This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0116
Commission Regulation (EU) No 116/2010 of 9 February 2010 amending Regulation (EC) No 1924/2006 of the European Parliament and of the Council with regard to the list of nutrition claims (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010 tad- 9 ta’ Frar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-lista tal-affermazzjonijiet nutrittivi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010 tad- 9 ta’ Frar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-lista tal-affermazzjonijiet nutrittivi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 37, 10.2.2010, p. 16–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
10.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 37/16 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 116/2010
tad-9 ta’ Frar 2010
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-lista tal-affermazzjonijiet nutrittivi
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jiddikjara li l-affermazzjonijiet nutrittivi magħmula dwar l-ikel għandhom jitħallew isiru biss jekk dawn ikunu elenkati fl-Anness tiegħu, li jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-emendi għall-Anness għandhom jiġu adottati fejn meħtieġ, wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA), minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Awtorità. |
(3) |
Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni tal-Awtorità dwar l-affermazzjonijiet nutrittivi u l-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom li jikkonċernaw l-aċidi tax-xaħam omega-3, ix-xaħam mono mhux saturizzat, ix-xaħam poli mhux saturizzat u x-xaħam mhux saturizzat. |
(4) |
Fl-opinjoni tagħha adottata fis-6 ta’ Lulju 2005 (2), l-Awtorità tikkonkludi li l-aċidi tax-xaħam omega-3, ix-xaħam mono mhux saturizzat, ix-xaħam poli mhux saturizzat u x-xaħam mhux saturizzat għandhom sehem importanti fid-dieta. Xi xaħmijiet mhux saturizzati, bħal ma huma l-aċidi tax-xaħam omega-3 kultant jiġu kkunsmati f'livell li jkun anqas minn dak irrakkomandat. Għalhekk, l-affermazzjonijiet nutrittivi li jidentifikaw l-ikel bħala sors ta’ dawn in-nutrijenti, li hu rikk f’dawn in-nutrijenti jistgħu jgħinu lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar tajba għal saħħithom. Madankollu, dawk l-affermazzjonijiet nutrittivi ma kinux inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, kif adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, billi l-kundizzjonijiet ta' użu tagħhom ma kinux għadhom jistgħu jiġu ddefiniti b’mod ċar. |
(5) |
Wara li ġew ikkjarifikati dawk il-kundizzjonijiet ta' użu, wara li tqieset ukoll l-opinjoni tal-Awtorità dwar l-ittikettjar tal-valuri ta’ referenza għall-konsum ta’ aċidi tax-xaħam omega-3 u omega-6 adottata fit-30 ta’ Ġunju 2009 (3), il-parir għalhekk hu li jiġu inklużi l-affermazzjonijiet ikkonċernati fil-lista. |
(6) |
F’dak li jikkonċerna l-affermazzjonijiet dwar “Sors tal-aċidi tax-xaħam omega-3” u “aċidi tax-xaħam b’livell għoli ta’ omega-3”, il-kundizzjonijiet ta’ użu għandhom jiddistingwu bejn iż-żewġ tipi ta’ aċidi tax-xaħam omega-3, li għandhom sehem fiżjoloġiku differenti u li għalihom huma rrakkomandati livelli differenti ta’ konsum. Barra minn hekk, dawk il-kundizzjonijiet ta’ użu għandhom jistabbilixxu kwantità minima mitluba għal kull 100g u 100kcal tal-prodott sabiex jiġi żgurat li ikel biss li jipprovdi ammont sinifikanti ta’ aċidi tax-xaħam omega-3 fil-livell tagħhom ta’ konsum jista’ jingħata dawn l-affermazzjonijiet. |
(7) |
F’dak li jikkonċerna l-affermazzjonijiet “B’livell għoli ta’ xaħam mono mhux saturizzat”, “B’livell għoli ta’ xaħam poli mhux saturizzat”, il-kundizzjonijiet ta’ użu għandhom jinħtieġu kontenut minimu ta’ xaħam mhux saturizzat fl-ikel, u, konsegwentement, jiżguraw li l-ammont affermat dejjem jikkorrispondi ma' ammont sinifikanti fil-livell ta’ konsum tagħhom milħuq permezz ta’ dieta bbilanċjata. |
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) Il-Ġurnal tal-EFSA (2005) 253, 1-29.
(3) Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1176, 1-11.
ANNESS
Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, qed jiżdied it-test li ġej:
“SORS TAL-AĊIDI TAX-XAĦAM OMEGA-3
Affermazzjoni li l-ikel hu sors ta’ aċidi tax-xaħam omega-3, u kull affermazzjoni li probabbilment jista’ jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista’ ssir biss meta l-prodott ikun fih mill-inqas 0,3 g ta’ aċidi alpha-linolenic għal kull 100 g u għal kull 100 kcal, jew mill-inqas 40 mg tat-total tal-aċidu eicosapentaenoic u tal-aċidu docosahexaenoic flimkien għal kull 100 g u għal kull 100 kcal.
ĦAFNA AĊIDI TAX-XAĦAM OMEGA-3
Affermazzjoni li l-ikel għandu ħafna aċidi tax-xaħam omega-3, u kull affermazzjoni li probabbilment jista’ jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista’ ssir biss meta l-prodott ikun fih mill-inqas 0,6 g ta’ aċidi alpha-linolenic għal kull 100 g u għal kull 100 kcal, jew mill-inqas 80 mg tat-total tal-aċidu eicosapentaenoic u tal-aċidu docosahexaenoic flimkien għal kull 100 g u għal kull 100 kcal.
ĦAFNA XAĦAM MONO MHUX SATURIZZAT
Affermazzjoni li ikel għandu ħafna xaħam mono mhux saturizzat, u kull affermazzjoni li probabbilment għandha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista' ssir biss meta tal-anqas 45 % tal-aċidi grassi li jkunu preżenti fil-prodott jittieħdu minn xaħam mhux saturizzat bil-kundizzjoni li xaħam mono mhux saturizzat jipprovdi aktar minn 20 % tal-enerġija tal-prodott.
ĦAFNA XAĦAM POLI MHUX SATURIZZAT
Affermazzjoni li ikel għandu ħafna xaħam poli mhux saturizzat, u kull affermazzjoni li probabbilment għandha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista' ssir biss meta tal-anqas 45 % tal-aċidi grassi li jkunu preżenti fil-prodott jittieħdu minn xaħam poli mhux saturizzat bil-kundizzjoni li xaħam poli mhux saturizzat jipprovdi aktar minn 20 % tal-enerġija tal-prodott.
ĦAFNA XAĦAM MHUX SATURIZZAT
Affermazzjoni li ikel għandu ħafna xaħam mhux saturizzat u kull affermazzjoni li probabbilment għandha l-istess tifsira għall-konsumatur tista' ssir biss meta 70 % tal-aċidi tax-xaħam fil-prodott jiġu mix-xaħam mhux saturizzat bil-kundizzjoni li xaħam mhux saturizzat jipprovdi aktar minn 20 % tal-enerġija tal-prodott.”