Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0070

Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad- 19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv

OJ L 199, 2.8.2011, p. 48–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 028 P. 136 - 144

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/70/oj

2.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/48


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/70/EURATOM

tad-19 ta’ Lulju 2011

li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li tfasslet wara li nkisbet l-opinjoni ta’ grupp ta’ persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri,

Wara likkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Trattat Euratom”) jipprevedi l-istabbiliment ta’ standards uniformi ta’ sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali.

(2)

L-Artikolu 30 tat-Trattat Euratom jipprevedi l-istabbiliment ta’ standards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti.

(3)

L-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’dejta ġenerali dwar kwalunkwe pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom (3) tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti. Dik id-Direttiva ġiet supplimentata b’leġiżlazzjoni aktar speċifika.

(5)

Kif rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Trattat Euratom, dwar is-saħħa u s-sikurezza, jiffurmaw sett sħiħ u koerenti li jikkonferixxi fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ ambitu konsiderevoli sabiex il-popolazzjoni u l-ambjent jiġu protetti mir-riskji ta’ kontaminazzjoni nukleari (4).

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (5) stabbilixxiet qafas għan-notifika u l-forniment ta’ informazzjoni li għandha tintuża mill-Istati Membri biex il-pubbliku ġenerali jkun protett f’każ ta’ emerġenza radjoloġika. Id-Direttiva tal-Kunsill 89/618/Euratom tas-27 ta’ Novembru 1989 dwar kif il-pubbliku ġenerali jkun informat dwar miżuri għal ħarsien tas-saħħa li għandhom ikunu applikati u dwar passi li għandhom jittieħdu fil-każ ta’emerġenza radjoloġika (6), imponiet obbligi fuq l-Istati Membri biex jinformaw lill-pubbliku ġenerali fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika.

(7)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/Euratom (7) tipprevedi l-kontroll ta’ sorsi radjoattivi ssiġillati ta’ attività għolja u sorsi orfni, inklużi sorsi li ma baqgħux jintużaw. F’konformità mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv (“il-Konvenzjoni Konġunta”) u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà ta’ Sorsi Radjuattivi, u prattiki industrijali attwali, sorsi ssiġillati li m’għadhomx jintużaw jistgħu jerġgħu jintużaw, jiġu riċiklati jew jintremew. F’ħafna każijiet, dan jeħtieġ ritorn tas-sors jew ritorn tat-tagħmir, inkluż is-sors, lil fornitur jew manifattur, għal rikwalifikazzjoni jew proċessar.

(8)

Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni (8) tkopri l-ġestjoni ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni li jista’ jkun radjuattiv, iżda teskludi dawk l-aspetti li huma speċifiċi għar-radjuattività, li huma kwistjonijiet trattati fit-Trattat Euratom.

(9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom (9) tistabbilixxi fil-livell tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Komunità”) sistema ta’ superviżjoni u kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat. Dik id-Direttiva ġiet issupplimentata bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/956/Euratom tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kriterji għall-esportazzjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi (10).

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (11), timponi obbligi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu u jżommu qafas nazzjonali għas-sikurezza nukleari. Filwaqt li dik id-Direttiva tikkonċerna prinċipalment is-sikurezza nukleari tal-installazzjonijiet nukleari, hija tiddikjara li huwa wkoll importanti li tiġi żgurata l-ġestjoni sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, inkluż fil-faċilitajiet ta’ ħżin u rimi. Għalhekk, dawn il-faċilitajiet, indirizzati kemm fid-Direttiva 2009/71/Euratom kif ukoll f’din id-Direttiva, ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligi sproporzjonati jew mhux meħtieġa, speċjalment fir-rigward tar-rappurtar.

(11)

Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent (12) tapplika għal ċerti pjani u programmi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (13).

(12)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/851/Euratom tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji għad-diżattivazzjoni ta’ installazzjonijiet nukleari, fjuwil użat u skart radjuattiv (14) tiffoka fuq l-adegwatezza tal-finanzjament, is-sigurtà finanzjarja tiegħu u t-trasparenza tiegħu biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw biss għall-finijiet intenzjonati.

(13)

Skont it-termini speċifiċi tal-adeżjoni tal-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, fejn ċerti impjanti tal-enerġija nukleari kienu soġġetti għal għeluq bikri, il-Komunità ħadet sehem fil-ġbir ta’ riżorsi finanzjarji u tipprovdi appoġġ finanzjarju soġġett għal ċerti kondizzjonijiet għal diversi proġetti ta’ diżattivazzjoni, inkluża l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat.

(14)

Il-Konvenzjoni Konġunta, li ġiet konkluża taħt il-patroċinju tal-IAEA, tirrappreżenta strument ta’ inċentiv li timmira li tikseb u żżomm livell għoli ta’ sikurezza fid-dinja kollha fir-rigward tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv permezz tat-titjib ta’ miżuri nazzjonali u kooperazzjoni internazzjonali.

(15)

Xi Stati Membri diġà pparteċipaw u biħsiebhom jipparteċipaw aktar fil-programm immexxi mill-Istati Uniti u r-Russja, imsejjaħ l-Inizjattiva Globali għat-Tnaqqis tat-Theddid, billi jibagħtu il-fjuwil użat ta’ reatturi ta’ riċerka lejn l-Istati Uniti tal-Amerika u lejn il-Federazzjoni Russa.

(16)

Fl-2006, l-IAEA aġġornat l-istruttura tal-istandards u ppubblikat il-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza, li ġew sponsorjati b’mod konġunt mill-Komunità, l-Organizzazzjoni għall- Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi/Aġenzija tal-Enerġija Nukleari u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. L-applikazzjoni tal-Prinċipji Fundamentali tas-Sikurezza ser tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ standards tas-sikurezza internazzjonali u ser tikkontribwixxi għal konsistenza akbar bejn l-arranġamenti ta’ stati differenti.

(17)

Wara l-istedina tal-Kunsill biex jiġi stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli fil-livell tal-UE, kif ġie rreġistrat fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2007 dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni Sikura ta’ Karburant Nukleari Użat u Skart Radjuattiv, twaqqaf il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/530/Euratom tas-17 ta’ Lulju 2007 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart Nukleari (15) biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi Komunitarji fil-qasam tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u skart radjuattiv. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ENSREG kienu riflessi fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Ġestjoni ta’ Kombustibbli Użat u tal-Iskart Radjuattiv u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2009 dwar ir-rapport tar-Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari.

(18)

Il-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Mejju 2007 adotta Riżoluzzjoni “L-evalwazzjoni tal-Euratom - 50 sena ta’ politika nukleari Ewropea” fejn appella għal standards armonizzati għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u stieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-abbozzi rilevanti tal-proposta leġiżlattiva tagħha u tippreżenta proposta ġdida għal direttiva dwar il-ġestjoni ta’ skart radjuattiv.

(19)

Filwaqt li kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddefinixxi t-taħlita tal-enerġija tiegħu, l-Istati Membri kollha jiġġeneraw skart radjuattiv mill-ġenerazzjoni tal-enerġija jew matul attivitajiet industrijali, agrikoli, mediċi u ta’ riċerka, jew bid-diżattivazzjoni ta’ faċilitajiet nukleari jew f’sitwazzjonijiet ta’ rimedju u interventi.

(20)

L-operazzjoni tar-reatturi nukleari tiġġenera fjuwil użat. Kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddefinixxi l-politika tiegħu dwar iċ-ċiklu tal-fjuwil. Il-fjuwil użat jista’ jitqies jew bħala riżors ta’ valur li jista’ jiġi riproċessat jew bħala skart radjuattiv li jkun iddestinat għar-rimi dirett. Irrispettivament mill-għażla li ssir, għandu jiġi kkunsidrat rimi ta’ skart ta’ livell għoli, li jiġi sseparat waqt ir-riproċessar, jew ta’ fjuwil użat meqjus bħala skart.

(21)

L-iskart radjuattiv, inkluż fjuwil użat meqjus bħala skart, jeħtieġ konteniment u iżolament min-nies u mill-ambjent ħaj għal terminu ta’ żmien twil. In-natura speċifika tiegħu, jiġifieri li fih radjunuklidi tirrikjedi arranġamenti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn perikli kkawżati minn radjazzjoni jonizzanti, inkluż ir-rimi f’faċilitajiet adatti bħala l-lokalizzazzjoni aħħarija. Il-ħżin ta’ skart radjuattiv, inkluż il-ħżin għal żmien fit-tul, huwa soluzzjoni temporanja, iżda m’huwiex alternattiva għar-rimi.

(22)

Skema ta’ klassifikazzjoni nazzjonali tal-iskart radjuattiv għandha tappoġġa dawk l-arranġamenti, filwaqt li tqis b’mod sħiħ it-tipi speċifiċi u l-proprjetajiet tal-iskart radjuattiv.

(23)

Il-kunċett ta’ rimi tipiku għal skart ta’ livell baxx u medju huwa rimi qrib lejn il-wiċċ. Huwa ġeneralment aċċettat fil-livell tekniku li, f’dan il-waqt, ir-rimi ġeoloġiku fil-fond jirrappreżenta l-għażla l-aktar sikura u l-aktar sostenibbli bħala l-punt tat-tmiem tal-ġestjoni ta’ skart ta’ livell għoli u fjuwil użat meqjus bħala skart. L-Istati Membri, filwaqt li jżommu r-responsabbiltà għal-linji ta’ politika rispettivi tagħhom rigward il-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv ta’ livell baxx, medju jew għoli tagħhom, għandhom jinkludu l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-għażliet tar-rimi fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom. Billi l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ faċilità ta’ rimi ser tieħu ħafna deċennji, ħafna programmi jirrikonoxxu l-ħtieġa li jibqgħu flessibbli u adattabbli, eż. sabiex jiġi inkorporat għarfien ġdid dwar il-kondizzjonijiet tas-sit jew l-evoluzzjoni possibbli tas-sistema tar-rimi. L-attivitajiet li jsiru taħt il-Pjattaforma tat-Teknoloġija għall-Implimentazzjoni tar-Rimi Ġeoloġiku ta’ Skart Radjuattiv (IGD-TP) jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għall-kompetenza esperta u t-teknoloġija f’dan ir-rigward. Għal dan l-għan, ir-riversibbiltà u l-possibbiltà ta’ rkupru bħala kriterji tal-operat u t-tfassil jistgħu jintużaw biex jiggwidaw l-iżvilupp tekniku ta’ sistema ta’ rimi. Madankollu, dawk il-kriterji ma għandhomx jissostitwixxu faċilità ta’ rimi mfassal sew li jkollha bażi ġustifikabbli għall-għeluq. Jinħtieġ kompromess peress li l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat hija bbażata fuq ix-xjenza u t-teknoloġija l-aktar avvanzati.

(24)

Għandu jkun obbligu etiku ta’ kull Stat Membru li jevita kwalunkwe piż mhux dovut fuq il-ġenerazzjonijiet futuri fir-rigward ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, kif ukoll kwalunkwe skart radjuattiv mistenni mid-diżattivazzjoni ta’ installazjonijiet nukleari eżistenti. Bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jkunu wrew li huma ħadu passi raġonevoli biex jiżguraw li dak l-objettiv jintlaħaq.

(25)

Ir-responsabbiltà aħħarija tal-Istati Membri għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv hija prinċipju fundamentali li ġie riaffermat mill-Konvenzjoni Konġunta. Dak il-prinċipju ta’ responsabbiltà nazzjonali, flimkien mal-prinċipju ta’ responsabbiltà primarja tad-detentur ta’ liċenzja għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv taħt is-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja kompetenti tiegħu, għandu jissaħħaħ u r-rwol u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja kompetenti għandha tiġi rinforzata b’din id-Direttiva.

(26)

Huwa mifhum li l-użu ta’ sorsi radjuattivi minn awtorità regolatorja kompetenti għall-fini li twettaq il-kompiti regolatorji tagħha ma jaffettwax l-indipendenza tagħha.

(27)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun disponibbli finanzjament adatt għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv.

(28)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali biex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi f’dispożizzjonijiet ċari għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-passi kollha tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi. Għandu jkun possibbli li dawn il-programmi nazzjonali jkunu fl-għamla ta’ dokument ta’ referenza uniku jew sett ta’ dokumenti.

(29)

Huwa mifhum li l-arranġamenti nazzjonali għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv ser jiġu applikati permezz ta’ xi forma ta’ strument legali, regolatorju jew organizzattiv, li l-għażla tiegħu taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri.

(30)

Il-passi differenti fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv huma interrelatati mill-qrib. Id-deċiżjonijiet meħuda f’pass individwali wieħed jistgħu jaffettwaw pass sussegwenti. Għalhekk, meta jkunu qed jiġu żviluppati l-programmi nazzjonali wieħed għandu jieħu kont ta’ tali interdipendenzi.

(31)

It-trasparenza hija importanti fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. It-trasparenza għandha tiġi pprovduta billi jiġu żgurati informazzjoni u opportunitajiet pubbliċi effettivi għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, inkluż l-awtoritajiet lokali u l-pubbliku, biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċessi deċiżjonali f’konformità mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali.

(32)

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u f’livell internazzjonali tista’ tiffaċilita u tħaffef it-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz tal-aċċess għal kompetenza esperta u teknoloġija.

(33)

Xi Stati Membri jqisu li l-kondiviżjoni tal-faċilitajiet għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, inklużi l-faċilitajiet tar-rimi, hija għażla potenzjalment utli, sikura u kost-effettiva meta tkun ibbażata fuq ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati.

(34)

Id-dokumentazzjoni tal-proċess deċiżjonali fir-rigward tas-sikurezza għandha tkun proporzjonata mal-livelli ta’ riskju (approċċ iggradat) u għandha tipprovdi bażi għad-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Dan għandu jippermetti li jiġu identifikati oqsma ta’ inċertezza li għandhom jingħataw attenzjoni meta tkun qed issir valutazzjoni tas-sikurezza. Id-deċiżjonijiet dwar is-Sikurezza għandhom ikunu bbażati fuq is-sejbiet ta’ valutazzjoni tas-sikurezza u l-informazzjoni dwar ir-robustezza u l-affidabbiltà ta’ dik il-valutazzjoni u tal-presupposti tagħha. Għalhekk, il-proċess deċiżjonali għandu jkun ibbażat fuq ġabra ta’ argumenti u evidenza li jfittxu li juru li jkun intlaħaq l-istandard meħtieġ ta’ sikurezza għal xi faċilità jew attività relatata mal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Fil-każ partikolari ta’ faċilità ta’ rimi, id-dokumentazzjoni għandha ttejjeb il-fehim tal-aspetti li jinfluwenzaw is-sikurezza tas-sistema ta’ rimi, inklużi barrieri naturali (ġeoloġiċi) u artifiċjali, u l-iżvilupp mistenni tas-sistema ta’ rimi tul iż-żmien.

(35)

Stat Membru li ma għandux fjuwil użat, ma għandu l-ebda prospett immedjat li jkollu fjuwil użat u l-ebda attività attwali jew ippjanata relatata ma’ fjuwil użat, ikollu obbligu sproporzjonat u mhux meħtieġ jekk ikollu jittrasponi u jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ fjuwil użat. Għalhekk, Stati Membri bħal dawn għandhom ikunu eżentati, sakemm ma jkunux ħadu deċiżjoni li jiżviluppaw kwalunkwe attività relatata ma’ fjuwil nukleari, mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet relatati ma’ fjuwil użat ta’ din id-Direttiva.

(36)

Trattat bejn il-gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-gvern tar-Repubblika tal-Kroazja dwar ir-regolazzjoni tal-istatus u r-relazzjonijiet legali oħra dwar l-investiment, l-isfruttament u d-diżattivazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Krško jirregola l-koproprjetà ta’ impjant tal-enerġija nukleari. Dak it-Trattat jipprevedi responsabbiltà kondiviża għall-ġestjoni u r-rimi ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat. Għalhekk għandha tkun stabbilita eżenzjoni għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sabiex ma tixxekkilx l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dak it-Trattat bilaterali.

(37)

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-perikli radjoloġiċi u mhux radjoloġiċi assoċjati ma’ fjuwil użat u skart radjuattiv għandhom jitqiesu fil-qafas nazzjonali, din id-Direttiva ma tkoprix perikli mhux radjoloġiċi, li jaqgħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(38)

Iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-kompetenzi u l-ħiliet fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, bħala element essenzjali li bih jiġu żgurati livelli għolja ta’ sikurezza, għandhom ikunu bbażati fuq tagħlim permezz ta’ esperjenza fl-operat.

(39)

Ir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku appoġġati minn kooperazzjoni teknika bejn l-atturi jistgħu jiftħu orizzonti għat-titjib tal-ġestjoni sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, kif ukoll jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju tar-radjutossiċità ta’ skart ta’ livell għoli.

(40)

Ir-reviżjoni bejn il-pari tista’ sservi bħala mezz eċċellenti biex tinbena l-fiduċja fil-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat fl-Unjoni Ewropea, bl-għan li tiġi żviluppata u skambjata l-esperjenza u biex jiġu żgurati standards għoljin,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, DEFINIZZJONIJIET U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-iżgurar ta’ ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piżijiet mhux dovuti fuq ġenerazzjonijiet futuri.

2.   Hija tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu arranġamenti nazzjonali adatti għal livell għoli ta’ sikurezza fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv biex il-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jiġu protetti minn perikli kkawżati mir-radjazzjoni jonizzanti.

3.   Hija tiżgura l-forniment ta’ informazzjoni u parteċipazzjoni tal-pubbliku meħtieġa fir-rigward tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv filwaqt li tikkunsidra debitament il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u informazzjoni proprjetarja.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/29/Euratom, din id-Direttiva tissupplimenta l-istandards bażiċi msemmija fl-Artikolu 30 tat-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istadji kollha:

(a)

tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat meta l-fjuwil użat jirriżulta minn attivitajiet ċivili;

(b)

tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, mill-ġenerazzjoni sar-rimi, meta l-iskart radjuattiv jirriżulta minn attivitajiet ċivili.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika:

(a)

għall-iskart minn industriji ta’ estrazzjoni li jista’ jkun radjuattiv u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/21/KE;

(b)

rilaxxi awtorizzati.

3.   L-Artikolu 4(4) ta’ din id-Direttiva ma għandux japplika:

(a)

għar-ripatrijazzjoni ta’ sorsi ssiġillati mhux użati lil fornitur jew manifattur;

(b)

għall-vjeġġi ta’ fjuwil użat ta’ reatturi ta’ riċerka lejn pajjiż fejn fjuwil għal reatturi ta’ riċerka jiġi fornut jew immanifatturat, b’konsiderazzjoni għall-ftehimiet internazzjonali applikabbli;

(c)

għall-iskart u l-fjuwil użat tal-impjant tal-enerġija nukleari eżistenti ta’ Krško, meta jikkonċerna vjeġġi bejn is-Slovenja u l-Kroazja.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’ Stat Membru jew impriża f’dak l-Istat Membru li jirritorna l-iskart radjuattiv wara l-ipproċessar lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu meta:

(a)

ikun ser isir vjeġġ ta’ skart radjuattiv lejn dak l-Istat Membru jew l-impriża biex jiġi pproċessat; jew

(b)

ikun ser isir vjeġġ ta’ materjal ieħor lejn dak l-Istat Membru jew l-impriża bl-iskop tal-irkupru tal-iskart radjuattiv.

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ impriża f’dak l-Istat Membru li fih ikun ser isiru vjeġġi ta’ fjuwil użat għat-trattament jew ir-riproċessar, li jibgħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu skart radjuattiv irkuprat mill-operazzjoni ta’ trattament jew riproċessar, jew ekwivalenti maqbul.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1)

“għeluq” tfisser it-tlestija tal-operazzjonijiet kollha f’xi ħin wara t-tqegħid tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv f’faċilità tar-rimi, inklużi x-xogħol ta’ inġinerija finali jew xogħol ieħor meħtieġ biex il-faċilità tinġieb f’kondizzjoni li tkun sikura fuq terminu ta’ żmien twil;

(2)

“awtorità regolatorja kompetenti” tfisser awtorità jew sistema ta’ awtoritajiet maħtura fi Stat Membru fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv kif imsemmi fl-Artikolu 6;

(3)

“rimi” tfisser it-tqegħid ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv f’faċilità mingħajr l-intenzjoni li jerġa’ jinġabar;

(4)

“faċilità tar-rimi” tfisser kwalunkwe faċilità jew installazzjoni li l-fini primarju tagħha huwa r-rimi ta’ skart radjuattiv;

(5)

“liċenzja” tfisser kwalunkwe dokument legali mogħti taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru biex titwettaq kwalunkwe attività relatata mal-ġestjoni ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv, jew biex jikkonferixxi r-responsabbiltà għal-lokalizzazzjoni, id-disinn, il-bini, l-attivazzjoni, l-operazzjoni, id-diżattivazzjoni jew l-għeluq ta’ faċilità tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat jew ta’ faċilità tal-ġestjoni ta’ skart radjuattiv;

(6)

“detentur ta’ liċenzja” tfisser persuna ġuridika jew fiżika li jkollha responsabbiltà sħiħa għal kwalunkwe attività jew faċilità relatata mal-ġestjoni ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv kif ikun speċifikat f’liċenzja;

(7)

“skart radjuattiv” tfisser materjal radjuattiv f’forma gassuża, likwida jew solida li ma għad fadallu l-ebda użu previst jew ikkunsidrat mill-Istat Membru jew minn persuna ġuridika jew fiżika li d-deċiżjoni tagħha tiġi aċċettata mill-Istat Membru, u li jkun irregolat bħala skart radjuattiv minn awtorità regolatorja kompetenti taħt il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-Istat Membru;

(8)

“ġestjoni ta’ skart radjuattiv” tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-maniġġar, il-pretrattament, it-trattament, il-kondizzjonar, il-ħżin, jew ir-rimi ta’ skart radjuattiv, minbarra t-trasport barra mis-sit;

(9)

“faċilità għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv” tfisser kwalunkwe faċilità jew installazzjoni li l-fini primarju tagħha huwa l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv;

(10)

“riproċessar” tfisser proċess jew operazzjoni, li l-fini tagħha jkun li tagħmel estrazzjoni ta’ materjali fissili u fertili minn fjuwil użat għal użu ulterjuri;

(11)

“fjuwil użat” tfisser fjuwil nukleari li ġie rradjat u mneħħi b’mod permanenti mill-qalba ta’ reattur; il-fjuwil użat jista’ jew jitqies bħala riżorsa utilizzabbli li tista’ tiġi riproċessata jew ikun iddestinat għar-rimi jekk jitqies bħala skart radjuattiv;

(12)

“ġestjoni ta’ fjuwil użat” tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-maniġġar, il-ħżin, ir-riproċessar, jew ir-rimi ta’ fjuwil użat, minbarra t-trasportazzjoni barra mis-sit;

(13)

“faċilità għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat” tfisser kwalunkwe faċilità jew installazzjoni li l-fini primarju tagħha jkun il-ġestjoni ta’ fjuwil użat;

(14)

“ħżin” tfisser iż-żamma ta’ fjuwil użat jew ta’ skart radjuattiv f’faċilità bl-intenzjoni li jiġi rkuprat.

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu l-linji ta’ politika nazzjonali dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(3), kull Stat Membru għandu jkollu r-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv li jiġu ġġenerati fih.

2.   Meta jsir vjeġġ ta’ skart radjuattiv jew fjuwil użat għall-ipproċessar jew ir-riproċessar lejn Stat Membru jew pajjiż terz, ir-responsabbiltà aħħarija għar-rimi sikur u responsabbli ta’ dawk il-materjali, inkluż kwalunkwe skart bħala prodott sekondarju, għandha tibqa’ tal-Istat Membru jew pajjiż terz minn fejn kien sar il-vjeġġ tal-materjal radjuattiv.

3.   Il-linji ta’ politika nazzjonali għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji kollha li ġejjin:

(a)

il-ġenerazzjoni tal-iskart radjuattiv għandha tinżamm sal-minimu li hu raġonevolment prattikabbli, kemm f’termini tal-attività kif ukoll tal-volum, permezz ta’ miżuri ta’ proġettazzjoni adatti u ta’ prattiki tal-operat u tad-diżattivazzjoni, inklużi r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjali;

(b)

jitqiesu l-interdipendenzi bejn il-passi kollha tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv;

(c)

il-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv għandhom jiġu ġestiti b’mod sikur, inkluż fuq terminu ta’ żmien twil b’elementi ta’ sikurezza passivi;

(d)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri għandha ssegwi approċċ iggradat;

(e)

l-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv għandhom jitħallsu minn dawk li ġġeneraw dawk il-materjali u

(f)

għandu jiġi applikat proċess deċiżjonali bbażat fuq evidenza u ddokumentat fir-rigward tal-istadji kollha tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv.

4.   L-iskart radjuattiv għandu jintrema fl-Istat Membru fejn kien iġġenerat, sakemm fiż-żmien tal-vjeġġ ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim, li jqis il-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2006/117/Euratom, bejn l-Istat Membru kkonċernat u Stat Membru ieħor jew pajjiż terz biex tintuża faċilità tar-rimi f’wieħed minnhom.

Qabel vjeġġ lejn pajjiż terz, l-Istat Membru esportatur għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-kontenut ta’ kwalnukwe ftehim bħal dan u jieħu miżuri raġonevoli biex ikun aċċertat li:

(a)

il-pajjiż ta’ destinazzjoni jkun ikkonkluda ftehim mal-Komunità li jkopri l-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat jew huwa parti għall-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni ta’ Skart Radjuattiv (“il-Konvenzjoni Konġunta”);

(b)

il-pajjiż ta’ destinazzjoni jkollu programmi għall-ġestjoni u r-rimi ta’ skart radjuattiv b’objettivi li jirrappreżentaw livell għoli ta’ sikurezza ekwivalenti għal dawk stabbiliti b’din id-Direttiva; u

(c)

il-faċilità tar-rimi fil-pajjiż ta’ destinazzjoni tkun awtorizzata biex isir vjeġġ tal-iskart radjuattiv, tkun qed topera qabel il-vjeġġ, u tkun ġestita f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-programm tal-ġestjoni u rimi ta’ skart radjuattiv ta’ dak il-pajjiż ta’ destinazzjoni.

KAPITOLU 2

OBBLIGI

Artikolu 5

Qafas nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas nazzjonali leġiżlattiv, regolatorju u organizzattiv (“qafas nazzjonali”) għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv li jalloka r-responsabbiltà u jipprovdi koordinazzjoni bejn il-korpi kompetenti rilevanti. Il-qafas nazzjonali għandu jipprovdi dak kollu li ġej:

(a)

programm nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv;

(b)

arranġamenti nazzjonali għas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Id-determinazzjoni dwar kif jiġu adottati u b’liema strument jiġu applikati dawk l-arranġamenti tibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri;

(c)

sistema ta’ liċenzjar tal-attivitajiet u/jew il-faċilitajiet għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, inkluża l-projbizzjoni ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv, tal-operazzjoni ta’ faċilità għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv li tkun mingħajr liċenzja jew it-tnejn li huma u, fejn adatt, li tippreskrivi kondizzjonijiet għal ġestjoni ulterjuri tal-attività, il-faċilità jew it-tnejn li huma;

(d)

sistema ta’ kontroll adatt, sistema ta’ ġestjoni, spezzjonijiet regolatorji, dokumentazzjoni u rappurtar għal attivitajiet u/jew faċilitajiet għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat, inklużi miżuri adatti għall-perijodi ta’ wara l-għeluq ta’ faċilitajiet tar-rimi;

(e)

azzjonijiet ta’ infurzar, inklużi s-sospensjoni ta’ attivitajiet u l-modifika, l-iskadenza jew ir-revoka ta’ liċenzja flimkien ma’ rekwiżiti, jekk adatt, għal soluzzjonijiet alternattivi li jwasslu għal sikurezza mtejba;

(f)

l-allokazzjoni ta’ responsabbiltà għall-korpi involuti fil-passi differenti tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv; b’mod partikolari, il-qafas nazzjonali għandu jagħti responsabbiltà primarja għall-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv lil dawk li jiġġenerawhom jew, f’ċirkostanzi speċifiċi, lil detentur ta’ liċenzja li lilu tkun ġiet fdata din ir-responsabbiltà minn korpi kompetenti;

(g)

rekwiżiti nazzjonali għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku;

(h)

l-iskema/i ta’ finanzjament għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv f’konformità mal-Artikolu 9.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jittejjeb, fejn adatt, filwaqt li jittieħed kont tal-esperjenza operattiva, għarfien miksub mill-proċess deċiżjonali msemmi fl-Artikolu 4(3)(f), u l-iżvilupp ta’ teknoloġija u riċerka rilevanti.

Artikolu 6

Awtorità regolatorja kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm awtorità regolatorja kompetenti fil-qasam tas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tkun funzjonalment separata minn kwalunkwe korp ieħor jew organizzazzjoni oħra kkonċernata mill-promozzjoni jew l-użu ta’ enerġija nukleari jew ta’ materjal radjuattiv, inklużi l-produzzjoni ta’ elettriku u l-applikazzjonijiet radjuisotopiċi, jew mill-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, sabiex tiġi żgurata indipendenza effettiva minn influwenza mhux dovuta fuq il-funzjoni regolatorja tagħha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja kompetenti tingħata s-setgħat legali u r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex tissodisfa l-obbligi tagħha f’konnessjoni mal-qafas nazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 5(1)(b), (c), (d) u (e).

Artikolu 7

Detenturi ta’ liċenzja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà primarja għas-sikurezza tal-faċilitajiet u/jew l-attivitajiet għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv tkun tad-detentur tal-liċenzja. Dik ir-responsabbiltà ma tistax tiġi ddelegata.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali instawrat jirrikjedi li d-detenturi ta’ liċenzja, taħt il-kontroll regolatorju tal-awtorità regolatorja kompetenti, jivvalutaw u jivverifikaw regolarment u jtejbu kontinwament, safejn ikun raġonevolment possibbli, is-sikurezza tal-faċilità jew l-attività għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil użat b’mod sistematiku u verifikabbli. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ valutazzjoni adatta tas-sikurezza u argumenti u evidenza oħra.

3.   Bħala parti mill-għoti ta’ liċenzja lil faċilità jew attività, il-wiri ta’ sikurezza għandu jkopri l-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ attività u l-iżvilupp, l-operazzjoni u d-diżattivazzjoni ta’ faċilità jew l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi kif ukoll il-fażi ta’ wara l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi. Il-wiri ta’ sikurezza għandu jkun ta’ skala komparabbli mal-kumplessità tal-operazzjoni u l-kobor tal-perikli assoċjati mal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat, u l-faċilità jew l-attività. Il-proċess ta’ liċenzjar għandu jikkontribwixxi għas-sikurezza fil-faċilità jew l-attività waqt il-kondizzjonijiet normali tal-operazzjoni, okkorrenzi operattivi antiċipati u inċidenti fil-limiti tal-ippjanar. Hija għandha tipprovdi l-assigurazzjoni ta’ sikurezza meħtieġa fil-faċilità jew l-attività. Għandhom ikunu stabbiliti miżuri biex jipprevjenu aċċidenti u jimmitigaw il-konsegwenzi ta’ aċċidenti, inkluża l-verifika ta’ barrieri fiżiċi u l-proċeduri għall-protezzjoni amministrattiva tad-detentur tal-liċenzja li jkollhom ifallu qabel ma l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jkunu affettwati b’mod sinifikattiv minn radjazzjoni jonizzanti. Dak l-approċċ għandu jidentifika u jnaqqas l-inċertezzi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jirrikjedi li d-detenturi ta’ liċenzja jistabbilixxu u jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni integrati, inkluża assigurazzjoni tal-kwalità, li jagħtu l-prijorità dovuta lis-sikurezza fil-ġestjoni ġenerali ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv u li jiġu ivverifikati regolarment mill-awtorità regolatorja kompetenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jirrikjedi li d-detenturi ta’ liċenzja jipprovdu u jżommu riżorsi finanzjarji u umani adatti biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sikurezza tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv kif stabbilit fil-paragrafi 1 sa 4.

Artikolu 8

Kompetenza esperta u ħiliet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jirrikjedi li l-partijiet kollha jagħmlu arranġamenti għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-persunal tagħhom, kif ukoll attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp biex ikopru l-ħtiġijiet tal-programm nazzjonali għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv sabiex jinkisbu, jinżammu u jiġu żviluppati aktar il-kompetenza esperta u l-ħiliet meħtieġa.

Artikolu 9

Riżorsi Finanzjarji

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qafas nazzjonali jirrikjedi li jkunu disponibbli riżorsi finanzjarji adatti meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 11, speċjalment għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, b’konsiderazzjoni debita tar-responsabbiltà għal dawk li jiġġeneraw il-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv.

Artikolu 10

Trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv issir disponibbli għall-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali. Dan l-obbligu jinkludi li jiġi żgurat li l-awtorità regolatorja kompetenti tinforma lill-pubbliku fl-oqsma tal-kompetenza tagħha. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-obbligi internazzjonali, bil-kondizzjoni li dan ma jipperikolax interessi oħra bħal, fost oħrajn, is-sigurtà, rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew f’obbligi internazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata l-opportunitajiet meħtieġa biex jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u obbligi internazzjonali.

Artikolu 11

Programmi nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (“programm nazzjonali”), li jkopri t-tipi kollha ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu u l-istadji kollha tal-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi.

2.   Kull Stat Membru għandu jirrevedi u jaġġorna b’mod regolari l-programm nazzjonali tiegħu, filwaqt li jieħu kont tal-progress tekniku u xjentifiku kif adatt, kif ukoll ta’ rakkomandazzjonijiet, lezzjonijiet miksuba u prattiki tajba minn reviżjonijiet bejn il-pari.

Artikolu 12

Kontenut tal-programmi nazzjonali

1.   Il-programmi nazzjonali għandhom jistabbilixxu kif l-Istati Membri biħsiebhom jimplimentaw il-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 4 għall-ġestjoni responsabbli u sikura tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv biex jiġu żgurati l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, u għandhom jinkludu dak kollu li ġej:

(a)

l-objettivi ġenerali tal-politika nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv;

(b)

l-avvenimenti sinifikanti u l-perijodi ta’ żmien stipulati b’mod ċar għall-kisba ta’ dawn l-avvenimenti importanti fid-dawl tal-objettivi ġenerali tal-programmi nazzjonali;

(c)

inventarju tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv kollu u stimi għal kwantitajiet futuri, inklużi dawk mid-diżattivazzjoni, li jindika b’mod ċar il-post u l-ammont tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat f’konformità ma’ klassifikazzjoni adatta tal-iskart radjuattiv;

(d)

il-kunċetti jew il-pjanijiet u s-soluzzjonijiet tekniċi għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv mill-ġenerazzjoni sar-rimi;

(e)

il-kunċetti jew il-pjanijiet għall-perijodu ta’ wara l-għeluq tal-ħajja ta’ faċilità tar-rimi, inkluż il-perijodu li matulu jsiru kontrolli adatti u l-mezzi li għandhom jintużaw biex l-għarfien ta’ dik il-faċilità jiġu ppreservati għal perijodu ta’ żmien itwal;

(f)

l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u ta’ evidenza li huma meħtieġa biex jiġu implimentati soluzzjonijiet għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv;

(g)

ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-progress biex titwettaq l-implimentazzjoni;

(h)

valutazzjoni tal-ispejjeż tal-programm nazzjonali u l-bażi u l-ipoteżijiet fundamentali ta’ dik il-valutazzjoni, li għandha tinkludi profil tul iż-żmien;

(i)

l-iskema/i ta’ finanzjament fis-seħħ;

(j)

politika jew proċess ta’ trasparenza kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(k)

jekk hemm, il-ftehim(iet) konkluż(i) ma’ Stat Membru jew pajjiż terz dwar il-ġestjoni ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv, inkluż dwar l-użu ta’ faċilitajiet tar-rimi.

2.   Il-programm nazzjonali flimkien mal-politika nazzjonali jistgħu jiġu inklużi f’dokument uniku jew f’għadd ta’ dokumenti.

Artikolu 13

Notifika

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni dwar il-programmi nazzjonali tagħhom u dwar kwalunkwe tibdil sinifikanti sussegwenti.

2.   Fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ titlob kjarifika u/jew tesprimi l-opinjoni tagħha dwar jekk il-kontenut tal-programm nazzjonali jkunx f’konformità mal-Artikolu 12.

3.   Fi żmien sitt xhur minn meta jirċievu r-reazzjoni tal-Kummissjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kjarifika mitluba u/jew jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe reviżjoni tal-programmi nazzjonali.

4.   Il-Kummissjoni, meta tkun qed tieħu deċiżjoni dwar l-għoti ta’ assistenza Komunitarja finanzjarja jew teknika għal faċilitajiet jew attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, għandha tqis il-kjarifiki u l-progress tal-Istati Membri fir-rigward tal-programmi nazzjonali.

Artikolu 14

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-ewwel darba mhux aktar tard mit-23 ta’ Awwissu 2015, u kull tliet snin wara dan, filwaqt li japprofittaw mir-reviżjoni u r-rappurtar skont il-Konvenzjoni Konġunta.

2.   Abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dan li ġej:

(a)

rapport dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u

(b)

inventarju tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat preżenti fit-territorju tal-Komunità u l-prospetti futuri.

3.   L-Istati Membri għandhom perjodikament, u tal-anqas kull 10 snin, jorganizzaw awtovalutazzjonijiet tal-qafas nazzjonali, l-awtorità regolatorja kompetenti u l-programm nazzjonali tagħhom u l-implimentazzjoni tiegħu, u jitolbu reviżjoni bejn il-pari internazzjonali tal-qafas nazzjonali, l-awtorità u/jew il-programm nazzjonali tagħhom bl-għan li jiġi żgurat li jintlaħqu standards għoljin fil-ġestjoni ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv. Ir-riżultati ta’ kwalunkwe reviżjoni bejn il-pari għandhom jiġu rappurtati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, u jistgħu isiru disponibbli għall-pubbliku fejn ma jkunx hemm konflitt mas-sigurtà u ma’ informazzjoni proprjetarja.

KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-23 ta’ Awwissu 2013. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ fjuwil użat ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu u Malta sakemm huma jibqgħu jiddeċiedu li ma jiżviluppaw l-ebda attività relatata ma’ fjuwil nukleari.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva u kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

4.   L-Istati Membri għandhom għall-ewwel darba jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kontenut tal-programm nazzjonali tagħhom li jkopri l-punti kollha msemmija fl-Artikolu 12 mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard mit-23 ta’ Awwissu 2015.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SAWICKI


(1)  Opinjoni tal-4 ta’ Mejju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-23 ta’ Ġunju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

(4)  C-187/87 (1988 Ġabra p. 5013) u C-29/99 (2002 Ġabra p. I-11221).

(5)  ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76.

(6)  ĠU L 357, 7.12.1989, p. 31.

(7)  ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57.

(8)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.

(9)  ĠU L 337, 5.12.2006, p. 21.

(10)  ĠU L 338, 17.12.2008, p. 69.

(11)  ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18.

(12)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

(13)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(14)  ĠU L 330, 28.11.2006, p. 31.

(15)  ĠU L 195, 17.7.2007, p. 44.


Top