Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1114

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1114/2010 tal- 1 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-istandards minimi għall-kwalità ta’ peżar HICP u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/97 Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 316, 2.12.2010, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 002 P. 293 - 295

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1114/oj

2.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1114/2010

tal-1 ta’ Diċembru 2010

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-istandards minimi għall-kwalità ta’ peżar HICP u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/97

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (1) tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) huma miżuri armonizzati ta’ inflazzjoni mitluba mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-HICPs huma mfasslin biex jiffaċilitaw tqabbil internazzjonali tal-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur. Huma jservu bħala indikaturi importanti għall-ġestjoni tal-politika monetarja.

(2)

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 jirrikjedi li l-peżar tal-HICP jiġi aġġornat bi frekwenza biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ tqabbil u ta’ affidabbiltà. Hemm possibbiltà li l-HICPs ibbażati fuq peżar li huwa aġġornat b’frekwenzi differenti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ tqabbil u ta’ affidabbiltà.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/97 (2) tal-10 ta’ Diċembru 1997 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward tal-istandards minimi għall-kwalità ta’ peżar HICP stabbilixxa regoli biex jiżgura li l-HICPs jinbnew bl-użu ta’ peżar li huwa affidabbli u rilevanti biżżejjed għall-iskop ta’ tqabbil internazzjonali. Dawn ir-regoli issa għandhom jiġu emendati filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fil-qasam tal-HICP. Għalhekk, il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jissostitwixxu lil dawk fir-Regolament (KE) Nru 2454/97, li għandhom jiġu revokati.

(4)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95 jeħtieġ li l-HICPs ikunu l-indiċijiet tal-prezzijiet tat-tip Laspeyres. Meta l-prezzijiet relattivi ta’ oġġetti u servizzi differenti jinbidlu, ix-xejriet tan-nefqa tal-konsumaturi jistgħu jinbidlu b’tali mod li jagħmluha neċessarju li l-piżijiet tal-gruppi ta’ nefqa korrispondenti, u b’mod partikolari l-kwatitajiet sottostanti tagħhom, jiġu aġġornati biex tiġi żgurata r-relevanza tagħhom.

(5)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1749/96 (3) tad-9 ta’ Settembru 1996 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni inizjali għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 li jikkonċerna indiċi armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur, l-HICP għandu jiġi kumpilat biex jinkludi l-bidliet fil-prezzijiet ta’ oġġetti jew ta’ servizzi reċentement sinifikanti u n-nefqiet relattivi tagħhom.

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr ħsara għall-istandards minimi għat-trattament ta’ piżijiet ta’ assigurazzjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1617/1999 (4) tat-23 ta’ Lulju 1999 li jistabbilixxi d-dettalji għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-istandards minimi għat-trattament tal-assigurazzjoni fl-Indiċi Armonizzati tal-Prezzijiet għall-Konsumatur.

(7)

Il-piżijiet fil-livell ta’ taqsimiet, gruppi u klassijiet COICOP/HICP (5) huma meħtieġa li ma jvarjawx bejn ix-xhur ta’ matul is-sena, sakemm mhux skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 330/2009 (6) tat-22 ta’ April 2009 dwar l-istandards minimi għat-trattament tal-prodotti staġjonali fl-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP).

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux jeħtieġ lill-Istati Membri jwettqu stħarriġ statisiku jew iwettqu stħarriġ dwar il-baġit tal-familja aktar ta’ spiss minn darba kull ħames snin, filwaqt li jitqies li l-Istati Membri huma meħtieġa li jikkompilaw il-kontijiet nazzjonali skont is-Sistema Ewoprea tal-Kontijiet (ESA 1995) (7) u li l-piżijiet tal-pajjiż, li huma neċessarji biex jiġu prodotti l-aggregati tal-HICP taż-żona euro, tal-UE u oħrajn, huma bbażati fuq dejta tal-kontijiet nazzjonali.

(9)

Tqies il-prinċipju ta’ effettività tal-ispejjeż skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

(10)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2494/95.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabilixxi standards minimi għall-kwalità tal-peżar HICP tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICPs).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

il-“perjodu ta’ referenza tal-peżar” ta’ HICP huwa l-perjodu ta’ 12-il xahar ta’ konsum jew nefqa li minnu huma stmati l-piżijiet għall-kumpilazzjoni taċ-ċifri tal-indiċi HICP l-aktar reċenti;

(2)

“subindiċijiet” huma s-subindiċijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2214/96 (8) tal-20 ta’ Novembru 1996 li jikkonċerna indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur: trasmissjoni u tixrid ta’ subindiċi tal-HICP.

Artikolu 3

L-istandards minimi għall-peżar HICP

(1)   Kull xahar, fis-sena attwali t, l-Istati Membri għandhom jipproduċu l-HICP bl-użu ta’ piżijiet tas-subindiċijiet li jirriflettu x-xejra tan-nefqa tal-konsumaturi fil-perjodu ta’ referenza tal-peżar u għandhom jimmiraw li jkunu rappreżentattivi kemm jista’ jkun għax-xejriet tan-nefqa tal-konsumaturi fis-sena kalendarja preċendenti.

(2)   Għalhekk, kull sena l-Istati Membri għandhom jirrevedu u jaġġornaw il-piżijiet tas-subindiċijiet filwaqt li jqisu d-dejta tal-kontijiet nazzjonali preliminarji dwar ix-xejriet tal-konsum tas-sena t-2, għajr f’ċirkustanzi eċċezzjonali u mmotivati kif xieraq, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni disponibbli u rilevanti minn stħarriġ tal-baġit tal-familja u sorsi ta’ dejta oħra li huma affidabbli biżżejjed għall-iskopijiet tal-HICP.

(3)   Fir-rigward tal-piżijiet taħt il-livell tas-subindiċijiet, inklużi dawk għall-Gruppi ta’ Prodotti Elementari kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1749/96, l-Istati Membri għandhom jużaw il-piżijiet li ma jkollom fl-ebda każ aktar minn seba’ snin.

(4)   L-Istati Membri għandhom jirrevedu kull sena jekk kienx hemm xi żviluppi tas-suq importanti u kontinwi li jaffettwaw il-kwantitajiet fis-subtaqsimiet tas-COICOP/HICP jew le, bejn il-perjodi kif deskritt fil-paragrafi 2 u 3 u l-perjodu t-1, biex jiġu stmati l-piżijiet li huma aġġornati kemm jista’ jkun. B’mod partikolari, in-nefqa tal-konsum għas-subtaqsimiet tas-COICOP/HICP li għandhom bidliet magħrufa wara deċiżjonijiet amministrattivi u għal prodotti fi swieq li jiżviluppaw malajr għandha tiġi riveduta.

(5)   Kwalunkwe aġġustament magħmul lil peżar skont dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ mal-indiċi ta’ Jannar tas-sena t. Il-piżijiet HICP għas-snin preċedenti m’għandhomx jiġu riveduti, mingħajr ħsara għall-possibbiltà li jiġu korreġuti l-iżbalji skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1921/2001 (9) tat-28 ta’ Settembru 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 fir-rigward ta’ standards minimi għar-reviżjonijiet tal-HICP u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2602/2000. Fi kwalunkwe każ, il-piżijiet HICP għandhom jidħlu fis-seħħ mal-indiċi ta’ Jannar kull sena u jiġu aġġornati fil-prezz għall-prezzijiet ta’ Diċembru preċedenti.

Artikolu 4

Il-kontroll tal-kwalità

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) fuq talba tagħha informazzjoni biżżejjed dwar il-piżijiet użati biex jinbena l-HICP, inkluż il-perjodu ta’ referenza tal-peżar użat, ir-riżultat tar-reviżjoni annwali u l-aġġustamenti magħmula, biex tiġi evalwata l-komformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

L-applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jidħlu fis-seħħ mal-indiċi mhux aktar tard minn Jannar 2012.

Artikolu 6

Ir-revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 2454/97 huwa revokat, b’effett minn Jannar 2012. Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(2)  ĠU L 340, 11.12.1997, p. 24.

(3)  ĠU L 229, 10.9.1996, p. 3.

(4)  ĠU L 192, 24.7.1999, p. 9.

(5)  Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Iskop adattat għall-bżonnijiet tal-HICP.

(6)  ĠU L 103, 23.4.2009, p. 6.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità, ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(8)  ĠU L 296, 21.11.1996, p. 8.

(9)  ĠU L 261, 29.9.2001, p. 49.


Top