EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0006

Direttiva tal-Kummissjoni 2011/6/UE tal- 20 ta’ Jannar 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-buprofeżin bħala sustanza attiva Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 18, 21.1.2011, p. 38–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011; Impliċitament imħassar minn 32009R1107

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/6/oj

21.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 18/38


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/6/UE

tal-20 ta’ Jannar 2011

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-buprofeżin bħala sustanza attiva

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati bil-ħsieb li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista kienet tinkludi l-buprofeżin. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/771/KE (4) ġie deċiż li s-sustanza buprofeżin ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE n-notifikant oriġinali (minn hawn ’il quddiem “l-applikant”) ressaq applikazzjoni ġdida li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata prevista fl-Artikoli minn 14 sa 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5).

(3)

L-applikazzjoni tressqet lir-Renju Unit, li kien maħtur bħala l-Istat Membru relatur bir-Regolament (KE) Nru 33/2008. Il-perjodu ta’ żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rispettat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-użi sostnuti huma l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni 2008/771/KE. Dik l-applikazzjoni tikkonforma wkoll mall-bqija tar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(4)

Ir-Renju Unit analizza l-informazzjoni l-ġdida u d-dejta mressqa mil-applikant u ħejja rapport addizzjonali f’Awwissu 2009. Bagħat dan ir-rapport lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fis-21 ta’ Awwissu 2009.

(5)

L-Awtorità kkomunikat ir-rapport ta’ valutazzjoni lill-applikant u lill-Istati Membri kollha u bagħtet il-kummenti li waslulha lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, u fuq talba tal-Kummissjoni, ir-rapport addizzjonali saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-Awtorità. L-Awtorità mbagħad ippreżentat il-konklużjoni tagħha dwar il-buprofeżin lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Mejju 2010 (6). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew irriveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u kienu ffinalizzati fit-23 ta’ Novembru 2010 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-buprofeżin.

(6)

Ir-rapport addizzjonali mill-Istat Membru relatur u l-konklużjoni l-ġdida mill-Awtorità jikkonċentraw fuq it-tħassib li wassal għan-noninklużjoni. B’mod partikolari, dak it-tħassib kien dwar l-impossibbiltà li ssir valutazzjoni affidabbli tal-esponiment mill-konsumatur minħabba nuqqas ta’ dejta biex tkun stabbilita definizzjoni xierqa tar-reżidwi.

(7)

L-informazzjoni l-ġdida li tressqet mill-applikant ippermettiet valutazzjoni tal-esponiment mill-konsumatur. L-informazzjoni disponibbli attwalment tindika li r-riskju lill-konsumaturi huwa aċċettabbli.

(8)

Għaldaqstant, id-dejta u l-informazzjoni addizzjonali pprovduti mill-applikant jippermettu li jiġu eliminati l-punti speċifiċi ta’ tħassib li wasslu għan-noninklużjoni. Ma tqajmet l-ebda mistoqsija xjentifika miftuħa oħra.

(9)

Mill-bosta eżamijiet li saru ħareġ li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-buprofeżin jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u rrapportati fid-detall fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-buprofeżin jiġi inkluż fl-Anness I, biex jiġi assigurat li fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza skont id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

(10)

Bla ħsara għal dik il-konklużjoni, huwa xieraq li tinkiseb iktar informazzjoni li tikkonferma ċerti punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet. Għaldaqstant huwa f’loku li l-applikant jintalab iressaq informazzjoni addizzjonali biex ikunu kkonfermati l-fatturi tal-ipproċessar u tal-konverżjoni fil-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi.

(11)

Għalhekk jixraq li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2011. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2011.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  ĠU L 263, 2.10.2008, p. 18.

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(6)  L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel: Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance buprofezin EFSA Journal 2010; 8(6):1624. [77 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1624. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu


ANNESS

L-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“325

Buprofeżin

Nru CAS: 953030-84-7

Nru CIPAC: 681

(Z)-2-tert-butilimmino-3-iżopropil-5-fenil-1,3,5-tijadijażinan-4-on

≥ 985 g/kg

1 ta’ Frar 2011

31 ta’ Jannar 2021

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala insettiċidi u akariċidi.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-buprofeżin, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-23 ta’ Novembru 2010.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu joqogħdu partikolarment attenti għal dan li ġej:

(a)

is-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema kif ukoll jiżguraw li, fejn hu f’loku, il-kundizzjonijiet tal-użu jimponu tagħmir xieraq ta’ protezzjoni personali;

(b)

l-esponiment f’dik li hi dieta tal-konsumaturi għall-metaboliti (anilini) tal-buprofeżin fl-ikel ipproċessat;

(c)

l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ stennija xieraq għan-newbiet tal-għelejjel fis-serer;

(d)

ir-riskju lill-organiżmi akkwatiċi u jiżguraw li, fejn hu lokhom, il-kundizzjonijiet tal-użu jimponu miżuri adegwati għat-trażżin tar-riskju.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu t-tressiq ta’ informazzjoni ta’ konferma fir-rigward tal-fatturi tal-ipproċessar u l-konverżjoni għall-valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jipprovdi din l-informazzjoni ta’ konferma lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2013.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.


Top