Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010Q0423(01)

    Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 103, 23.4.2010, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2010/423/oj

    23.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 103/1


    REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA

    WERREJ

    IT-TITOLU I:   L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI

    IL-KAPITOLU I:

    IL-QORTI

    L-Artikolu 1

    Natura kolleġġjali

    IT-TAQSIMA 1:

    MEMBRI

    L-Artikolu 2

    Bidu tal-kariga

    L-Artikolu 3

    Obbligi tal-Membri u twettiq tad-doveri tagħhom

    L-Artikolu 4

    Riżenja mġiegħla mill-kariga u tneħħija tad-dritt għal pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflokha

    L-Artikolu 5

    Ordni ta’ preċedenza

    L-Artikolu 6

    Sostituzzjoni temporanja ta’ Membri

    IT-TAQSIMA 2:

    PRESIDENT

    L-Artikolu 7

    Elezzjoni tal-President

    L-Artikolu 8

    Sostituzzjoni temporanja tal-President

    L-Artikolu 9

    Doveri tal-President

    IT-TAQSIMA 3:

    KMAMAR U KUMITATI

    L-Artikolu 10

    Twaqqif tal-Kmamar

    L-Artikolu 11

    Responsabbiltajiet tal-Kmamar

    L-Artikolu 12

    Kumitati

    IT-TAQSIMA 4:

    Segretarju Ġenerali

    L-Artikolu 13

    Is-Segretarju Ġenerali

    IL-KAPITOLU II:

    TWETTIQ TAD-DOVERI TAL-QORTI

    L-Artikolu 14

    Delegazzjonijiet

    L-Artikolu 15

    Setgħat tal-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni

    L-Artikolu 16

    Struttura organizzativa tal-Qorti

    IT-TITOLU II:   PROĊEDURI TA’ ĦIDMA TAL-QORTI

    IL-KAPITOLU I:

    LAQGĦAT TAL-QORTI U TAL-KMAMAR

    IT-TAQSIMA 1:

    QORTI

    L-Artikolu 17

    Skedar tal-laqgħat

    L-Artikolu 18

    Aġenda

    L-Artikolu 19

    Proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet

    L-Artikolu 20

    Presidenza tal-laqgħat

    L-Artikolu 21

    Kworum

    L-Artikolu 22

    Natura mhux pubblika tal-laqgħat

    L-Artikolu 23

    Minuti tal-laqgħat

    IT-TAQSIMA 2:

    KMAMAR

    L-Artikolu 24

    Laqgħat tal-Kmamar

    IL-KAPITOLU II:

    DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI, TAL-KMAMAR U TAL-KUMITATI

    L-Artikolu 25

    Deċiżjonijiet tal-Qorti

    L-Artikolu 26

    Deċiżjonijiet tal-Kmamar

    L-Artikolu 27

    Deċiżjonijiet tal-kumitati

    L-Artikolu 28

    Ilsna u awtentikazzjoni

    L-Artikolu 29

    Trażmissjoni u pubblikazzjoni

    L-KAPITOLU III:

    VERIFIKI U TĦEJJIJA TA’ RAPPORTI, OPINJONIJIET, OSSERVAZZJONIJIET U DIKJARAZZJONIJIET TA’ ASSIGURAZZJONI

    L-Artikolu 30

    Twettiq tal-verifiki

    L-Artikolu 31

    Membru Relatur

    IT-TITOLU III:   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    L-Artikolu 32

    Numri espressi bħala frazzjonijiet

    L-Artikolu 33

    Espressjonijiet speċifiċi għas-sessi

    L-Artikolu 34

    Regoli ta’ Implimentazzjoni

    L-Artikolu 35

    Aċċess għad-dokumenti

    L-Artikolu 36

    Dħul fis-seħħ

    L-Artikolu 37

    Pubblikazzjoni

    IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari s- subparagrafu ħamsa tal-Artikolu 287(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

    bl-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija fit-22 ta’ Frar 2010,

    ADOTTAT DAWN IR-REGOLI:

    IT-TITOLU I

    L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI

    IL-KAPITOLU I

    Il-Qorti

    L-Artikolu 1

    Natura kolleġġjali

    Bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tar-Regolament Finanzjarju, il-Qorti għandha tkun organizzata u għandha taġixxi b’mod kolleġġjali, skont dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

    It-taqsima 1

    Membri

    L-Artikolu 2

    Bidu tal-kariga

    Il-kariga tal-Membri tal-Qorti għandha tibda mid-data ffissata għal dan l-iskop fl-att tal-ħatra, jew, fin-nuqqas ta’ din, mid-data tal-adozzjoni ta’ dak l-att.

    L-Artikolu 3

    Obbligi tal-Membri u twettiq tad-doveri tagħhom

    Il-Membri għandhom jeżerċitaw id-doveri tagħhom skont l-Artikolu 286(1), (3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 4

    Riżenja mġiegħla mill-kariga u tneħħija tad-dritt għal pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflokha

    1.   Meta l-Qorti, li taġixxi b’maġġoranza tal-Membri tagħha, tqis li l-informazzjoni li ġiet sottomessa lilha hija tali li tistabbilixxi li xi Membru m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa jew l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu (L-Artikolu 286(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), hija għandha tawtorizza lill-President jew, fil-każ li l-President huwa l-Membru kkonċernat, lill-Membru li jmiss wara l-President skont l-ordni ta’ preċedenza taħt l-Artikolu 5 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, biex jagħmel rapport preliminari.

    2.   Ir-rapport preliminari għandu jintbagħat, flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn, lill-Membri kollha, inkluż il-Membru kkonċernat li mbagħad bi tweġiba għandu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub f’terminu ta’ żmien raġonevoli stabbilit mill-President jew, jekk il-President huwa l-Membru kkonċernat, mill-Membru li jmiss wara l-President skont l-ordni ta’ preċedenza.

    3.   Il-Membru kkonċernat għandu wkoll jiġi mistieden jippreżenta verbalment l-ispjegazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti.

    4.   Id-deċiżjoni li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex il-Membru kkonċernat jitneħħa mill-kariga tiegħu u/jew li jitneħħielu d-dritt għall-pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflokha għandha tittieħed b’vot sigriet minn maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-Membri tal-Qorti. Il-Membru kkonċernat m’għandux jivvota.

    L-Artikolu 5

    Ordni ta’ preċedenza

    1.   L-ordni ta’ preċedenza tal-Membri wara l-President għandha tkun skont id-data tal-ħatra; meta l-Membru jkun maħtur mill-ġdid, il-perjodu preċedenti tal-kariga tiegħu għandu jittieħed inkonsiderazzjoni, kemm jekk jiġi immedjatament qabel il-perjodu preżenti u kemm jekk le.

    2.   Il-Membri li ġew maħtura fl-istess ġurnata għandhom jieħdu preċedenza skont l-età tagħhom.

    L-Artikolu 6

    Sostituzzjoni temporanja ta’ Membri

    1.   F’każ ta’ post battal fil-kariga ta’ xi Membru, il-Qorti għandha tinnomina l-Membru/Membri li għandu/għandhom iwettqu d-doveri tiegħu sakemm jinħatar Membru ġdid.

    2.   Jekk xi Membru jkun assenti jew mhux disponibbli, huwa għandu jkun sostitwit temporanjament minn Membru wieħed (jew aktar) skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    It-taqsima 2

    President

    L-Artikolu 7

    Elezzjoni tal-President

    1.   Il-Qorti għandha taħtar President ġdid qabel it-tmiem tal-kariga tal-President. Madankollu, jekk it-tmiem tal-kariga tal-President jaħbat mat-tiġdid ta’ parti mill-korp tal-Membri skont l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-elezzjoni għandha ssir immedjatament wara, jew mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol wara, li l-Qorti tibda topera fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha.

    2.   Il-President huwa nominat permezz ta’ elezzjoni b’vot sigriet. Il-kandidat li, fl-ewwel għadd tal-voti, jikseb żewġ terzi tal-maġġoranza tal-voti tal-Membri tal-Qorti għandu jkun elett President. Jekk ħadd mill-kandidati ma jikseb din il-maġġoranza, għandha ssir it-tieni votazzjoni minnufih u l-kandidat li jikseb maġġoranza tal-voti tal-Membri tal-Qorti għandu jkun elett. Jekk l-ebda kandidat ma jkun kiseb maġġoranza tal-voti tal-Membri tal-Qorti fit-tieni votazzjoni, għandhom isiru aktar votazzjonijiet skont il-proċedura stabbilita fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 8

    Sostituzzjoni temporanja tal-President

    1.   F’każ ta’ post battal fil-kariga ta’ President, id-doveri tal-President għandhom jitwettqu temporanjament mill-President li jkun wasal biex jispiċċa mill-kariga, bil-kundizzjoni li huwa jkun għadu Membru tal-Qorti, ħlief f’każ ta’ inkapaċità. F’kull każ ieħor, il-Membru li għandu l-preċedenza skont l-Artikolu 5 għandu jkun l-aġent President.

    2.   Fil-ġestjoni minn jum għal jum tal-Qorti matul il-perjodu interim, l-aġent President għandu jorganizza l-elezzjoni tal-President il-ġdid skont l-Artikolu 7. Madankollu, jekk il-kariga ta’ President tkun battala inqas minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-kariga, il-President għandu jkun sostitwit minn Membru li għandu preċedenza skont l-Artikolu 5.

    3.   Jekk il-President ikun assenti jew ma jkunx disponibbli, huwa jkun temporanjament sostitwit mill-Membru li għandu preċedenza skont l-Artikolu 5.

    L-Artikolu 9

    Doveri tal-President

    1.   Il-President tal-Qorti għandu:

    (a)

    isejjaħ u jippresjedi l-laqgħat tal-Qorti u jkun responsabbli mill-iżvolġiment tajjeb tas-seduti;

    (b)

    jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu implimentati;

    (c)

    jiżgura li d-dipartimenti tal-Qorti joperaw kif suppost u li l-attivitajiet differenti huma mmexxija sew;

    (d)

    jaħtar aġent li jirrappreżenta l-Qorti fil-proċeduri ġudizzjarji kollha li fihom tkun involuta l-Qorti;

    (e)

    jirrappreżenta l-Qorti fir-relazzjonijiet esterni tagħha, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtorità ta’ kwittanza, mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u mal-istituzzjonijiet tal-verifika tal-Istati Membri.

    2.   Il-President jista’ jiddelega parti mid-doveri tiegħu lil Membru wieħed jew aktar.

    It-taqsima 3

    Kmamar u kumitati

    L-Artikolu 10

    Twaqqif tal-Kmamar

    1.   Il-Qorti għandha tistabbilixxi Kmamar sabiex jadottaw ċerti kategoriji ta’ rapporti u opinjonijiet skont l-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-oqsma ta’ responsabbiltà fost il-Kmamar għandhom ikunu deċiżi mill-Qorti fuq proposta mill-President.

    3.   Fuq proposta mill-President, kull wieħed mill-Membri l-oħrajn għandu jkun assenjat mill-Qorti lil Kamra.

    4.   Kull Kamra għandha teleġi wieħed mill-Membri tagħha bħala Dekan skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 11

    Responsabbiltajiet tal-Kmamar

    1.   Il-Kmamar għandhom jadottaw rapporti u opinjonijiet, ħlief għar-Rapport Annwali dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u r-Rapport Annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, skont id-dispożizzjonijiet imniżżla fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    2.   Il-Kamra responsabbli mill-adozzjoni ta’ dokument skont il-paragrafu 1, tista’ tirreferi l-adozzjoni tiegħu lill-Qorti, skont il-kundizzjonijiet imniżżla fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    3.   Il-Kmamar għandhom ikollhom il-kompitu li jwettqu x-xogħlijiet ta’ tħejjija fir-rigward ta’ dokumenti għall-adozzjoni mill-Qorti, inklużi abbozzi ta’ osservazzjonijiet u opinjonijiet, programmi tax-xogħol proposti, u kull dokument ieħor fil-qasam tal-verifika, ħlief għal dawk li għalihom il-kumitati stabbiliti taħt l-Artikolu 12 għandhom il-kompitu li jwettqu x-xogħlijiet ta’ tħejjija.

    4.   Il-Kmamar għandhom jallokaw il-kompiti tagħhom fost il-Membri tagħhom skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    5.   Il-Membri għandhom jagħtu rendikont lill-Kamra u lill-Qorti għat-twettiq tal-kompiti fdati lilhom.

    L-Artikolu 12

    Kumitati

    1.   Għandhom jinħolqu kumitati li jkunu komposti skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    2.   Il-kumitati għandu jkollhom responsabbiltà fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mill-Kmamar kif inhu stipulat fl-Artikolu 11, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    It-taqsima 4

    Segretarju Ġenerali

    L-Artikolu 13

    Is-Segretarju Ġenerali

    1.   Il-Qorti għandha taħtar is-Segretarju-Ġenerali permezz ta’ elezzjoni b’vot sigriet skont il-proċedura stabbilita fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    2.   Is-Segretarju-Ġenerali għandu jagħti rendikont lill-Qorti, u għandu jagħmel rapporti perjodiċi dwar it-twettiq tad-doveri tiegħu.

    3.   Taħt l-awtorità tal-Qorti, is-Segretarju-Ġenerali huwa responsabbli mis-Segretarjat tal-Qorti.

    4.   Is-Segretarju-Ġenerali għandu jeżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità ta’ ħatra skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u s-setgħat mogħtija lill-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej, sakemm id-deċiżjoni tal-Qorti dwar l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità ta’ ħatra u lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg ma tipprovdix xort’oħra.

    5.   Is-Segretarju-Ġenerali huwa responsabbli mit-tmexxija tal-persunal tal-Qorti u mill-amministrazzjoni tal-Qorti, kif ukoll minn kull kompitu ieħor li l-Qorti tassenjalu.

    6.   Jekk is-Segretarju-Ġenerali jkun assenti jew ma jkunx disponibbli, huwa jkun sostitwit temporanjament skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    IL-KAPITOLU II

    Twettiq tad-doveri tal-Qorti

    L-Artikolu 14

    Delegazzjonijiet

    1.   Il-Qorti tista’, bil-kundizzjoni li l-prinċipju ta’ responsabbiltà kolleġġjali jiġi rispettat, tagħti setgħa lil Membru wieħed jew aktar sabiex, f’isimha u taħt il-kontroll tagħha, jieħu/jieħdu miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni definiti b’mod ċar, u b’mod partikolari sabiex jieħu/jieħdu azzjoni bħala preparazzjoni għal deċiżjoni li għandha tittieħed fil-futur mill-Membri tal-Qorti. Il-Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw lura lill-Qorti dwar il-miżuri meħuda.

    2.   Membru jista’ jagħti lil uffiċjal jew membru wieħed jew aktar tal-persunal is-setgħa li jiffirma/jiffirmaw dokumenti dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dak il-Membru, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 15

    Setgħat tal-uffiċjali ta’ awtorizzazzjoni

    1.   Is-setgħat tal-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni huma eżerċitati mill-Membri tal-Qorti u, għal uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni delegat, mis-Segretarju-Ġenerali skont ir-regoli ta’ proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit.

    2.   Il-Qorti għandha tistabbilixxi r-regoli u l-prattiċi dwar il-proċeduri ta’ kontroll għall-eżerċizzju tas-setgħat mill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni u mill-uffiċjali ta’ awtorizzazzjoni delegati f’deċiżjoni dwar ir-regoli interni għall-implimentazzjoni tal-baġit.

    L-Artikolu 16

    Struttura organizzattiva tal-Qorti

    1.   Il-Qorti għandha tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tagħha.

    2.   Fuq proposta tas-Segretarju-Ġenerali, il-Qorti għandha tqassam il-karigi li jidhru fil-pjan ta’ stabbiliment skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    IT-TITOLU II:

    PROĊEDURI TA’ ĦIDMA TAL-QORTI

    IL-KAPITOLU I

    Laqgħat tal-Qorti u tal-kmamar

    It-taqsima 1

    Qorti

    L-Artikolu 17

    Skedar tal-laqgħat

    1.   Il-Qorti għandha tiffissa dati proviżorji għal-laqgħat tagħha darba fis-sena, qabel it-tmiem tas-sena preċedenti.

    2.   Laqgħat addizzjonali jistgħu jiġu organizzati fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq it-talba ta’ mill-inqas kwart tal-Membri tal-Qorti.

    L-Artikolu 18

    Aġenda

    1.   Il-President għandu jħejji l-abbozz tal-aġenda għal kull laqgħa.

    2.   L-abbozz tal-aġenda u kwalunkwe talba għall-emendar tagħha għandhom jiġu ppreżentati lill-Qorti, li għandha tadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa.

    L-iskadenzi taż-żmien għad-distribuzzjoni tal-aġenda u d-dokumenti relatati huma stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 19

    Proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet

    Il-Qorti għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha f’seduta formali, ħlief meta tagħmel użu mill-proċedura bil-miktub stabbilita fl-Artikolu 25(5).

    L-Artikolu 20

    Presidenza tal-laqgħat

    Il-laqgħat tal-Qorti huma ppreseduti mill-President. Jekk il-President ikun assenti jew ikun indispost, għandhom jiġu ppreseduti mill-Membru li temporanjament ikun l-aġent President, skont it-tifsira tal-Artikolu 8.

    L-Artikolu 21

    Kworum

    Mill-inqas żewġ terzi tal-Membri tal-Qorti għandhom ikunu preżenti sabiex jiddeliberaw.

    L-Artikolu 22

    Natura mhux pubblika tal-laqgħat

    Il-laqgħat tal-Qorti mhumiex pubbliċi, sakemm il-Qorti ma tiddeċidix xort’oħra.

    L-Artikolu 23

    Minuti tal-laqgħat

    Għandhom jinżammu minuti għal kull laqgħa tal-Qorti.

    It-taqsima 2

    Kmamar

    L-Artikolu 24

    Laqgħat tal-Kmamar

    Sakemm m’hemmx dispożizzjoni mod ieħor fir-regoli ta’ implimentazzjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 għandhom japplikaw għal-laqgħat tal-Kmamar.

    IL-KAPITOLU II

    Deċiżjonijiet tal-Qorti, tal-kmamar u tal-Kumitati

    L-Artikolu 25

    Deċiżjonijiet tal-Qorti

    1.   Il-Qorti għandha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’mod kolleġġjali wara li ssir eżaminazzjoni minn qabel minn Kamra jew minn kumitat ħlief għal dawk id-deċiżjonijiet fejn il-Qorti tkun qed taġixxi bħala awtorità ta’ ħatra jew bħala l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg.

    2.   Id-dokumenti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ħlief dawk adottati mill-Kmamar skont l-Artikolu 11(1), u d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu adottati mill-Qorti minn maġġoranza tal-Membri tagħha.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4(4) u 7(2), id-deċiżjonijiet l-oħra għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-Membri preżenti għal-laqgħa tal-Qorti. Madankollu, il-Qorti tista’, fuq proposta ta’ Membru, tiddikjara, b’maġġoranza tal-Membri preżenti fil-laqgħa, li kwistjoni speċifika mressqa quddiemha tiġi deċiża b’maġġoranza tal-Membri tal-Qorti.

    4.   Meta l-maġġoranza tal-voti tal-Membri preżenti hija meħtiega sabiex tittieħed deċiżjoni, il-vot tal-President huwa deċiżiv fil-każ fejn il-voti favur u kontra huma ndaqs.

    5.   Il-Qorti għandha tiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ id-deċiżjonijiet li għandhom ikunu adottati permezz tal-proċedura bil-miktub. Regoli ddettaljati għal din il-proċedura għandhom jitniżżlu fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 26

    Deċiżjonijiet tal-Kmamar

    1.   Kamra għandha tadotta d-deċiżjonijiet permezz tal-maġġoranza tal-Membri tagħha. F’każ li jkun hemm parità ta’ voti, id-Dekan jew il-Membru li qiegħed jissostitwixxih temporanjament, ikollu l-vot deċiżiv.

    2.   Il-Membri kollha tal-Qorti jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Kmamar, iżda jistgħu jivvutaw biss fil-Kmamar li huma Membri fihom. Madankollu, meta l-Membri jibagħtu dokument lil xi Kamra li mhumiex Membru fiha għandhom ikunu intitolati li jivvutaw f’dik il-Kamra fuq dak id-dokument.

    3.   Id-Dekan għandu jinnotifika d-dokumenti adottati mill-Kamra skont l-Artikolu 11(1) lill-Membri kollha tal-Qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    4.   L-adozzjoni ta’ dokument mill-Kamra skont l-Artikolu 11(1) issir definittiva wara ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tan-notifika li hija pprovduta fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu sakemm fi ħdan dak il-perjodu għadd ta’ Membri stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni ma jibagħtux lill-President talba raġonata li d-dokument ikkonċernat għandu jiġi diskuss u deċiż mill-Qorti.

    5.   Kamra tista’ tiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ li d-deċiżjonijiet għandhom ikunu adottati permezz tal-proċedura bil-miktub. Regoli ddettaljati għal din il-proċedura għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

    L-Artikolu 27

    Deċiżjonijiet tal-kumitati

    Sakemm m’hemmx dispożizzjoni mod ieħor fir-regoli ta’ implimentazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 għandhom japplikaw għall-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumitati.

    L-Artikolu 28

    Ilsna u awtentikazzjoni

    1.   Ir-rapporti, l-opinjonijiet, l-osservazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u d-dokumenti l-oħra meta dawn huma għall-pubblikazzjoni għandhom jitħejjew bl-ilsna uffiċjali kollha.

    2.   Id-dokumenti għandhom ikunu awtentikati bil-firma tal-President fuq il-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

    L-Artikolu 29

    Trażmissjoni u pubblikazzjoni

    Fil-qafas tat-Trattati u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu r-regoli li jikkonċernaw it-trażmissjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapporti, l-opinjonijiet, l-osservazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u deċiżjonijiet oħra tal-Qorti.

    IL-KAPITOLU III

    Verifiki u tħejjija ta’ rapporti, opinjonijiet, osservazzjonijiet u dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni

    L-Artikolu 30

    Twettiq tal-verifiki

    1.   Il-Qorti għandha tistabbilixxi regoli dettaljati għat-twettiq tal-verifiki li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha permezz tat-Trattati.

    2.   Il-Qorti għandha twettaq il-verifiki tagħha skont il-miri stabbiliti fil-programm tax-xogħol tagħha.

    L-Artikolu 31

    Membru Relatur

    1.   Għal kull kompitu li għandu jitwettaq, il-Kamra għandha taħtar Membru(i) biex jaġixxu bħala Membru(i) Relatur(i). Għal kull wieħed mill-kompiti li jmur lil hinn mill-qafas speċifiku ta’ Kamra waħda, il-Membru(i) Relatur(i) għandu/għandhom jinħatar/jinħatru skont il-każ mill-Qorti.

    2.   Malli l-Qorti tiġi ppreżentata b’talba għal opinjoni fuq it-tifsira tal-Artikoli 287, 322 jew 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , jew meta hija tkun tixtieq tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti għandha taħtar, minn fost il-Membri tagħha, il-Membru(i) Relatur(i) inkarigat(i) sabiex jivvaluta/jivvalutaw il-kwistjoni u jipprepara(w) l-abbozz.

    IT-TITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    L-Artikolu 32

    Numri espressi bħala frazzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, fejn numru huwa espress bħala frazzjoni, għandu jiżdied sal-eqreb numru sħiħ.

    L-Artikolu 33

    Espressjonijiet speċifiċi għas-sessi

    L-użu ta’ espressjonijiet speċifiċi għas-sessi fit-test ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandu jinftiehem li qed jirreferu kemm għas-sess femminil u kif ukoll għal dak maskil.

    L-Artikolu 34

    Regoli ta’ implementazzjoni

    1.   Il-Qorti, billi taġixxi b’maġġoranza tal-Membri tagħha, għandha tiddetermina r-regoli ta’ implimentazzjoni għal dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

    2.   Ir-regoli ta’ implimentazzjoni jsiru pubbliċi fuq il-websajt tal-Qorti.

    L-Artikolu 35

    Aċċess għad-dokumenti

    Skont il-prinċipji ta’ trasparenza u amministrazzjoni tajba u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 143(2) u l-Artikolu 144 (1) tar-Regolament Finanzjarju, kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti tal-Qorti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċizjoni li tistabbilixxi r-regoli interni għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-aċċess tad-dokumenti miżmuma mill-Qorti.

    L-Artikolu 36

    Dħul fis-seħħ

    Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jabrogaw u jissostitwixxu dawk adottati mill-Qorti fit-8 ta’ Diċembru 2004.

    Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010.

    L-Artikolu 37

    Pubblikazzjoni

    Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fil-Lussemburgu, il-11 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    Top