Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0792

2010/792/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fl-Ungerija Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 336, 21.12.2010, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 009 P. 290 - 291

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/792/oj

21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2010

li testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fl-Ungerija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/792/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u b’mod partikolari l-punt 2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness X għalih,

Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mill-Ungerija,

Billi:

(1)

L-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jipprovdi li l-Ungerija għandha żżomm fis-seħħ, skont il-kundizzjonijiet stipulati fih, għal perjodu ta’ seba’ snin mill-adeżjoni li jiskadi fit-30 ta’ April 2011, projbizzjonijiet dwar l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni fiżiċi li mhumiex residenti fl-Ungerija jew li mhumiex ta’ nazzjonalità Ungeriża u minn persuni legali. Din hija eċċezzjoni temporanja għall-moviment ħieles tal-kapital kif iggarantit fl-Artikoli 63 sa 66 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan il-perjodu tranżitorju jista’ jiġi estiż biss għal tliet snin oħra.

(2)

Fl-10 ta’ Settembru 2010, l-Ungerija talbet biex testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola bi tliet snin.

(3)

Ir-raġuni ewlenija għall-perjodu tranżitorju kienet il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardati l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-attivitajiet agrikoli wara l-introduzzjoni tas-suq uniku u t-tranżizzjoni tal-Politika Agrikola Komuni fl-Ungerija. B’mod partikolari, l-għan tiegħu kien li jirreaġixxi għat-tħassib li tqajjem dwar l-impatt possibbli fuq is-settur agrikolu li kieku kellha tiġi liberalizzata l-art agrikola minħabba d-differenzi kbar inizjali fil-prezzijiet tal-art u d-dħul meta mqabbel mal-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit (minn issa ‘l quddiem l-UE-15). L-għan tal-perjodu tranżitorju kien ukoll li jiffaċilita l-proċess tal-privatizzazzjoni u r-restituzzjoni tal-art agrikola lill-bdiewa, u l-Kummissjoni fir-Rapport tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar l-Analiżi tal-miżuri tranżitorji għall-akkwist tal-proprjetà agrikola stabbilita fit-Trattat tal-Adeżjoni tal-2003 (minn issa ‘l quddiem “Analiżi fuq Perjodu” ta’ Żmien Medju diġà enfasizzat l-importanza li titlesta din il-politika sal-aħħar tal-perjodu tranżitorju previst (1).

(4)

Skont informazzjoni pprovduta mill-Ungerija jidher li minkejja l-fatt li hemm iktar konverġenza fil-prezzijiet tal-art fl-Ungerija, xorta waħda għadha tippersisti differenza ta’ bejn 3 sa 20 darba inqas fil-medja tal-prezzijiet tal-art meta mqabbla ma’ dawk li jiddominaw fl-UE-15 wara l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni Ewoprea. Għalkemm il-konverġenza sħiħa fil-prezzijiet tal-art la hi mistennija u lanqas ma tidher li hi kundizzjoni neċessarja għat-terminazzjoni tal-perjodu tranżitorju, id-differenzi ċari fil-prezzijiet bejn l-Ungerija u l-UE-15 huma li huma minħabba li għadhom jistgħu jservu ta’ ostaklu għall-progress bla xkiel lejn il-konverġenza tal-prezzijiet. Bl-istess mod, id-differenza bejn id-dħul tal-ħaddiema tas-settur agrikolu u l-bdiewa fl-Ungerija u d-dħul tal-UE-15 naqset imma għadha teżisti. Barra minn hekk, skont dejta maħruġa mill-Eurostat, is-settur agrikolu tal-Ungerija ħa majnata minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika riċenti madwar id-dinja tant li d-dħul mis-settur agrikolu għal kull ħaddiem naqas bl-ogħla rata fl-Unjoni (madwar 30 % meta mqabbel mar-rata medja tal-Unjoni ta’ 12 %) fl-2009. Id-dħul baxx ħabat fl-istess żmien meta l-kundizzjonijiet tal-kreditu marru għall-agħar li huwa rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE-15, fir-rigward tar-rati nominali tal-imgħax u tal-volum ta’ kreditu disponibbli għall-bdiewa. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika xekklet iż-żieda fil-preżenza mistennija ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ġodda fl-Ungerija mill-UE-15 wara l-adeżjoni tal-Ungerija.

(5)

Għalkemm il-proċess ta’ restituzzjoni mexa ‘l quddiem matul il-perjodu tranżitorju, dan ltaqa’ ma’ diffikultajiet b’mod partikolari mill-2008 ‘l hawn, u b’hekk għadu ma tlestiex. L-istess xejra ġiet osservata fir-rigward tal-privatizzazzjoni ta’ art agrikola. In-nuqqas ta’ ċertezza tad-drittijiet tal-proprjetà kif ukoll il-faċilitajiet ta’ kreditu u assigurazzjoni li għadhom ma żviluppawx kif suppost għall-bdiewa jkompli jdgħajjef is-suq tal-artijiet agrikoli fl-Ungerija u għadu ta’ xkiel għat-tħaddim xieraq tiegħu.

(6)

F’dan il-kuntest, jista’ jiġi antiċipat, kif qed jagħmlu l-awtoritajiet Ungeriżi, li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fl-1 ta’ Mejju 2011 se tagħmel pressjoni fuq il-prezzijiet tal-art fl-Ungerija. Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-għadd kbir ta’ parteċipanti, l-istruttura frammentata żżejjed tas-sjieda tas-suq tal-art agrikola, li ma nbidlitx b’mod sinifikanti mill-adeżjoni ‘l hawn, u l-predominanza tal-kiri tal-artijiet, l-impatt x’aktarx se jinħass fis-settur kollu. Għalhekk, teżisti theddida ta’ disturbi serji fuq is-suq tal-art agrikola fl-Ungerija ladarba l-perjodu tranżitorju jiskadi.

(7)

Għalhekk il-perjodu tranżitorju msemmi fil-punt 2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness X għall-Att tal-Adeżjoni għandu jiġi estiż bi tliet snin.

(8)

Sabiex is-suq jitħejja bis-sħiħ għal-liberalizzazzjoni, hu importanti ħafna, saħansitra fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi avversi li nibqgħu nsaħħu t-titjib ta’ fatturi bħall-faċilitajiet ta’ kreditu u ta’ assigurazzjoni għall-bdiewa, u r-restituzzjoni u l-privatizzazzjoni tal-art agrikola matul il-perjodu tranżitorju, kif diġà ġie enfasizzat fl-Analiżi ta’ nofs it-terminu.

(9)

Iktar influss ta’ kapital barrani fis-suq tal-artijiet agrikoli jippreżenta wkoll benefiċċji potenzjali għal dan is-suq fl-Ungerija. Kif ġie enfasizzat fl-Analiżi ta’ nofs it-terminu, l-investiment barrani fis-settur agrikolu se jkollu wkoll effetti importanti fuq perjodu ta’ żmien twil fuq l-għoti tal-kapital u l-għarfien, dwar il-funzjonament tas-swieq tas-suq u dwar il-produttività agrikola. Ir-reħi progressiv tar-restrizzjonijiet dwar is-sjieda barranija matul il-perjodu tranżitorju se jikkontribwixxi wkoll għat-tħejjija tas-suq biex dan jiġi liberalizzat għal kollox.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist tal-art agrikola fl-Ungerija msemmi fil-punt 2 tal-Kapitolu 3 tal-Anness X għall-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandu jiġi estiż sat-30 ta’ April 2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  COM(2008) 461 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008.


Top