EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0176

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2011 tal- 24 ta’ Frar 2011 dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta qabel l-istabbilment u l-modifikazzjoni ta' blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 51, 25.2.2011, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 019 P. 126 - 131

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/176/oj

25.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 176/2011

tal-24 ta’ Frar 2011

dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta qabel l-istabbilment u l-modifikazzjoni ta' blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizzi) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 9a(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali huma instigaturi prinċipali għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex il-prestazzjoni tkun aħjar u jinħolqu s-sinerġiji. Għal dak il-għan u sabiex tiġi ottimizzata l-interfaċċja tal-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali fl-Ajru Uniku Ewropew, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u fejn meħtieġ jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ pajjiżi terzi.

(2)

L-Istati Membri jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 meta jistabbilixxu blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

(3)

L-Istati Membri li jistabbilixxu blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali jridu jipprovdu l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, Stati Membri oħrajn u partijiet interessati oħrajn, biex ikollhom l-opportunità jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-għan li jiffaċilitaw l-iskambju tal-opinjonijiet. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu informazzjoni klassifikata, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

(4)

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont dan ir-Regolament għandha tirrifletti konformità mal-għanijiet tal-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali u tassisti lill-Istati Membri fl-iżgurar ta' konsistenza ma' miżuri oħrajn tal-Ajru Uniku Ewropew.

(5)

Sabiex tiffaċilita tali skambju ta' informazzjoni u s-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet, l-informazzjoni "adegwata" biex tiġi pprovduta lill-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”) u partijiet interessati oħrajn għandha tkun spjegata b'mod ċar flimkien mal-proċeduri għal dan l-iskambju ta' informazzjoni.

(6)

B'mod partikolari, l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni flimkien u għaldaqstant jipprovdu sett wieħed ta' informazzjoni u evidenza dokumentata għal kull blokk funzjonali ta' spazju tal-ajru.

(7)

L-istabbilment ta' blokk funzjonali ta' spazju tal-ajru għandu jiġi kkunsidrat bħala l-proċess legali li permezz tiegħu l-Istati Membri jridu jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-blokok ta' spazju tal-ajru rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex ikunu konformi ma' dan ir-rekwiżit sal-4 ta' Diċembru 2012 l-aktar tard, skont ir-Regolament (KE) Nru 550/2004.

(8)

Id-determinazzjoni dwar jekk blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali ġiex modifikat għandha ssir abbażi tal-istess kriterju għall-Istati Membri kollha u għandha tkun limitata għal dawk il-bidliet li għandhom impatt konsiderevoli fuq il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali u/jew il-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali jew l-Istati Membri ġirien.

(9)

Skont l-Artikolu 13a tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw mal-EASA sabiex jiżguraw li l-aspetti kollha tas-sikurezza qed jiġu indirizzati kif suppost waqt l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

(10)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax is-sigurtà jew l-interessi tal-politika tad-diviża tal-Istati Membri u l-ħtiġijiet kunfidenzjali relatati skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(11)

Skont l-Artikolu 83 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, l-Istati Membri li jistabbilixxu blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali jkunu jridu jirreġistraw ftehimiet jew arranġamenti mal-ICAO fir-rigward tal-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali u kwalunkwe emenda sussegwenti fihom.

(12)

L-istabbilment ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali li jkunu jirriżultaw f'bidliet fil-konfini tar-Reġjun ta' Informazzjoni dwar it-Titjir (FIR) tal-ICAO jew fil-faċilitajiet u servizzi pprovduti fi ħdan dawk il-konfini għandhom ikomplu jkunu suġġetti għall-proċess tal-ippjanar tan-navigazzjoni tal-ajru ICAO u l-proċedura għall-emenda tal-Pjanijiet tan-Navigazzjoni tal-Ajru tal-ICAO.

(13)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tas-sikurezza tagħhom b'mod effettiv meta jistabbilixxu blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali. Għandhom juru u jiżguraw kif xieraq li l-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali se jiġi stabbilit u amministrat b'mod sikur, filwaqt li jindirizzaw lill-Istati Membri u lill-elementi amministrattivi tal-forniment tas-sikurezza tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru assoċjati mal-istabbilment tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali, filwaqt li jiffukaw fuq ir-rwolijiet tas-sikurezza u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

(14)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għal:

1)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri kkonċernati lill-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”), Stati Membri u partijiet interessati oħrajn qabel l-istabbilment u l-modifikazzjoni ta' blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

2)

il-proċeduri għall-forniment tal-informazzjoni lil u s-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet mill-partijiet msemmija fil-punt 1), qabel ma ssir in-notifika dwar il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“Stati Membri kkonċernati” tfisser l-Istati Membri li flimkien qablu li jistabbilixxu blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 550/2004;

2)

“Partijiet interessati” tfisser il-pajjiżi terzi ġirien ta' blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali, l-utenti rilevanti tal-ispazju tal-ajru jew gruppi ta' utenti tal-ispazju tal-ajru u l-korpi rappreżentanti tal-persunal kif ukoll fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru li huma maġenb dawk fi blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

Artikolu 3

Dimostrazzjoni ta’ konformità

L-Istati Membri kkonċernati għandhom flimkien jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness għal dan ir-Regolament biex juru li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

Artikolu 4

Proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni għal blokok ġodda ta' spazju tal-ajru funzjonali

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-24 ta' Ġunju 2012. Il-Kummissjoni għandha tagħmilha disponibbli lill-EASA għall-osservazzjonijiet, Stati Membri oħrajn u l-partijiet interessati sa mhux aktar tard minn ġimgħa wara li tasal l-informazzjoni.

2.   L-osservazzjonijiet tal-EASA, Stati Membri u partijiet interessati oħrajn għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li tasal l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika mingħajr dewmien l-osservazzjonijiet li waslulha u l-osservazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri kkonċernati.

3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom bl-istess mod jikkunsidraw l-osservazzjonijiet li waslulhom qabel l-istabbilment tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali tagħhom.

Artikolu 5

Modifikazzjoni ta' blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali stabbilit

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali stabbilit għandu jiġi kkunsidrat bħala modifikat meta modifikazzjoni proposta tirriżulta f'bidliet fid-dimensjonijiet definiti tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

2.   Tal-anqas sitt xhur qabel ma tiġi implimentata l-modifikazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom flimkien jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-bidliet proposti u jipprovdu l-informazzjoni li tappoġġa l-bidliet, filwaqt li jaġġornaw kif jixraq l-informazzjoni pprovduta għall-istabbilment tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali. Il-Kummissjoni għandha tagħmilha disponibbli lill-EASA, Stati Membri oħrajn u l-partijiet interessati għall-osservazzjonijiet sa mhux aktar tard minn ġimgħa wara li tasal l-informazzjoni.

3.   L-osservazzjonijiet tal-EASA, Stati Membri u partijiet interessati oħrajn għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li tasal l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tikkomunika l-osservazzjonijiet li waslulha u l-osservazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri kkonċernati.

4.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom bl-istess mod jikkunsidraw l-osservazzjonijiet li waslulhom qabel il-modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali tagħhom.

Artikolu 6

Blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali stabbiliti diġà

L-Istati Membri kkonċernati li diġà stabbilixxew blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa stabbilita fl-Anness, li ma tkunx ġiet sottomessa diġà bħala parti min-notifika tagħhom, hija pprovduta lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-24 ta' Ġunju 2012.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.


ANNESS

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA

PARTI I

Informazzjoni ġenerali

1.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jispeċifikaw:

(a)

Il-punt ta' kuntatt għall-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(b)

Id-dimensjonijiet definiti tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(c)

Il-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru nnominati flimkien u l-fornituri tas-servizz meteoroloġiku, jekk applikabbli, u l-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom;

(d)

Il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru li jipprovdu s-servizzi mingħajr ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u l-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom.

2.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar l-arranġamenti konklużi fir-rigward tal-istabbilment jew modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali, inkluż:

(a)

Kopja tad-dokumenti li jirriflettu l-ftehim reċiproku tal-Istati Membri kkonċernati biex jistabbilixxu l-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(b)

Informazzjoni dwar l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fil-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(c)

Informazzjoni dwar l-arranġamenti bejn il-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru fil-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(d)

Informazzjoni dwar l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet ċivili u militari kompetenti fir-rigward tal-involviment tagħhom fl-istrutturi ta' governanza tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

3.

Stati Membri kkonċernati jistgħu jirreferu għall-informazzjoni pprovduta diġà lill-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

PARTI II

Rekwiżiti tal-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni, inkluż dokumentazzjoni ta' appoġġ, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

1.   Il-każ dwar is-sikurezza tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali

Fir-rigward tal-każ dwar is-sikurezza tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali, għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja:

(a)

Il-politika jew pjanijiet komuni tas-sikurezza biex tiġi stabbilita politika komuni tas-sikurezza;

(b)

Deskrizzjoni tal-arranġamenti li jindirizzaw l-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti u l-pjanijiet dwar kif għandu jiġi indirizzat il-ġbir tad-dejta marbut mas-sikurezza, l-analiżi u l-iskambju;

(c)

Deskrizzjoni tal-mod kif is-sikurezza qed tiġi amministrata biex tiġi evitata degradazzjoni fil-prestazzjoni tas-sikurezza fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(d)

Deskrizzjoni tal-arranġamenti li b'mod ċar jidentifikaw u jallokaw ir-responsabbiltajiet u l-interfaċċji fir-rigward tal-istabbilment tal-miri tas-sikurezza, is-sorveljanza tas-sikurezza u l-miżuri ta' infurzar li jakkumpanjawhom fir-rigward tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(e)

Dokumentazzjoni u/jew dikjarazzjonijiet dwar il-fatt li l-valutazzjoni tas-sikurezza inkluż l-identifikazzjoni tal-periklu, il-valutazzjoni tar-riskju u t-taffija saru qabel l-introduzzjoni tal-bidliet operattivi li jirriżultaw mill-istabbilment jew il-modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

2.   L-aħjar użu tal-ispazju tal-ajru, filwaqt li jitqiesu il-flussi tat-traffiku tal-ajru

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

Deskrizzjoni tar-relazzjonijiet mal-funzjonijiet tan-netwerk rilevanti li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), inkluż il-koordinazzjoni, l-arranġamenti u l-proċeduri sabiex l-ispazju tal-ajru jkun użat bl-aħjar mod.

(b)

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali li mhux kopert mill-funzjonijiet tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004, informazzjoni dwar:

L-arranġamenti għal ġestjoni integrata tal-ispazju tal-ajru;

Id-dispożizzjonijiet għall-kondiviżjoni tad-dejta dwar il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru;

L-arranġamenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet kooperattiv u li hu effettiv.

(c)

Fir-rigward tal-koordinazzjoni fil-ħin reali fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali:

Deskrizzjoni dwar kif l-attivitajiet transkonfinali jiġu ġestiti jekk jinħolqu żoni ġodda li jirriżultaw mill-istabbilment jew modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

3.   Konsistenza man-netwerk Ewropew tar-rotot

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni biex juru li t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-rotta għall-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali huma konsistenti mal-'proċess stabbilit għall-koordinazzjoni kumplessiva, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tan-netwerk Ewropew tar-rotot imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 u li jitlestew ukoll fiż-żmien.

Stati Membri kkonċernati jistgħu jirreferu għall-informazzjoni pprovduta diġà lill-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

4.   Valur miżjud kumplessiv ibbażat fuq analiżi tal-benefiċċju u tal-kost

L-Istati Membru kkonċernati għandhom jipprovdu dikjarazzjonijiet li bihom jikkonfermaw li:

(a)

L-analiżi tal-benefiċċju u tal-kost saret skont il-prattika normali tal-industrija, bl-użu fost l-oħrajn ta' analiżi ta' flussi ta' flus skontati;

(b)

L-analiżi tal-benefiċċju u tal-kost tipprovdi perspettiva kkonsolidata tal-impatt tal-istabbilment jew modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru ċivili jew militari;

(c)

L-analiżi tal-benefiċċju u tal-kost turi riżultat finanzjarju kumplessivament pożittiv (Valur Nett tal-Preżent u/jew Rata Interna ta' Redditu) għall-istabbilment jew modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(d)

Il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali jikkontribwixxi għal nuqqas fl-impatt ambjentali tal-avjazzjoni;

(e)

Ġew dokumentati l-valuri għall-kostijiet u l-benefiċċji, is-sorsi tagħhom u s-suppożizzjonijiet li saru biex tiġi żviluppata l-analiżi tal-benefiċċju u tal-kost;

(f)

Il-partijiet interessati ewlenin ġew ikkonsultati u ingħataw informazzjoni dwar l-istimi tal-kostijiet u l-benefiċċji li huma applikabbli għall-operazzjonijiet tagħhom.

5.   Żgurar ta' trasferiment flessibbli u mingħajr problemi tar-responsabbiltà għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru bejn l-unitajiet tas-servizz tat-traffiku tal-ajru

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni biex juru li t-trasferiment tar-responsabbiltà għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru huwa mingħajr problemi u flessibbli fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali. Dan għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-bidliet introdotti mill-istabbilment jew modifikazzjoni tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali:

(a)

Deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-forniment transkonfinali tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;

(b)

L-arranġamenti konklużi għat-titjib tal-proċeduri ta' koordinazzjoni bejn il-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru kkonċernati fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali u inizjattivi oħra ppjanati biex titjieb il-koordinazzjoni;

(c)

Deskrizzjoni tal-arranġamenti konklużi għat-titjib tal-proċeduri tal-koordinazzjoni bejn il-fornituri tas-servizz tat-traffiku tal-ajru ċivili u militari kkonċernati u inizjattivi oħra ppjanati biex titjieb il-koordinazzjoni f'konformità mal-kunċett tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru;

(d)

Deskrizzjoni tal-arranġamenti konklużi għat-titjib tal-proċeduri ta' koordinazzjoni mal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru maġenb dawk ikkonċernati, u ppjanar ta' inizjattivi oħra biex titjieb il-koordinazzjoni.

6.   Żgurar tal-kompatibbiltà bejn il-konfigurazzjonijiet differenti tal-ispazju tal-ajru; filwaqt li jiġu ottimizzati, inter alia, ir-reġjuni attwali tal-informazzjoni dwar it-titjiriet

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-pjanijiet disponibbli ta' kif għandha tinkiseb l-organizzazzjoni armonizzata u l-klassifikazzjoni tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-ispazju tal-ajru fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali. Il-pjanijiet għandhom jinkludu:

(a)

Il-prinċipji għall-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru u l-organizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru għall-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali;

(b)

Il-bidliet tal-konfigurazzjoni tal-ispazju tal-ajru li jirriżultaw mill-armonizzazzjoni fi ħdan il-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

7.   Ftehimiet reġjonali konklużi fi ħdan l-ICAO

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-lista tal-ftehimiet reġjonali eżistenti konklużi f'konformità mal-qafas stabbilit permezz tal-Anness 11 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li huma ta' rilevanza fir-rigward tal-istabbilment u l-operazzjonijiet tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

8.   Ftehimiet reġjonali eżistenti

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu lista tal-ftehimiet eżistenti konklużi minn Stat Membru kkonċernat wieħed jew aktar, inkluż dawk ma' pajjiżi terzi, li huma ta' rilevanza fir-rigward tal-istabbilment u l-operazzjonijiet tal-blokk ta' spazju tal-ajru funzjonali.

9.   Miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha

9.1.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-arranġamenti konklużi sabiex jiffaċilitaw il-konsistenza mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

9.2.

Stati Membri konċernati jistgħu jirreferu għall-informazzjoni pprovduta diġà lill-Kummissjoni skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 (2).


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20

(2)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.


Top