EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0433

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy, wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

OJ L 189, 20.7.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 003 P. 217 - 218

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/433/oj

Related international agreement

20.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy, wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

(2011/433/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-Artikolu 219(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2011 dwar l-arranġamenti għall-innegozjar ta’ Ftehim Monetarju mar-Repubblika Franċiża, li taġixxi għall-benefiċċju tal-kollettività extra-Ewropea Franċiża ta’ Saint-Barthélemy u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew Nru 2010/718/UE tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (1) il-gżira ta’ Saint-Barthélemy ma tibqax reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 biex b’hekk tikseb l-istatus ta’ pajjiż jew ta’ territorju extra-Ewropew kif imsemmi fir-raba’ Parti tat-Trattat minn dik id-data. Ir-Repubblika Franċiża impenjat ruħha li tikkonkludi l-ftehimiet neċessarji biex tiżgura li jiġu ppreservati l-interessi tal-Unjoni meta sseħħ din il-bidla.

(2)

Ir-Repubblika Franċiża infurmat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-intenzjoni tagħha li żżomm l-euro bħala l-unika munita f’Saint-Barthélemy. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż ftehim monetarju.

(3)

Fit-13 ta’ April 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja mar-Repubblika Franċiża, filwaqt li din tal-aħħar taġixxi fl-interess tal-kollettività Franċiża extra-Ewropea ta’ Saint-Barthélemy, u sabiex tassoċja b’mod sħiħ lill-Bank Ċentrali Ewropew man-negozjati u sabiex tfittex il-ftehim tiegħu dwar kwistjonijiet li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenzi tiegħu, bil-għan li jiġi konkluż ftehim monetarju. Fit-30 ta’ Mejju 2011, ġie inizjalat il-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy, wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”).

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u konkluż kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iffirmar tal-Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża, dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy, wara l-modifikazzjoni tal-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) huwa approvat f’isem l-Unjoni.

2.   It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa biex tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifikazzjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.


TRADUZZJONI

FTEHIM MONETARJU

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni fl-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

L-UNJONI EWROPEA, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea,

u

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, li taġixxi fl-interess ta’ Saint-Barthélemy,

Billi:

(1)

Saint-Barthélemy hija parti integrali mir-Repubblika Franċiża iżda mhux se tibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2012, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy (1);

(2)

Ir-Repubblika Franċiża tixtieq li Saint-Barthélemy żżomm l-istess munita bħal dik fi Franza metropolitana u għaldaqstant, fit-territorju ta’ Saint-Barthélemy, se tkompli tagħti status ta’ valuta legali esklużivament lill-karti tal-flus u l-muniti tal-euro maħruġa mill-Eurosistema u mill-Istati Membri li adottaw l-euro;

(3)

Huwa meħtieġ li f’Saint-Barthélemy tiġi żgurata l-kontinwità tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, attwali u tal-futur, neċessarji għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, sabiex b’mod partikolari, tiżgura l-unità tal-politika monetarja tal-Eurosistema, tagħmel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ugwali bejn l-istabbilimenti finanzjarji fiż-żona euro, u tipprevjeni l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas bi flus kontanti jew le u l-ħasil ta’ flus;

(4)

Dan il-Ftehim huwa konkluż ma’ Stat Membru li jaġixxi fl-interess ta’ entità mhux sovrana u, għal dan il-għan, ma jipprovdix għad-dritt tal-istampar tal-flus (mint coinage). Il-munita u l-liġi bankarja u finanzjarja jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istat Franċiż. Fil-kwistjonijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji tal-liġi Franċiża japplikaw awtomatikament għal Saint-Barthélemy skont l-istatus tagħha.

QABLU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

L-euro għandha tibqa’ l-munita ta’ Saint-Barthélemy.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Franċiża se tibqa’ tagħti status ta’ valuta legali lill-karti tal-flus u lill-muniti tal-euro f’ Saint-Barthélemy.

Artikolu 3

1.   Ir-Repubblika Franċiża f’Saint-Barthélemy se tkompli tapplika l-atti legali u r-regoli tal-Unjoni Ewropea neċessarji għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-oqsma li ġejjin:

(a)

Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro;

(b)

Il-prevenzjoni tal-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas bi flus kontanti jew b’mezzi oħrajn;

(c)

Il-midalji u t-towkins;

(d)

Il-miżuri neċessarji għall-użu tal-euro bħala munita unika adottati skont l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(e)

Il-leġiżlazzjoni bankarja u finanzjarja, inkluż l-atti legali adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew;

(f)

Il-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus;

(g)

L-obbligi ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni f’forma statistika stabbilita mill-Eurosistema.

2.   Ir-Repubblika Franċiża għandha timpenja ruħha li tikkoopera b’mod sħiħ mal-Europol fit-territorju ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas kif ukoll tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Artikolu 4

Il-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti sabiex jittrasponu l-atti adottati mill-Unjoni Ewropea — inkluż dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew — fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom japplikaw b’mod awtomatiku u bl-istess kundizzjonijiet f’Saint-Barthélemy.

Artikolu 5

L-atti tal-Unjoni Ewropea adottati fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) — inklużi dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew — u li huma applikabbli direttament fl-Istati Membri, għandhom japplikaw b’mod awtomatiku u bl-istess kundizzjonijiet f’Saint-Barthélemy.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, jekk applikabbli, l-istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’Saint-Barthélemy għandu jkollhom aċċess għas-sistemi interbankarji ta’ saldu u ta’ ħlas u għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli fiż-żona euro bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli fl-istituzzjonijiet fi Franza metropolitana.

Artikolu 7

Ir-Repubblika Franċiża kull sentejn għandha tippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tal-atti legali u r-regoli tal-Unjoni Ewropea koperti minn dan il-Ftehim f’Saint-Barthélemy. Dan ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari lista tal-atti tal-Unjoni Ewropea li huma applikabbli b’mod dirett, inklużi dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew li huma applikabbli b’mod awtomatiku f’Saint-Barthélemy skont l-Artikolu 5. L-ewwel rapport għandu jkun ippreżentat qabel tmiem l-2012.

Artikolu 8

1.   Għandu jissejjaħ kumitat konġunt skont il-bżonn. Huwa għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni u magħmul mir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika Franċiża.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija ppreseduta mill-Kummissjoni u tinkludi rappreżentanti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   Il-kumitat konġunt għandu jiltaqa’ jekk dan ikun mitlub minn wieħed mill-membri tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika Franċiża sabiex tiġi analizzata kwalunkwe problema li jista’ jkun hemm minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

Artikolu 9

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-kompetenza esklużiva biex issolvi t-tilwim kollu li jista’ jirriżulta bejn il-partijiet minħabba l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li ma jkunx seta’ jiġi solvut fi ħdan il-kumitat konġunt.

Artikolu 10

L-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika Franċiża jistgħu jtemmu dan il-Ftehim jekk issir notifikazzjoni sa sena qabel.

Artikolu 11

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, wara li l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri ta’ ratifika tagħhom stess.

Artikolu 12

Dan il-Ftehim huwa stabbilit f’żewġ kopji, bil-lingwa Franċiża u dik Ingliża, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi.

Magħmul fi Brussell, fit-tnax-il jum ta’ Lulju tas-sena elfejn u ħdax.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika Franċiża


(1)  ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.


Top