħtieġu li jadattaw għal dan l-ambjent ġdid. Għandu jiġi rrakkomandat lill-Istati Membri li jadattaw u jiżviluppaw il-politiki tagħhom dwar l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

(10)

L-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka xjentifika jżid il-kwalità tad-dejta, inaqqas il-ħtieġa tar-riċerka doppja, iħaffef il-progress xjentifiku u jgħin fil-ġlieda kontra l-frodi xjentifika. Fl-aħħar rapport tiegħu “Riding the wave: How Europe can gain from the rising tide of scientific data” (5) f’Ottubru 2010, il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar id-Dejta Xjentifika enfasizza l-importanza kritika tal-qsim u tal-konservazzjoni ta’ dejta affidabbli prodotta matul il-proċess xjentifiku. Għalhekk, il-politika ta’ azzjoni dwar l-aċċess għad-dejta hija urġenti u għandha tiġi rrakkomandata lill-Istati Membri.

(11)

Huwa fl-interess pubbliku li jkun hemm konservazzjoni tar-riżultati tar-riċerka xjentifika. Tradizzjonalment kienet taħt ir-responsabbiltà tal-biblijoteki, speċjalment il-biblijoteki nazzjonali ta’ depożitu legali. Il-volum tar-riżultati tar-riċerka ġġenerati qiegħed jikber bil-bosta. Għandu jkun hemm mekkaniżmi, infrastrutturi u soluzzjonijiet software informatiċi li jippermettu l-konservazzjoni fit-tul tar-riżultati tar-riċerka f’forma diġitali. Il-finanzjament sostenibbli għall-konservazzjoni huwa kruċjali peress li l-ispejjeż għall-manutenzjonimanutenzjoni tal-kontenut diġitali għadhom relattivament għoljin. Minħabba l-importanza tal-konservazzjoni għall-użu futur tar-riżultati tar-riċerka, l-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-politiki f’dan il-qasam għandu jiġi rrakkomandat lill-Istati Membri.

(12)

Il-politiki li jridu jiġu żviluppati mill-Istati Membri għandhom jiġu ddefiniti fuq livell nazzjonali jew subnazzjonali skont is-sitwazzjoni kostituzzjonali u d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet li jiddefinixxu il-politika ta’ riċerka.

(13)

Infrastrutturi elettroniċi solidi li jirfdu s-sistema ta’ informazzjoni xjentifika se jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni fit-tul tagħha. Dan jista’ jagħti spinta lir-riċerka kollaborattiva. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Infrastrutturi tal-ICT għax-Xjenza elettronika”, l-infrastrutturi elettroniċi huma mfissra bħala “ambjent li fih ir-riżorsi ta’ riċerka (ħardware, software u l-kontenut (6)) jistgħu jinqasmu jiġu aċċessati minnufih kull fejn ikun meħtieġ biex jippromwovu r-riċerka aħjar u iktar effettiva.” Għalhekk, għandu jiġi rrakkomandat l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn l-infrastrutturi u tal-interkonnessjoni tagħhom fuq livell Ewropew

(14)

Il-mixja lejn l-aċċess miftuħ hija impenn dinji, kif muri mill-“Istrateġija rreveduta dwar il-kontribuzzjoni tal-UNESCO għall-promozzjoni tal-aċċess miftuħ għar-riċerka u l-informazzjoni xjentifika” (7) u d-“Dikjarazzjoni tal-OECD dwar l-Aċċess għad-Dejta tar-Riċerka mill-Finanzjament Pubbliku” (8). L-Istati Membri għandhom ikunu parti minn dan l-impenn globali u għandhom ikunu ta’ eżempju billi jżidu ambjent ta’ riċerka miftuħ u kollaborattiv ibbażat fuq ir-reċiproċità.

(15)

Minħabba l-istat tranżizzjonali tas-settur tal-pubblikazzjoni, jeħtieġ li l-partijiet interessati jingħaqdu flimkien biex jakkumpanjaw il-proċess ta’ tranżizzjoni u jfittxu soluzzjonijiet sostenibbli għall-proċess ta’ pubblikazzjoni xjentifika.

(16)

Fit-12 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat pakkett li jikkonsisti f’Komunikazzjoni dwar id-dejta miftuħa, proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (9) u regoli ġodda tal-Kummissjoni fuq id-dokumenti li hija għandha. Il-pakkett jippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-dejta miftuħa f’qafas uniku u koerenti, li jħaddan l-azzjonijiet inkluża din ir-Rakkomandazzjoni.

(17)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni fejn il-Kummissjoni tiddefinixxi l-politika u l-viżjoni tagħha dwar l-aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka. Tiddeskrivi l-azzjonijiet li l-Kummissjoni se tieħu bħala korp li jipprovdi l-finanzjament għar-riċerka xjentifika mill-baġit tal-Unjoni.

(18)

Flimkien ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u l-Komunikazzjoni ta’ akkumpanjament, il-Kummissjoni qed tadotta Komunikazzjoni dwar “Sħubija msaħħa taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-eċċellenza u għat-tkabbir” fejn tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin għat-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, fejn waħda minn dawn il-prijoritajiet hija ċ- ċirkolazzjoni ottimali tal-għarfien xjentifiku, l-aċċess għalih u t-trasferiment tiegħu.

B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi

1.

Jiddefinixxu b’mod ċar il-politiki għat-tixrid tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, u l-aċċess miftuħ għal dawn il-pubblikazzjonijiet. Dawn il-politiki għandhom jipprovdu għal:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress,

pjanijiet ta’ implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet,

ippjanar finanzjarju assoċjat.

Jiżguraw li, bħala riżultat ta’ dawn il-politiki:

għandu jkun hemm mill-aktar fis possibbli, aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, preferibbilment b’mod immedjat u f’kull każ mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni, u tnax-il xahar għax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi,

is-sistemi ta’ ħruġ ta’ liċenzji għandhom jikkontribwixxu għall-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi b’mod bilanċjat, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tad-drittijiet tal-awtur u bla preġudizzju għalija, u jinkoraġġixxu r-riċerkaturi jżommu d-drittijiet tal-awtur tagħhom filwaqt li jagħtu l-liċenzji lill-pubblikaturi,

is-sistema ta’ karriera akkademika għandha tappoġġa u tippremja lir-riċerkaturi li jipparteċipaw f’kultura ta’ skambju tar-riżultati tar-riċerka tagħhom, b’mod partikolari billi jiżguraw l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tagħhom u billi jiżviluppaw, jinkoraġġixxu u jużaw mudelli ġodda u alternattivi ta’ valutazzjoni, metrika u indikaturi tal-karriera,

għandha titjieb it-trasparenza, partikolarment billi l-pubbliku jiġi infurmat dwar ftehimiet bejn istituzzjonijiet pubbliċi jew gruppi ta’ istituzzjonijiet pubbliċi u pubblikaturi għall-provvista ta’ informazzjoni xjentifika. Dan għandu jinkludi l-ftehimiet li jkopru l-hekk imsejħa “offerti kbar”, jiġifieri pakketti ta’ abbonamenti għal rivisti stampati u elettroniċi offruti bi prezz imraħħas,

l-impriżi żgħar u medji u r-riċerkaturi mhux affiljati għandu jkollhom l-akbar u l-irħas aċċess possibbli għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi tar-riżultati tar-riċerka li jirċievu finanzjament pubbliku.

2.

Jiżguraw li l-istituzzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka responsabbli għall-immaniġġjar tal-iffinanzjar għar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jimplimentaw il-politiki billi:

jiddefinixxu l-politiki istituzzjonali għat-tixrid tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u l-aċċess pubbliku għalihom; jistabbilixxu pjanijiet ta’ implimentazzjoni fuq il-livell ta’ dawk li jiffinanzjaw l-istituzzjonijiet,

il-finanzjament meħtieġ ikun disponibbli għat-tixrid (li jinkludi l-aċċess miftuħ), jippermettu mezzi differenti, li jinkludu fejn huwa xieraq, kif ukoll l-infrastrutturi elettroniċi diġitali u metodi oħra ta’ sperimentazzjoni ta’ komunikazzjoni akkademika,

jaġġustaw is-sistema ta’ reklutaġġ u ta’ evalwazzjoni tal-karriera għar-riċerkaturi u s-sistema ta’ evalwazzjoni għall-għoti ta’ fondi għar-riċerka lir-riċerkaturi sabiex jiġu ppremjati dawk li jipparteċipaw fil-kultura ta’ skambju tar-riżultati tar-riċerka tagħhom. Is-sistemi mtejba għandhom jqisu r-riżultati tar-riċerka disponibbli permezz tal-aċċess miftuħ u jiżviluppaw, jinkoraġġixxu u jużaw mudelli ġodda u alternattivi ta’ valutazzjoni, kejl statistiku u indikaturi tal-karriera,

jiggwidaw lir-riċerkaturi dwar kif jikkonformaw mal-politiki ta’ aċċess miftuħ, speċjalment dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali tagħhom biex jiżguraw l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tagħhom,

jmexxu negozjati kongunti mal-pubblikaturi biex jiksbu l-aħjar termini possibbli għall-aċċess tal-pubblikazzjonijiet, li jinkludu l-użu u l-użu mill-ġdid,

jiżguraw li r-riżultati tar-riċerka li tirċievi l-finanzjament pubbliku jistgħu jkunu faċilment identifikabbli b’mezzi tekniċi xierqa, li jinkludu l-metadejta mehmuża ma’ verżjonijiet elettroniċi tar-riżultati tar-riċerka.

Aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka.

3.

Jiddefinixxu politiki ċari għat-tixrid tad-dejta tar-riċerka li trriżultaw minn riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi, u l-aċċess miftuħ għaliha. Dawn il-politiki għandhom jipprovdu għal:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress,

pjanijiet ta’ implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet (li jinkludu l-ħruġ ta’ liċenzji b’mod xieraq),

ippjanar finanzjarju assoċjat.

Jiżguraw li, bħala riżultat ta’ dawn il-politiki:

id-dejta tar-riċerka li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mill-fondi pubbliċi ssir pubblikament aċċessibbli, u tkun tista’ tiġi użata u użata mill-ġdid permezz ta’ infrastrutturi elettroniċi diġitali. It-tħassib, b’mod partikolari dwar il-privatezza, is-sigrieti tal-mestier, is-siġurtà nazzjonali, l-interessi kummerċjali leġittimi u d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali għandhom ikunu meqjusa kif xieraq. Kwalunkwe dejta, għarfien u/jew informazzjoni ta’ liema forma jew natura huma, li jiġu miżmuma minn partijiet privati fi sħubija pubblika/privata konġunta qabel l-azzjoni tar-riċerka u li jiġu identifikati bħala tali, ma għandhomx jaqgħu taħt dan l-obbligu,

is-settijiet tad-dejta jkunu faċilment identifikabbli u jistgħu jiġu marbuta ma’ settijiet tad-dejta u pubblikazzjonijiet oħra permezz ta’ mekkaniżmi xierqa, u l-informazzjoni addizzjonali tiġi pprovduta biex tippermettu l-evalwazzjoni u l-użu xierqa tagħhom,

l-istituzzjonijiet responsabbli għall-immaniġġjar tal-iffinanzjar għar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li huma ffinanzjati mill-fondi pubbliċi jassistu fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali billi jwaqqfu mekkaniżmi li jippermettu u jippremjaw l-iskambju tad-dejta tar-riċerka,

il-programmi ta’ grad avvanzat ta’ profili professjonali ġodda fil-qasam tat-teknoloġiji li jimmaniġġjaw id-dejta jiġu promossi u/jew implimentati.

Konservazzjoni u użu mill-ġdid ta’ informazzjoni xjentifika

4.

Jinfurzaw il-konservazzjoni ta’ informazzjoni xjentifika, billi:

jiddefinixxu u jimplimentaw politiki, li jinkludu allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-konservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika, flimkien mal-ippjanar finanzjarju assoċjat, sabiex jiżguraw il-manutenzjoni u l-konservazzjoni fit-tul tar-riżultati tar-riċerka (id-dejta tar-riċerka primarja u r-riżultati kollha l-oħra, inklużi l-pubblikazzjonijiet),

jiżguraw li titwaqqaf sistema effettiva ta’ depożitu għall-informazzjoni xjentifika u elettronika, li tkopri l-pubblikazzjonijiet maħluqa b’mod diġitali u, fejn ikun rilevanti, is-settijiet tad-dejta relatati,

jikkonservaw il-hardwareu s-softwaresoftware meħtieġa biex fil-futur tinqara l-informazzjoni, jew billi l-informazzjoni tiġi ttrasferita għal ambjenti ġodda ta’ software u ħardwer fuq bażi regolari,

irawmu l-kundizzjonijiet għall-partijiet interessati biex joffru servizzi b’valur miżjud ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika.

Infrastrutturi elettroniċi

5.

Jiżviluppaw aktar l-infrastrutturi elettroniċi li jsostnu s-sistema għat-tixrid ta’ informazzjoni xjentifika billi:

Jappoġġaw infrastrutturi tad-dejta xjentifika għat-tixrid tal-għarfien, tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u tal-entitajiet ta’ finanzjament li jindirizzaw l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tad-dejta. Dawn l-istadji għandhom jinkludu l-akkwiżizzjoni, il-manutenzjoni, il-metadejta, il-provenjenza, l-identifikaturi persistenti, l-awtorizzazzjoni, l-awtentikazzjoni u l-integrità tad-dejta. Jeħtieġu jiġu żviluppati approċċi biex jagħtu dehra u idea komuni tas-sejba tad-dejta gfiddixxiplini kollha, u għalhekk inaqqsu l-medda tat-tagħlim meħtieġa biex tinkiseb il-produttività,

jappoggġaw l-iżvilupp u t-taħriġ ta’ gruppi eżistenti ta’ esperti tad-dejta intensiva tax-xjenza kompjuterizzata, li jinkludu l-ispeċjalisti tad-dejta, it-tekniċi u l-maniġers tad-dejta,

jużaw u jibnu riżorsi eżistenti biex ikunu ekonomikament effiċjenti u biex ikunu innovattivi fl-oqsma tal-għodda tal-analiżi, tal-viżwalizzazzjonijiet, tal-appoġġ għat-teħid ta’ deċiżjoni, tal-għodda tal-mudelli u tal-immudellar, tas-simulazzjonijiet, tal-algoritmi l-ġodda u tas-software xjentifiku,

isaħħu l-infrastruttura tal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika l-konservazzjoni tagħa fuq livell nazzjonali, u l-allokazzjoni tal-fondi meħtieġa,

jiżguraw il-kwalità u l-affidabilità tal-infrastruttura, li jinkludu l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni għar-repożitorji,

jiżguraw l-interoperabilità bejn l-infrastrutturi elettroniċi fuq livell nazzjonali u globali.

6.

Jiżguraw sinerġiji bejn l-infrastrutturi elettroniċi nazzjonali fuq livell Ewropew u globali billi:

jikkontribwixxu għall-interoperabilità tal-infrastrutturi elettroniċi, b’mod partikolari dawk li jindirizzaw l-iskambju tad-dejta xjentifika, li jqisu l-esperjenzi ma’ proġetti, infrastrutturi u software eżistenti żviluppati fuq livell global u Ewropew,

jappoġġaw sforzi kooperattivi transnazzjonali li jippromwovu l-użu u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għall-edukazzjoni għolja u r-riċerka.

Djalogu bejn bosta partijiet interessati fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali

7.

Jipparteċipaw fi djalogi bejn il-bosta partijiet interessati fuq livell nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali dwar kif irawwmu l-aċċess miftuħ għal u l-konservazzjoni ta’ informazzjoni xjentifika. Il-parteċipanti għandhom iħarsu b’mod partikolari lejn:

modi kif jikkollegaw il-pubblikazzjonijiet mad-dejta bażika,

modi kif itejbu l-aċċess u jżommu l-ispejjeż taħt kontroll, eż. permezz ta’ negozjati konġunti mal-pubblikaturi,

indikaturi u biblijometriċi ġodda tar-riċerka li mhux biss ikopru pubblikazzjonijiet xjentifiċi iżda wkoll settijiet tad-dejta u tipi oħra ta’ rizultati mill-attività tar-riċerka u l-prestazzjoni individwali tar-riċerkatur,

sistemi u strutturi ġodda ta’ ppremjar,

il-promozzjoni ta’ prinċipji ta’ aċċess miftuħ u ta’ implimentazzjoni fuq livell internazzjonali, speċjalment fil-kuntest ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni bilaterali, multilaterali u internazzjonali.

Koordinazzjoni strutturata tal-Istati Membri fuq livell tal-UE u s-segwitu tar-Rakkomandazzjoni

8.

Sal-aħħar tas-sena jinnominaw punt nazzjonali ta’ referenza li l-kompiti tiegħu se jkunu li:

jikkoordina l-miżuri mniżżla f’din ir-Rakkomandazzjoni,

jaġixxi bħala interlokutur mal-Kummissjoni Ewropea dwar mistoqsijiet relatati mal-aċċess għall-informazzjon i xjentifika u l-konservazzjoni tagħha, b’mod partikolari dwar id-definizzjonijiet aħjar tal-prinċipji u l-istandards komuni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni u l-modi ġodda ta’ tixrid u ta’ skambju ta’ riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka,

jirrapporta dwar is-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Reviżjoni u rappurtar

9.

Jinfurmaw lill-Kummissjoni, 18-il xahar mill-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u kull sentejn wara dan, dwar kull azzjoni meħuda bi tweġiba għall-elementi differenti ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, f’konformità mal-formalitajiet li jridu jiġu definiti u miftiehma. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tirrevedi il-progress magħmul fl-UE biex tivvaluta jekk hemmx il-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri biex jinkisbu l-għanijiet stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  COM(2010) 2020 finali tat-3.3.2010, disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:2020:FIN:MT:PDF.

(2)  COM(2010) 245 finali/2 tas-26.8.2010, disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0245:FIN:MT:PDF.

(3)  COM(2010) 546 finali tas-6.10.2010, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/research/innovation-union/pdf/innovation-union-communication_en.pdf#view=fit&pagemode=none.

(4)  COM(2007) 56 finali tal-14.2.2007; disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52007DC0056:MT:NOT.

(5)  http://cordis.europa.eu/fp7/ict/e-infrastructure/docs/hlg-sdi-report.pdf.

(6)  COM(2009), 108 finali.

(7)  http://www.unesco.org/new/fileadmin/MULTIMEDIA/HQ/CI/CI/images/GOAP/OAF2011/213342e.pdf.

(8)  http://www.oecd.org/dataoecd/9/61/38500813.pdf.

(9)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.


Top