EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011G1220(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti

OJ C 372, 20.12.2011, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 372/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti

2011/C 372/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

BILLI:

L-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tirrikonoxxi t-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet bħala elementi ewlenin b'rispons għall-kriżi ekonomika attwali, it-tixjiħ demografiku u l-istrateġija ekonomika u soċjali aktar wiesa' tal-Unjoni Ewropea.

Il-kriżi enfasizzat ir-rwol ewlieni li t-tagħlim għall-adulti (1) jista' jaqdi fil-kisba tal-għanijiet ta’ Ewropa 2020, billi jagħmilha possibbli għall-adulti - b'mod partikolari l-ħaddiema b'livell baxx ta’ ħiliet u dawk kbar fl-età - itejbu l-abbiltà tagħhom biex jadattaw għal tibdil fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà. It-tagħlim għall-adulti jipprovdi mezz ta’ titjib jew aġġornament fil-ħiliet għal dawk affettwati mill-qgħad, ir-ristrutturar u t-transizzjonijiet fil-karriera, kif ukoll jagħti kontribut importanti għall-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-iżvilupp personali.

U WARA LI KKUNSIDRA:

1.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti: Qatt ma huwa tard wisq biex titgħallem, li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-kisba tal-għarfien u jiżviluppaw kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja, notevolment billi jiġu implimentati linji ta’ politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi mfassla biex jagħmlu l-edukazzjoni għall-adulti aktar attraenti, aktar aċċessibbli u aktar effettiva.

2.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2008 (2) dwar it-tagħlim għall-adulti, li għall-ewwel darba stabbilixxew sett ta’ prijoritajiet komuni li għandhom jiġu indirizzati fis-settur tat-tagħlim għall-adulti, wittew it-triq għall-kooperazzjoni intensifikata Ewropea bejn id-diversi partijiet interessati, u pproponew serje ta’ miżuri speċifiċi għall-perijodu 2008-2010 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Pjan ta’ Azzjoni”) immirati biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti u titjieb il-kwalità tiegħu.

3.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar kif l-iggwidar tul il-ħajja jista' jiġi integrat aħjar fl-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja, li enfasizzat l-importanza tal-għoti ta’ gwida bħala proċess kontinwu li jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini f'kull età u f'kull punt f'ħajjithom li jidentifikaw il-kapaċitajiet, il-kompetenzi u l-interessi tagħhom, jieħdu deċiżjonijiet marbuta mal-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol u jieħdu ħsieb id-direzzjoni ta’ ħajjithom f'xenarji ta’ tagħlim, xogħol u oħrajn.

4.

Il-konklużjonijet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 (3), li stabbilixxew qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) li huwa għalkollox konsistenti mal-istrateġija Ewropa 2020 u li l-erba' objettivi tiegħu — relatati mat-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà, il-kwalità u l-effiċjenza, l-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, kif ukoll il-kreattività u l-innovazzjoni — huma ugwalment rilevanti għat-tagħlim għall-adulti.

5.

Ir-rapport ta’ progress konġunt tal-2010 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma dwar l-“Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010” (4), fejn ġie enfasizzat li fit-tagħlim għall-adulti huwa importanti wkoll provvediment li jkopri l-firxa kollha ta’ kompentenzi ewlenin, u ġie nnutat li hemm sfida kbira biex jiġi żgurat li l-istudenti kollha jibbenefikaw minn metodoloġiji innovattivi, inklużi dawk fit-tagħlim għall-adulti.

6.

L-inizjattivi ewlenin ta’ Ewropa 2020:

Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi, li tappella lill-Istati Membri jiżguraw li n-nies jiksbu l-ħiliet meħtieġa għal tagħlim ulterjuri u s-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u edukazzjoni għolja, kif ukoll permezz tat-tagħlim għall-adulti;

Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar, li tipproponi l-iżvilupp ta’ edukazzjoni innovattiva għal komunitajiet fil-bżonn sabiex tagħmilha possibbli għal dawk li qed jgħixu l-faqar u l-esklużjoni soċjali biex jgħixu fid-dinjità u li jieħdu sehem attiv fis-soċjetà;

Unjoni tal-Innovazzjoni, li tippromwovi l-eċċellenza fl-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex jiġi żgurat tkabbir futur mill-innovazzjoni fil-prodotti, is-servizzi u l-mudelli ta’ negozji f'Ewropa li qed tħabbat wiċċha ma’ tixjiħ tal-popolazzjoni u pressjonijiet kompetittivi qawwija.

7.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (5), li fihom ġie nnutat li l-espansjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni tal-adulti jista' joħloq possibbiltajiet ġodda għal inklużjoni attiva u parteċipazzjoni soċjali msaħħa.

8.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għal-linji ta’ politika tal-Istati Membri (6) dwar l-impjiegi, li tfittex li tippromwovi inċentivi effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja ta’ dawk b'impjieg u dawk mingħajr impjieg, “biex b'hekk jiġi żgurat li kull adult ikollu l-opportunità li jerġa’ jitħarreġ jew li jitla’ grad’ il fuq fil-kwalifika tiegħu”.

9.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 u d-19 ta’ Novembru 2010 dwar kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) (7), li fihom ġiet inkoraġġuta b'mod attiv parteċipazzjoni individwali ikbar f'VET kontinwu, aktar investiment fl-iżvilupp tar-riżorsi umani, taħriġ fil-kumpanniji u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, u kollaborazzjoni eqreb bejn l-istituzzjonijiet tattaħriġ u dawk li jħaddmu, b'mod partikolari fit-taħriġ ta’ ħaddiema b'livell baxx ta’ ħiliet.

JILQA' L-FATT LI

Bdiet il-ħidma fuq l-oqsma kollha ta’ prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni 2008-2010, għalkemm kull pajjiż qed jimxi b'pass differenti:

Kulma jmur ir-riformi tat-tagħlim għall-adulti qegħdin jiddaħħlu fl-iżviluppi inġenerali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, notevolment l-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali u l-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja.

L-assigurazzjoni tal-kwalità tqajmet bħala kwistjoni importanti fit-tagħlim għall-adulti u qed isiru avvanzi fl-iżvilupp tal-profil professjonali u t-taħriġ ta’ professjonisti għat-tagħlim għall-adulti, l-akkreditament ta’ fornituri għat-tagħlim għall-adulti u servizzi mtejba ta’ gwida għall-adulti.

L-involviment fit-tagħlim u l-opportunitajiet li dan iġib miegħu kulma jmur qegħdin jiġu mmirati lejn dawk b'livelli l-aktar baxxi ta’ kwalifiki, li b'hekk jingħataw prospetti aħjar ta’ integrazzjoni fix-xogħol u s-soċjetà.

It-tagħlim mhux formali u informali, li jirrappreżenta ħafna mit-tagħlim għall-adulti, kulma jmur qed jiġi rikonoxxut u vvalidat aktar iżda t-teħid tal-opportunitajiet ta’ validazzjoni għadu pjuttost baxx wisq.

Ingħata bidu għat-titjib fis-sorveljanza fis-settur tat-tagħlim għall-adulti.

MINKEJJA DAN JIRRIKONOXXI LI:

Sabiex jiġu ffaċjati kemm il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika fuq perijodu qasir kif ukoll dawk fuq perijodu twil, hemm ħtieġa li l-adulti jtejbu b'mod regolari l-ħiliet u l-kompetenzi personali u professjonali tagħhom. Minħabba l-instabbiltà attwali fis-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li jonqos ir-riskju tal-esklużjoni soċjali, dan japplika partikolarment għal dawk bi ftit ħiliet u dawk bi kwalifiki baxxi. Madankollu, l-adulti kollha - inklużi dawk bi kwalifiki għoljin - jistgħu igawdu b'mod sinifikanti mit-tagħlim tul il-ħajja.

Minkejja dan hemm kunsens dejjem akbar li t-tagħlim għall-adulti bħalissa hu l-iktar ħolqa dgħajfa fl-iżvilupp ta’ sistemi nazzjonali ta’ tagħlim tul il-ħajja. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti kompliet tonqos, minn 9.8 % tal-popolazzjoni bejn 25 u 64 sena fl-2005 għal 9.1 % biss fl-2010, li b'hekk tagħmel il-mira tal-“ET2020” ta’ żieda għal 15 % sal-2020 sfida ħafna ikbar. Ostakoli bħall-motivazzjoni baxxa u nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ kura biex jgħinu lin-nisa u l-irġiel jikkombinaw ir-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol mat-tagħlim jitolbu għalhekk aktar attenzjoni.

Bħal f'setturi oħrajn, it-tagħlim għall-adulti għandu jinkludi l-bidla għal-linja ta’ politika bbażata fuq ir-riżultati tat-tagħlim li fiha l-istudent awtonomu hu ċentrali, irrispettivament minn fejn jitgħallem - ix-xogħol, id-dar, fil-komunità lokali, f'attivitajiet volontarji, jew f'istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ - u jiżviluppa l-mudell multidimensjonali ta’ tmexxija li dan jeħtieġ.

Sabiex jinkiseb settur ta’ tagħlim għall-adulti li jkun jista' jsostni l-istrateġija Ewropa 2020, għad fadal ħafna iktar xi jsir b'rabta mal-finanzjament effettiv u effiċjenti; b'rabta mal-għoti tal-provvediment ta’ opportunitajiet li jagħtu ċans ieħor u l-kisba ta’ ħiliet bażiċi bħal-litteriżmu u l-ħiliet fin-numri, iżda wkoll ħiliet diġitali; b'rabta ma’ tagħlim immirat għal migranti, persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien u żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), kif ukoll għal persuni b'diżabbiltà u adulti aktar anzjani; u b'rabta mal-kooperazzjoni ma’ min iħaddem, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni enfasizzat ukoll id-diffikultà li jiġi ssorveljat b'mod adatt is-settur tat-tagħlim għall-adulti, minħabba n-nuqqas ta’ data ta’ statistika eżistenti u evalwazzjoni ta’ miżuri ta’ linji ta’ politika. Tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti jitlob data komprensiva u komparabbli dwar l-aspetti ewlenin kollha tat-tagħlim għall-adulti, sistemi ta’ sorveljanza effettivi u kooperazzjoni bejn l-aġenziji differenti, kif ukoll attivitajiet ta’ riċerka ta’ kwalità għolja.

IQIS LI:

It-tagħlim tul il-ħajja jkopri t-tagħlim minn qabel l-età tal-iskola għal dak ta’ wara l-irtirar (8). It-tagħlim għall-adulti huwa komponent essenzjali tal-kontinwazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, li jkopri l-firxa kollha ta’ attivitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali, ġenerali u vokazzjonali, li jwettqu l-adulti wara li jkunu ħallew l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bidu.

Sabiex wieħed jibni fuq il-kisbiet tal-Pjan ta’ Azzjoni 2008-2010, filwaqt li jiġu kumplimentati l-inizjattivi ta’ linji ta’ politika eżistenti fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għolja (il-proċess ta’ Bolonja) u l-VET (il-proċess ta’ Kopenħagen), hemm ħtieġa għal “Aġenda Ewropea mħedda għat-Tagħlim għall-Adulti” bil-għan li tagħmilha possibbli għall-adulti kollha li jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom matul ħajjithom.

It-tagħlim għall-adulti jista' jagħti kontribut sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Ewropa 2020 għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u t-taħriġ għal inqas minn 10 %. Għandha tingħata kif adegwat attenzjoni partikolari għat-titjib tal-provvediment għall-għadd kbir ta’ Ewropej b'livell baxx ta’ ħiliet immirat f'Ewropa 2020, li tibda mil-litteriżmu, il-ħiliet fin-numri u miżuri li fihom jingħata ċans ieħor bħala prekursur għal titjib fil-ħiliet għax-xogħol u l-ħajja inġenerali. Il-kisba ta’ ħiliet bażiċi bħala bażi għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (9), l-indirizzar tal-problema tat-tluq bikri mill-iskejjel (10), u t-trattament ta’ kwistjonijiet bħall-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali ta’ migranti, ir-Rom u gruppi żvantaġġati jitolbu azzjoni miftiehma kemm fl-edukazzjoni skolastika kif ukoll f'dik għall-adulti.

Fl-istess ħin, il-kontribut sostanzjali li t-tagħlim għall-adulti jista' jagħti lill-iżvilupp ekonomiku - billi jsaħħaħ il-produttività, il-kompetittività, il-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija - għandu jiġi rikonoxxut u appoġġjat.

F'dan il-kuntest, hemm ukoll ħtieġa konsiderevoli li jiżdiedu l-isforzi biex tinkiseb il-mira stabbilita fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020 sabiex jiġi żgurat li mill-inqas 40 % taż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni terzjarja jew dik ekwivalenti. Jekk tintlaħaq din l-isfida, dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni li tuża kemm tista' mir-riżorsi tagħha u l-kapital uman.

GĦALHEKK JITLOB GĦAL:

L-adozzjoni ta’ Aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti li tkompli, tikkumplimenta u tikkonsolida l-ħidma fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti skont l-erba' objettivi strateġiċi identifikati mill-Kunsill fil-qafas strateġiku “ET2020”. Filwaqt li fil-bidu l-aġenda tiffoka fuq il-perijodu 2012-2014 (ara l-Anness mehmuż), din l-Aġenda għandha titqies fil-kuntest ta’ viżjoni b'terminu itwal għat-tagħlim għall-adulti li - fil-perijodu sal-2020 - ser tfittex li tqajjem il-profil tas-settur inġenerali u, b'mod aktar speċifiku, li:

(i)

issaħħaħ il-possibbiltajiet għall-adulti, irrispettivament mis-sess u ċ-ċirkostanzi personali u dawk marbuta mal-familja tagħhom, biex jiksbu aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja f'kull żmien f'ħajjithom, biex jiġi promoss l-iżvilupp personali u professjonali, l-għoti tas-setgħa, l-adattabbiltà, il-kapaċità għall-impjieg u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

(ii)

tiżviluppa approċċ ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti li jiffoka fuq ir-riżultati tat-tagħlim u r-responsabbiltà u l-awtonomija tal-istudent;

(iii)

trawwem iktar kuxjenza fost l-adulti li t-tagħlim huwa sforz tul il-ħajja li huma għandhom isegwu f'intervalli regolari f'ħajjithom, u partikolarment waqt perijodi ta’ qgħad jew transizzjoni fil-karriera;

(iv)

tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi effettivi ta’ gwida tul il-ħajja, kif ukoll sistemi integrati għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali;

(v)

tiżgura l-provvediment komprensiv ta’ edukazzjoni u taħriġ formali u mhux formali ta’ kwalità għolja għall-adulti bil-għan li jinkisbu kompetenzi ewlenin jew li jwasslu għall-kwalifiki fil-livelli kollha tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), appoġġata mis-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, kif ukoll mill-awtoritajiet lokali;

(vi)

tiżgura arranġamenti flessibbli addattati għal ħtiġijiet differenti ta’ taħriġ tal-adulti, inkluż taħriġ fil-kumpanniji u tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol;

(vii)

trawwem għarfien akbar fost min iħaddem li t-tagħlim għall-adulti jagħti kontribut għall-promozzjoni tal-produttività, il-kompetittività, il-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, u huwa fattur importanti fit-titjib tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà tas-suq tax-xogħol tal-impjegati tagħhom;

(viii)

tinkoraġġixxi istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex jinkludu gruppi ta’ studenti inqas tradizzjonali, bħall-istudenti adulti, biex b'dan il-mod juru responsabbiltà soċjali u iktar ftuħ lejn il-komunità inġenerali, kif ukoll iwieġbu għall-isfidi demografiċi u għat-talbiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ;

(ix)

tippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fl-artikolazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti, kif ukoll issaħħaħ l-involviment ta’ awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali;

(x)

tippromwovi allokazzjoni bbilanċjata ta’ riżorsi ta’ edukazzjoni u taħriġ tul iċ-ċiklu tal-ħajja abbażi ta’ responsabbiltajiet kondiviżi u impenn pubbliku b'saħħtu, partikolarment għal opportunitajiet li jagħtu ċans ieħor u l-iżvilupp ta’ ħiliet bażiċi;

(xi)

tinvolvi l-imsieħba soċjali u tqajmilhom kuxjenza rigward il-benefiċċji, anki għalihom, li jitgħallmu fuq il-post tax-xogħol, inkluż provvediment ta’ ħiliet bażiċi;

(xii)

jingħata tagħlim żviluppat tajjeb għall-anzjani, biex jiġi promoss tixjiħ attiv, awtonomu, u b'saħħtu, u li juża l-għarfien, l-esperjenza, il-kapital soċjali u kulturali tagħhom għall-benefiċċju tas-soċjetà inġenerali;

(xiii)

tagħmel impenn b'saħħtu biex jiġi promoss it-tagħlim għall-adulti bħala mezz kif titrawwem is-solidarjetà bejn gruppi ta’ etajiet differenti, (pereżempju, permezz ta’ “patt bejn il-ġenerazzjonijiet”) u bejn kulturi u persuni minn kull sfond.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

1.

Jiffukaw l-isforzi tagħhom fil-perijodu 2012-14 fuq l-oqsma ta’ prijorità li jinsabu fid-dettall fl-Anness mehmuż, u b'hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-erba' prijoritajiet tal-qafas strateġiku “ET2020”, f'konformità mal-kuntesti u l-leġislazzjoni nazzjonali.

2.

Jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-ministeri u l-partijiet interessati, l-imsieħba soċjali, in-negozji rilevanti, l-organizzizzazjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, bi ħsieb li tittejjeb il-koerenza bejn il-linji ta’ politika dwar it-tagħlim għall-adulti u linji ta’ politika soċjoekonomiċi usa'.

3.

Jikkooperaw b'mod attiv fil-livell tal-UE biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni b'suċċess tal-oqsma ta’ prijorità msemmija hawn fuq, notevolment billi:

(i)

ikun hemm użu sħiħ tal-għodda tat-tagħlim tul il-ħajja li dwarhom ikun intlaħaq qbil fil-livell tal-UE biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim;

(ii)

jintużaw l-opportunitajiet provduti mill-Programm Tagħlim tul il-Ħajja — b'mod partikolari permezz ta’ Grundtvig u Leonardo da Vinci — u l-programm suċċessur tiegħu mill-2014, kif ukoll il-fondi strutturali u strumenti oħra, fejn adegwat, sabiex jiġu kofinanzjati inizjattivi ta’ sostenn;

(iii)

jintuża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u permezz tan-netwerks rilevanti Ewropej, biex jiġi promoss it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajbin u esperjenza fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti;

(iv)

jintgħażel koordintaur nazzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni mal-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tat-tagħlim għall-adulti.

U JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

Taħdem ma’ u tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea mġedda għat-Tagħlim tal-Adulti deskritta hawn fuq u, speċifikament, fit-twettiq tal-prijoritajiet għall-perijodu 2012-2014 iddettaljati fl-Anness I, partikolarment billi:

(i)

tiżgura l-kumplimentarjetà u l-koerenza bejn l-inizjattivi tal-politika meħudin skont din ir-Riżoluzzjoni u dawk żviluppati fil-kuntest ta’ proċessi oħra ta’ politika rilevanti fi ħdan il-qafas strateġiku “ET2020”, il-proċess ta’ Kopenħagen, il-proċess ta’ Bolonja, l-aġenda tal-modernizzazzjoni tal-UE għall-edukazzjoni għolja, u inizjattivi bħal dawk dwar il-litteriżmu u t-tluq bikri mill-iskejjel li jeħtieġu approċċ miftiehem li jinvolvi l-edukazzjoni skolastika u t-tagħlim għall-adulti, u l-promozzjoni tad-dimensjoni tat-tagħlim f'kull wieħed minn dawn;

(ii)

tistabbilixxi komunikazzjoni kontinwa mill-qrib mal-koordinaturi nazzjonali nominati fl-Istati Membri u l-pajjiżi l-oħra parteċipanti;

(iii)

tgħin lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jappoġġaw it-tagħlim għall-adulti jikkondividu l-informazzjoni dwar il-linji ta’ politika u l-prattiki tagħhom, u dwar l-evalwazzjoni tagħhom it-tnejn, permezz tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u rieżamijiet, konferenzi, workshops u strumenti oħra adatti, u, fi ħdan ir-riżorsi disponibbli, it-titjib fil-ġbir ta’ data dwar it-tagħlim għall-adulti bħala parti mill-qafas koerenti aġġornat ta’ indikaturi u punti ta’ riferiment skedati għall-2013;

(iv)

issaħħaħ il-bażi ta’ għarfien dwar it-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa billi jiġu kkummissjonati studji u tiġi rinfurzata l-kapaċità ta’ strutturi ta’ riċerka eżistenti rilevanti għall-analiżi ta’ kwistjonijiet relatati mat-tagħlim għall-adulti, inkluża l-kooperazzjoni mal-Eurydice u s-Cedefop u istituzzjonijiet rilevanti oħra u billi jsir użu sħiħ mill-informazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riċerka tagħhom;

(v)

issegwi u tintensifika l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (b'mod partikolari billi jiġu sfruttati r-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti — PIAAC), in-NU (b'mod partikolari l-UNESCO) u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll inizjattivi reġjonali jew dinjija rilevanti oħra bħall-“fulkru” bejn l-Ewropa u l-Asja rigward it-tagħlim tul il-ħajja (ASEM);

(vi)

tuża l-fondi disponibbli fil-livell Ewropew biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda għat-tagħlim għall-adulti;

(vii)

tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-aġenda bħala parti mir-rapport ta’ progress konġunt “ET 2020”.


(1)  Għall-finijiet ta’ dan it-test, it-terminu tagħlim għall-adulti jkopri l-firxa kollha ta’ attivitajiet ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali — kemm ġenerali u vokazzjonali — li jwettqu l-adulti wara li jkunu ħallew l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bidu.

(2)  ĠU C 140, 6.6.2008, p. 10.

(3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(4)  ĠU C 117, 6.5.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

(6)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.

(7)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

(8)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1).

(9)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(10)  Kif enfasizzat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 (ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1).


ANNESS

AĠENDA EWROPEA GĦAT-TAGĦLIM GĦALL-ADULTI

Oqsma ta’ prijorità għall-perijodu 2012-2014

B'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi f'kull Stat Membru, u skont il-prijoritajiet nazzjonali, l-Istati Membru huma mistiedna, fejn adegwat bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jikkonċentraw fuq dawk l-oqsma deskritti hawn taħt li huma l-aktar rilevanti għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom.

1.   It-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà

Biex tiżdied u titwessa' l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja, b'rispons għall-mira tal-UE, li diġà ntlaħaq qbil dwarha, ta’ 15 % parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti, kif ukoll biex tingħata spinta sabiex il-proporzjon ta’ żgħażagħ bi kwalifiki ta’ edukazzjoni terzjarja u dawk ekwivalenti jiżdied għal 40 %, l-Istati Membri huma mistiedna jikkonċentraw fuq:

L-istimulazzjoni tad-domanda, u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u ta’ gwida komprensivi u aċċessibbli faċilment, ikkumplimentati bi strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni effettivi mmirati biex iqajmu kuxjenza u motivazzjoni fost l-istudenti potenzjali, b'attenzjoni speċifika fuq gruppi żvantaġġati, persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), adulti bi kwalifiki baxxi, partikolarment dawk b'diffikultajiet ta’ litteriżmu, u segwiti b'opportunitajiet ta’ ċans ieħor li jwasslu għal livell rikonoxxut ta’ kwalifiki tal-QEK.

Il-promozzjoni tal-involviment ta’ min iħaddem f'tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li jiġu żviluppati kemm ħiliet speċifiċi għall-impjieg kif ukoll ħiliet usa', inkluż permezz ta’ ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli.

Il-promozzjoni ta’ mogħdijiet ta’ tagħlim flessibbli għall-adulti, inkluż aċċess aktar wiesgħa għall-edukazzjoni għolja għal dawk li m'għandhomx kwalifiki ta’ aċċess mill-ewlenin u d-diversifikazzjoni tal-ispettru ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti offruti minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

L-istabbiliment ta’ sistemi li funzjonaw tajjeb għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali u l-promozzjoni tal-użu tagħhom mill-adulti tal-etajiet kollha u fil-livelli kollha ta’ kwalifiki, kif ukoll mill-intrapriżi u organizzazzjonijiet oħra.

2.   Titjib fil-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Biex jinbena settur b'saħħtu ta’ tagħlim għall-adulti, l-Istati Membri huma mistiedna jikkonċentraw fuq:

L-iżvilupp tal-assigurazzjoni tal-kwalità għall-fornituri tat-tagħlim għall-adulti, pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ akkreditazzjoni, b'kont meħud tal-oqsfa/standards tal-kwalità diġà eżistenti f'setturi oħra.

It-titjib fil-kwalità tal-persunal involut fl-edukazzjoni tal-adulti, pereżempju billi jiġu definiti profili ta’ kompetenza, jiġu stabbiliti sistemi effettivi għal taħriġ inizjali u żvilupp professjonali, u l-iffaċilitar tal-mobbiltà ta’ għalliema, ħarrieġa u persunal ieħor involut fl-edukazzjoni tal-adulti.

L-iżgurar ta’ sistema vijabbli u trasparenti għall-fondi tat-tagħlim għall-adulti, ibbażata fuq responsabbiltà kondiviża b'livell għoli ta’ impenn pubbliku għas-settur u appoġġ għal dawk li ma jistgħux iħallsu, distribuzzjoni bbilanċjata ta’ fondi mifruxa fuq il-kontinwazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, kontribuzzjoni adatta għall-fondi mill-partijiet interessati kollha u t-tiftix ta’ mezzi innovattivi għal finanzjament aktar effettiv u effiċjenti.

L-iżvilupp ta’ mekkaniżmi biex jiġi żgurat li l-provvediment edukattiv jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li jipprovdi l-possibbiltajiet għall-kisba ta’ kwalifiki u l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda li jżidu l-kapaċità tal-persuni biex jadattaw għall-ħtiġijiet ġodda ta’ ambjent li qed jinbidel.

L-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni u s-sħubija bejn il-partijiet interessati kollha rilevanti għat-tagħlim għall-adulti, notevolment l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri differenti ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti, imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ “reġjuni ta’ tagħlim” u ċentri lokali ta’ tagħlim.

3.   Promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva permezz tat-tagħlim għall-adulti

Sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità tas-settur ta’ tagħlim għall-adulti li jippromwovi l-koeżjoni soċjali u biex il-persuni li jeħtiġuha jkollhom ċans ieħor għall-opportunitajiet ta’ tagħlim u tal-ħajja, kif ukoll biex jingħata kontribut għat-tnaqqis fis-sehem ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni għal inqas minn 10 %, l-Istati Membri huma mistiedna jikkonċentraw fuq:

It-titjib tal-ħiliet tal-adulti tal-litteriżmu u fin-numri, l-iżvilupp tal-litteriżmu diġitali u l-provvediment ta’ opportunitajiet għall-adulti biex jiżviluppaw ħiliet bażiċi u forom ta’ litteriżmu meħtieġa għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà moderna (bħal-litteriżmu ekonomiku u finanzjarju, il-kuxjenza ċivika, kulturali, politika u ambjentali, tagħlim għall-għajxien san, sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u dwar il-mezzi tal-informazzjoni).

Iż-żieda fil-provvediment u l-inkoraġġiment tal-involviment tal-inidividwi fit-tagħlim għall-adulti bħala mezz biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali u parteċipazzjoni attiva fil-komunità u s-soċjetà, u t-titjib fl-aċċess għat-tagħlim għall-adulti għal migranti, ir-Rom u gruppi żvantaġġati, kif ukoll provvediment ta’ tagħlim għar-refuġjati u persuni li qed ifittxu asil, inkluż it-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti, fejn adegwat.

It-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti kbar fl-età fil-kuntest ta’ tixjiħ attiv, inkluż il-volontarjat u l-promozzjoni ta’ forom innovattivi ta’ tagħlim bejn il-ġenerazzjonijiet u inizjattivi biex jiġi sfruttat l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ persuni kbar fl-età għall-benefiċċju tas-soċjetà inġenerali.

L-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ tagħlim ta’ persuni b'diżabbiltajiet u persuni f'sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ esklużjoni mit-tagħlim, bħal dawk fl-isptaritajiet, djar ta’ kura u ħabsijiet, u l-provvediment lilhom ta’ appoġġ xieraq ta’ gwida;

4.   Tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni tal-adulti u l-ambjenti tagħhom ta’ tagħlim

Biex jiġu żviluppati pedagoġiji ġodda u ambjenti ta’ tagħlim kreattivi fit-tagħlim għall-adulti, kif ukoll biex jiġi promoss it-tagħlim għall-adulti bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kreattività u l-kapaċità innovattiva taċ-ċittadini, l-Istati Membri huma mistiedna jikkonċentraw fuq:

Il-promozzjoni tal-kisba ta’ kompetenzi ewlenin trasversali, bħat-tagħlim dwar kif titgħallem, sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija, u kuxjenza u espressjoni kulturali, b'mod partikolari billi jiġi applikat il-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin fis-settur ta’ tagħlim għall-adulti.

It-titjib fl-irwol ta’ organizzazzjonijiet kulturali (bħal mużewijiet, libreriji, eċċ.), is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet sportivi u entitajiet oħra bħala ambjent kreattiv u innovattiv għal tagħlim mhux formali u informali għall-adulti.

L-użu aħjar ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti, bħala mezz biex jitwessa' l-aċċess u titjieb il-kwalità tal-provvediment, eż. billi jiġu sfruttati opportunitajiet ġodda għal tagħlim mill-bogħod u l-ħolqien ta’ għodod u pjattaformi għal tagħlim elettroniku biex jintlaħqu gruppi ġodda fil-mira, b'mod partikolari dawk bi bżonnijiet speċjali jew li jgħixu f'żoni remoti.

Sabiex jappoġġaw l-oqsma ta’ prijorità msemmijin hawn fuq f'konformità mal-erba' objettivi strateġiċi tal-qafas “ET2020”, l-Istati Membri huma mistiedna wkoll biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġbir, il-komparabbiltà u l-analiżi tal-informazzjoni u d-data dwar it-tagħlim għall-adulti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali:

5.   Titjib fil-bażi ta’ għarfien dwar it-tagħlim għall-adulti u sorveljanza fis-settur tat-tagħlim għall-adulti

L-Istati Membri huma mistiedna jikkonċentraw fuq:

Il-parteċipazzjoni attiva fi u l-implimentazzjoni ta’ messaġġi ewlenin li jirriżultaw minn stħarriġ internazzjonali u studji fuq skala kbira bħall-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti (AES), l-Istħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu (CVTS) u l-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC).

Iż-żieda fl-isforzi għall-ġbir ta’ biżżejjed data inizjali, pereżempju dwar il-parteċipazzjoni, il-fornituri, il-finanzjament, ir-riżultati u l-benefiċċji usa' tat-tagħlim għall-adulti u s-soċjetà, u l-estensjoni tal-kopertura tad-data għall-firxa tal-età 'l fuq minn 64 biex wieħed jimxi maż-żieda fil-ħajja tax-xogħol.

It-tisħiħ tas-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp u l-prestazzjoni tas-settur tat-tagħlim għall-adulti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, l-użu aħjar tal-istrumenti eżistenti fejn possibbli.

L-intensifikazzjoni tar-riċerka u l-analiżi dettaljata ta’ kwistjonijiet relatati mat-tagħlim għall-adulti, l-estensjoni tal-firxa tar-riċerka biex jiġu inklużi oqsma ġodda u tiġi inkoraġġuta aktar analiżi interdixxiplinari u prospettiva.

Ir-rappurtar dwar linji ta’ politika dwar it-tagħlim għall-adulti bħala parti mir-rapport ta’ progress konġunt dwar l-“ET2020”.


Top