Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0419

2012/419/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal- 11 ta’ Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

OJ L 204, 31.7.2012, p. 131–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ L 204, 31.7.2012, p. 18–18 (GA)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 012 P. 203 - 203

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/419/oj

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/131


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW

tal-11 ta’ Lulju 2012

li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

(2012/419/UE)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 355(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat, li jadotta, b’unanimità u wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni, deċiżjoni li temenda l-istatus fir-rigward tal-Unjoni ta’ pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu msemmi.

(2)

Permezz ta’ ittra tal-President tagħha bid-data tas-26 ta’ Ottubru 2011, ir-Repubblika Franċiża (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Franza”) talbet lill-Kunsill Ewropew biex jieħu deċiżjoni bħal din sabiex il-Majott, li attwalment għandha l-istatus ta’ pajjiż u territorju extra-Ewropew skont l-Artikolu 355(2) TFUE u li tidher hekk fl-Anness II tat-trattat imsemmi, ikollha l-istatus ta’ reġjun ultraperifiku, skont l-Artikolu 349 TFUE.

(3)

It-talba ta’ Franza ssegwi l-għażla tal-abitanti tal-Majott biex jersqu b’mod progressiv lejn il-metropoli, ikkonfermata permezz tar-referendum tad-29 ta’ Marzu 2009 li approva b’maġġoranza ta’ 95,2 % tal-voti l-proposta tat-trasformazzjoni tal-Majott f’dipartiment. Mill-31 ta’ Marzu 2011, il-Majott tikkostitwixxi għalhekk il-mitt dipartiment Franċiż u wieħed u l-ħames dipartiment Franċiż extra-Ewropew.

(4)

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali u s-sitwazzjoni ġeografika tal-Majott għandhom il-karatteristiċi kollha, imsemmija fl-Artikolu 349 TFUE, ta’ reġjun ultraperifiku skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għandha tiddaħħal referenza għall-Majott fl-Artikolu msemmi sabiex huwa jsir applikabbli globalment, kif ukoll fl-Artikolu 355(1) TFUE.

(5)

Il-bidla fl-istatus tal-Unjoni fir-rigward tal-Majott, li twieġeb għat-talba espressa demokratikament, għandha tikkostitwixxi pass koerenti lejn l-aċċess tal-Majott għal status qrib dak tal-metropoli,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-Majott ma tibqax pajjiż u territorju extra-Ewropew, li japplikaw għalih id-dispożizzjonijiet tar-raba’ parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE) u ssir reġjun ultraperiferiku skont l-Artikolu 349 TFUE.

Artikolu 2

It-TFUE huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 349, l-ewwel subparagrafu, it-terminu “tal-Majott” għandu jiddaħħal wara t-terminu “tal-Martinique”.

2.

Fl-Artikolu 355(1), it-terminu “għall-Majott” għandu jiddaħħal wara t-terminu “għall-Martinique”.

3.

Fl-Anness II, għandu jitħassar is-sitt punt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

H. VAN ROMPUY


Top