EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0803(01)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel

OJ C 210, 3.8.2010, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 054 P. 234 - 235

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

3.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Lulju 2010

li tistabbilixxi l-Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel

2010/C 210/03

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 173(1) tat-Trattat jassenja lill-Unjoni u lill-Istati Membri l-kompitu li jiżguraw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni jiġu żgurati, b'mod partikolari billi jitħeġġeġ ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi. B'mod partikolari, l-Artikolu 173(2) iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw lil xulxin b'rabta mal-Kummissjoni u, fejn ikun meħtieġ, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli biex tħeġġeġ din il-koordinazzjoni.

(2)

Il-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari mwaqqaf bid-Deċiżjoni 2008/359/KE tal-Kummissjoni (1) tat-28 ta' April 2008 stabbilixxa rapport li fih 30 rakkomandazzjoni u pjan direzzjonali ta' inizjattivi ewlenin bl-għan li titħeġġeġ il-kompetittività tal-industrija tal-ikel Ewropea.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (2), il-Kummissjoni ppreżentat 10 inizjattivi politiċi bl-għan li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet osservati waqt l-analiżi mill-ġdid tas-suq uniku fis-settur tal-ikel u impenjat ruħha li tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tagħhom, fuq il-bażi ta' diskussjoni mal-partijiet interessati.

(4)

Issa jeħtieġ li jiġi żgurat il-monitoraġġ tar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari u l-monitoraġġ tal-inizjattivi tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġi mwaqqaf grupp ġdid ta' esperti b'kompetenzi ta' firxa wiesgħa, taħt il-forma ta' Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, li l-kompożizzjoni tagħha tirrifletti l-atturi kollha tal-katina tal-ikel. Dan il-Forum ser jippermetti li tiġi żgurata l-koerenza tal-inizjattivi diversi tal-Kummissjoni.

(5)

Il-Forum għandu jkun magħmul minn personalitajiet ta' livell għoli li jirrappreżentaw l-Istati membri u s-setturi tal-agrikoltura, tal-industrija tal-ipproċessar agroalimentari u tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel, kif ukoll minn organizzazzjonijiet non-governattivi li huma esperti fil-qasam tal-katina tal-provvista tal-ikel.

(6)

Għandhom jiġu previsti regoli rigward it-tixrid ta' informazzjoni mill-membri tal-Forum, mingħajr ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sigurtà li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom tal-Kummissjoni (3).

(7)

Kwalunkwe dejta personali dwar il-membri tal-Forum għandha tiġi trattata b'mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (4).

(8)

Huwa meħtieġ li tiġi rrevokata d-Deċiżjoni 2008/359/KE.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit iż-żmien ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Forum

Forum ta' livell għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel, aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Forum”, għandu jiġi mwaqqaf.

Artikolu 2

Kompiti

Il-Forum għandu jgħin lill-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika industrijali fis-settur agroalimentari. Għal dan il-għan, isegwi, minn naħa, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-grupp ta' livell għoli dwar il-kompetittività tal-industrija agroalimentari mwaqqaf mid-Deċiżjoni 2008/359/KE tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni tal-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-Forum rigward kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-kompetittività u l-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel fi ħdan is-suq intern u sabiex tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet ġodda skont l-iżviluppi tal-katina ta' provvista tal-ikel.

Artikolu 4

Kompożizzjoni – Nominazzjoni

1.   Il-Forum għandu jkun magħmul minn massimu ta' 45 membri.

2.   Il-Forum għandu jinkludi:

l-awtoritajiet nazzjonali ta' Stati Membri li huma responsabbli għas-settur tal-ikel fuq livell ministerjali;

impriżi attivi fis-setturi tal-industrija agroalimentari, tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni ta' prodotti agroalimentari fl-Unjoni;

assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi tal-agrikoltura, tal-industrija agroalimentari u tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni ta' prodotti agroalimentari fl-Unjoni;

organizzazzjonijiet non-governattivi li huma esperti fil-kwistjonijiet relatati mal-katina ta' provvista tal-ikel.

3.   Kull membru tal-Forum għandu jaħtar rappreżentant permanenti għall-grupp ta' tħejjija msemmi fl-Artikolu 5(2).

4.   Il-membri għandhom jiġu nnominati għal żmien ta' kariga li jista' jiġġedded ta' sena u għandhom jeżerċitaw il-kariga tagħhom sakemm jiġu sostitwiti b'mod konformi mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jew sat-tmiem taż-żmien tal-kariga tagħhom.

5.   Il-membri jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija taż-żmien ta' kariga tagħhom fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta jirriżenjaw;

(b)

meta ma jkunux jistgħu aktar jikkontribwixxu b'mod effikaċi għax-xogħol tal-Forum;

(c)

meta ma jirrispettawx l-Artikolu 339 tat-Trattat.

6.   L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija u fir-reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni.

Il-ġbir, il-ġestjoni u l-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-membri għandhom isiru b'mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Funzjonament

1.   Il-Forum għandu jiġi ppresedut mill-Kummissjoni. Huwa għandu jistabbilixxi rapport annwali dwar l-attivitajiet għall-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

2.   Grupp ta' tħejjija, aktar 'il quddiem imsejjaħ il-“grupp tax-sherpas”, għandu jħejji d-dibattiti, id-dokumenti bl-informazzjoni tal-isfond u l-opinjonijiet sabiex jitfassal ir-rapport annwali tal-Forum. Huwa għandu jiġi ppresedut mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista' tlaqqa' gruppi ta' ħidma inkarigati li jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi fuq il-bażi ta' mandat stabbilit bi qbil mal-Forum jew mal-grupp tax-sherpas. Dawn il-gruppi ta' ħidma għandhom jiġu xolti malli jispiċċa ż-żmien ta' kariga tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni tista' tistieden esperti jew osservaturi li għandhom kompetenza partikolari f'suġġett imniżżel fl-aġenda biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-forum jew fid-deliberazzjonijiet jew ix-xogħol tal-grupp tax-sherpas jew tal-gruppi ta' ħidma.

Fuq talba mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Parlament Ewropew biex jaħtar rappreżentant wieħed jew aktar minn wieħed biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Forum.

5.   Il-Forum, il-grupp tax-sherpas u l-gruppi ta' ħidma normalment għandhom jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni, skont l-arranġamenti u l-kalendarju stabbiliti minnha. Is-segretarjat għandu jiġi żgurat mill-Kummissjoni. Uffiċjali tal-Kummissjoni li huma interessati fix-xogħol jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Forum, tal-grupp tax-sherpas u tal-gruppi ta' ħidma.

6.   Il-membri tal-Forum, ir-rappreżentanti tagħhom u l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-sigriet professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli tagħhom ta' implimentazzjoni, kif ukoll mar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE previsti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom.

7.   Il-Kummissjoni tista' tippubblika jew tqiegħed fuq l-internet, fil-lingwa ta' oriġini tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sommarju, konklużjoni, parti ta' konklużjoni jew dokument ta' ħidma tal-Forum, kif ukoll kwalunkwe minuti u rapport.

Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tittraduċi dawn id-dokumenti jew parti minnhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 6

Revoka

Id-Deċiżjoni 2008/359/KE għandha tiġi revokata.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2012.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 120, 7.5.2008, p. 15.

(2)  COM(2009) 591, 28.10.2009.

(3)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top