EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0072

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK tal- 31 ta’ Jannar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

OJ L 28, 2.2.2011, p. 62–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 18 Volume 006 P. 188 - 190

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/02/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/72(1)/oj

2.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/62


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/72/PESK

tal-31 ta’ Jannar 2011

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill afferma mill-ġdid is-solidarjetà ma’ u l-appoġġ għat-Tuneżija u l-poplu tagħha fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu demokrazija stabbli, l-istat tad-dritt, pluraliżmu demokratiku u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

(2)

Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li jadotta miżuri restrittivi kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Tuneżin u li b’hekk qed icaħħdu l-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.

(3)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Tuneżin, u persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku m’għandu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew dejn, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż magħmula li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma jew manteniment ta’ rutina ta’ fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi; jew

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tikkunsidra li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni.

Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiv jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku, imsemmi fl-Artikolu 1(1) ġie inkluż fl-Anness, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklussivament biex jissodisfaw pretensjonijiet magħmula bis-saħħa ta’ tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew is-sentenza mhix għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

il-ħlasijiet dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu ġew konklużi jew inħolqu qabel id-data li fiha dawn il-kontijiet saru soġġetti għal din id-Deċiżjoni,

dment li kwalunkwe imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn bħal dawn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 2

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista li tinsab fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna jew entità jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.

Artikolu 3

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta’ persuni u entitajiet.

2.   L-Anness għandu jkun fih ukoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni jew entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 4

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija hawn fuq, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk imniżżla f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perijodu ta’ 12-il xahar. Għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


ANNESS

LISTA TA’ PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

1.

Is-Sur Zine el-Abidine Ben Hamda Ben Ali

imwieled fit-3 ta’ Settembru 1936, passaporti Nru D005686 li jiskadi fl-24 ta’ Diċembru 2011, u Nru D012100 li jiskadi fil-15 ta’ Jannar 2014

Il-persuna hija soġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ misapproprjazzjoni ta’ proprjetà immobbli u mobbli, il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u ż-żamma ta’ assi f’diversi pajjiżi bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus.

2.

Is-Sinjura Leïla Bent Mohammed Trabelsi, (miżżewġa lil) Ben Ali

imwielda fl-24 ta’ Ottubru 1956, passaporti Nru D005687, li jiskadi fl-24 ta’ Diċembru 2011, u Nru D012101 li jiskadi fil-15 ta’ Jannar 2014

Il-persuna hija soġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ misapproprjazzjoni ta’ proprjetà immobbli u mobbli, il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u ż-żamma ta’ assi f’diversi pajjiżi bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus.


Top