EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0623(01)

2010/1/: Deċiżjoni “Omnibus” Nru 1/2010 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni UE – San Marino tad- 29 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi diversi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino

OJ L 156, 23.6.2010, p. 13–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/1(4)/oj

23.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/13


DEĊIŻJONI“OMNIBUS” Nru 1/2010 TAL-KUMITAT TA’ KOOPERAZZJONI UE – SAN MARINO

tad-29 ta’ Marzu 2010

li tistabbilixxi diversi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino

IL-KUMITAT TA’ KOOPERAZZJONI UE-SAN MARINO,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(2), 8(3), 13(2) u 23(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002.

(2)

B’riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u l-Unjoni Doganali bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino (2) ma baqax japplika.

(3)

Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni UE-San Marino (“il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni”) huwa meħtieġ mill-Ftehim li jieħu numru ta’ deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni tajba tiegħu.

(4)

L-Artikolu 7(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jiddetermina f’aktar detall id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar it-tħaddim tal-unjoni doganali. Peress li jeżisti Kodiċi Doganali tal-Komunità, u li, bħalissa, l-approvazzjoni doganali ssir permezz tal-uffiċċji doganali tal-Unjoni, mhuwiex meħtieġ li tiġi stabbilita lista dettaljata tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

(5)

Ir-Repubblika ta’ San Marino hija parti għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES). L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam mir-Repubblika ta’ San Marino tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tal-unjoni doganali stabbilit mill-Ftehim.

(6)

Sabiex tkun konformi mal-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, ir-Repubblika ta’ San Marino għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tapplika fit-territorju tagħha leġislazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel u materji veterinarji u fitosanitarji, sakemm dan ikun meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tal-Ftehim. Għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni amministrativa sabiex tingħata għajnuna lill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino f’dan ir-rigward.

(7)

L-Anness II għall-Ftehim iniżżel il-lista tal-uffiċċji doganali li jistgħu jwettqu l-formalitajiet ta’ approvazzjoni doganali f’isem u għall-kont tar-Repubblika ta’ San Marino. Billi l-Italja u r-Repubblika ta’ San Marino qablu li jżidu n-numru ta’ uffiċċji, bil-ħsieb li jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku billi jiġu ffaċilitati l-iskambji kummerċjali bejn ir-Repubblika ta’ San Marino u pajjiżi terzi, din il-lista għandha tiġi aġġornata.

(8)

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni dwar il-kooperazzjoni doganali u adottati skont il-Ftehim Interim jibqgħu validi. Għalhekk huwa adatt li dawn jibqgħu fis-seħħ.

(9)

Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jiddeċiedi, skont l-Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim, dwar l-arranġamenti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-Repubblika ta’ San Marino d-dazji ta’ importazzjoni li jinġabru għall-kont tagħha. Huwa meħtieġ li l-perċentwali mnaqqas għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni jiġi allinjat mal-perċentwali previst fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE,Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (3),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni mniżżel fl-Anness I huma b’dan adottati.

Artikolu 2

1.   B’dan huwa stabbilit Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali, li għandu l-inkarigu, b’mod partikolari, li jiżgura l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dispożizzjonijiet doganali tal-Ftehim, u li jopera taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

2.   Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali għandu jkun magħmul minn esperti doganali mill-Unjoni u mir-Repubblika ta’ San Marino. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali għandu jiltaqa’ alternattivament taħt il-presidenza ta’ rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ rappreżentant tar-Repubblika ta’ San Marino. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali.

3.   Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali għandu jirrapporta regolarment lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni dwar il-ħidma tiegħu. Il-fluss ta’ informazzjoni għandu jseħħ permezz tas-segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali għandu jirreferi lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni kwalunkwe każijiet li jqajmu mistoqsija ta’ prinċipju dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim.

Artikolu 3

1.   Ir-Repubblika ta’ San Marino għandha tapplika l-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni hekk kif applikabbli fl-Unjoni, u b’mod partikolari l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (4) u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu. Ir-Repubblika ta’ San Marino għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi fil-periklu.

2.   Għall-applikazzjoni ta’ sistemi doganali partikolari, kif ukoll għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi fil-periklu, it-territorju doganali tal-Unjoni u t-territorju tar-Repubblika ta’ San Marino għandhom jitqiesu bħala territorju doganali wieħed.

Artikolu 4

L-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-ikel u materji veterinarji u fitosanitarji għandhom jiġu maqbula mid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino.

Artikolu 5

F’każijiet fejn dispożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi applikata mir-Repubblika ta’ San Marino skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, fl-oqsma doganali, ta’ politika kummerċjali komuni, ta’ sorveljanza tas-suq, tas-saħħa, ta’ sikurezza u protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi fil-periklu, ta’ agrikoltura, jew ta’ materji ta’ sikurezza tal-ikel jew materji veterinarji jew fitosanitarji, tipprovdi li, biex jiġu solvuti ċerti kwistjonijiet, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea, din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino wara l-qbil mill-Kummissjoni Ewropea. Fejn tali dispożizzjoni tal-Unjoni tipprovdi li għandha tittieħed deċiżjoni jew li ssir komunikazzjoni minn Stat Membru, tali deċiżjoni għandha tittieħed jew tali komunikazzjoni għandha ssir mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino. Dawk l-awtoritajiet għandhom jikkunsidraw l-opinjonijiet tal-kumitati xjentifiċi tal-Unjoni u jużaw bħala l-bażi għad-deċiżjonijiet tagħhom il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prassi segwita mill-Kummissjoni Ewropea.

Artikolu 6

1.   Il-lista tal-uffiċċji doganali tal-Unjoni awtorizzati biex iwettqu approvazzjoni doganali ta’ merkanzija destinata għar-Repubblika ta’ San Marino annessa għall-Ftehim għandha tiġi sostitwita bil-lista mniżżla fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-operazzjonijiet ta’ approvazzjoni doganali fir-rigward tal-esportazzjoni jistgħu jitwettqu fl-uffiċċji doganali Taljani kollha ħlief għall-formalitajiet:

(a)

li jitwettqu fi proċeduri doganali b’impatt ekonomiku;

(b)

li jikkonċernaw l-esportazzjoni ta’ armi, xogħlijiet tal-arti, prekursuri u prodotti b’użu doppju;

li għandhom jitwettqu fl-uffiċċji u s-subuffiċċji elenkati fl-Anness II.

Artikolu 7

Il-proċeduri tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-Teżor ta’ San Marino tad-dazji tal-importazzjoni miġbura mill-Unjoni f’isem ir-Repubblika ta’ San Marino huma stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 8

1.   Id-Deċiżjoni Nru 3/92 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni KEE-San Marino tat-22 ta’ Diċembru 1992 dwar l-arranġamenti għall-provvediment ta’ għajnuna reċiproka skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim bejn il-Komunità u San Marino (5) għandha tibqa’ fis-seħħ u għandha tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-Artikolu 23(8) tal-Ftehim.

2.   Id-Deċiżjoni Nru 4/92 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni KEE-San Marino tat-22 ta’ Diċembru 1992 dwar ċerti metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-implimentazzjoni ta’ Ftehim Intermin u l-proċedura għall-ispedizzjoni ta’ merkanzija lejn ir-Repubblika ta’ San Marino (6), kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2002 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni KE-San Marino (7), għandha tibqa’ fis-seħħ. Hija għandha tikkostitwixxi l-implimentazzjoni tal-Artikoli 8(3)(a) u (c) u l-Artikolu 23(8) tal-Ftehim u għandha tapplika mutatis mutandis għall-użu tat-tekniki ta’ pproċessar ta’ data elettronika fil-proċedura ta’ transitu tal-Unjoni.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kumitat ta’ Kooperazzjoni

Il-President

Gianluca GRIPPA


(1)  ĠU L 84, 28.3.2002, p. 43.

(2)  ĠU L 359, 9.12.1992, p. 14.

(3)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li ġie emendat diversi drabi. Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat), bil-mod previst fl-Artikolu 188 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008.

(5)  ĠU L 42, 19.2.1993, p. 29.

(6)  ĠU L 42, 19.2.1993, p. 34.

(7)  ĠU L 99, 16.4.2002, p. 23.


ANNESS I

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA’ KOOPERAZZJONI UE-SAN MARINO

Artikolu 1

Il-Presidenza tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha ssir fuq rotazzjoni għal perijodu ta’ sitt xhur kif ġej:

(a)

mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea;

(b)

mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru minn rappreżentant tar-Repubblika ta’ San Marino.

Artikolu 2

Il-President tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi, b’segwitu għall-ftehim taż-żewġ delegazzjonijiet, id-data u l-post tal-laqgħat. Dawn għandhom isiru fuq rotazzjoni fi Brussell u fir-Repubblika ta’ San Marino.

Artikolu 3

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni prevista ta’ kull delegazzjoni.

Artikolu 4

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tintbagħat liż-żewġ delegazzjonijiet mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi punti li dwarhom tkun intbagħtet dokumentazzjoni liż-żewġ delegazzjonijiet mhux aktar tard mid-data meta tintbagħat l-aġenda proviżorja.

3.   Il-President jista’, bil-qbil taż-żewġ delegazzjonijiet, inaqqas l-iskadenzi previsti fil-paragrafi 1 u 2 biex jiġu kkunsidrati ċirkostanzi partikolari.

4.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. L-inklużjoni fl-aġenda ta’ kwalunkwe punt minbarra dawk li jkun hemm fl-aġenda proviżorja għandha ssir bil-qbil tal-Unjoni u r-Repubblika ta’ San Marino.

Artikolu 5

1.   Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni m’għandhomx ikunu pubbliċi.

2.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli, id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu koperti bl-obbligu tas-sigriet professjonali, sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 6

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni jistgħu jsiru bi proċedura bil-miktub jekk l-Unjoni u r-Repubblika ta’ San Marino jaqblu dwar dan.

Artikolu 7

L-atti li jiġu adottati mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President.

Artikolu 8

1.   Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni taħt l-Artikolu 23 tal-Ftehim għandhom jiġu intitolati “Rakkomandazzjoni” jew “Deċiżjoni” segwit minn numru tas-serje u referenza għas-suġġett tagħhom.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom jintbagħtu lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 9

1.   Għandu jiġu stabbilit bi qbil komuni rekord tal-konklużjonijiet adottati mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

2.   Is-servizzi tas-segretarjat għandhom jiġu pprovduti b’mod konġunt minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea u minn rappreżentant tar-Repubblika ta’ San Marino.

Artikolu 10

Il-komunikazzjonijiet kollha tal-President previsti f’dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Repubblika ta’ San Marino.

Artikolu 11

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħallsu għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, kemm fir-rigward ta’ spejjeż ta’ persunal, ivvjaġġar u għall-għixien ta’ kuljum kif ukoll ta’ spejjeż ta’ posta u telekomunikazzjoni.

2.   L-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni prattika tal-laqgħat (post, rekwiżiti, eċċ.) għandhom jitħallsu mill-Unjoni jew mir-Repubblika ta’ San Marino skont il-post fejn issir il-laqgħa.

Artikolu 12

Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Il-korrispondenza intiża għall-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandha tkun indirizzata lill-President tiegħu fis-Segretarjat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, bl-użu tal-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea.


ANNESS II

Lista ta’ uffiċċji doganali tal-Unjoni awtorizzati biex iwettqu approvazzjoni doganali ta’ merkanzija ddestinata għar-Repubblika ta’ San Marino

ANCONA Ufficio delle Dogane di Ancona; Sezione Operativa Territoriale di Falconara Aeroporto.

BOLOGNA Ufficio delle Dogane di Bologna, Sezione Operativa Territoriale Aeroporto “G. Marconi”.

FORLÌ Ufficio delle Dogane di Forlì-Cesena; Sezione Operativa Territoriale Aeroporto “Ridolfi”.

GENOVA Ufficio delle Dogane di Genova; Sezione Operativa Territoriale Passo Nuovo; Sezione Operativa Territoriale Voltri; Sezione Operativa Territoriale Aeroporto.

GIOIA TAURO Ufficio delle Dogane di Gioia Tauro.

LA SPEZIA Ufficio delle Dogane di La Spezia.

LIVORNO Ufficio delle Dogane di Livorno.

MILANO Ufficio delle Dogane di Varese, Sezione Operativa Territoriale di Malpensa.

ORIO AL SERIO Ufficio delle Dogane di Bergamo, Sezione Operativa Territoriale di Orio al Serio.

RAVENNA Ufficio delle Dogane di Ravenna; Sezione Operativa Territoriale di San Vitale.

RIMINI Ufficio delle Dogane di Rimini; Sezione Operativa Territoriale di Aeroporto “F. Fellini”.

ROMA Ufficio delle Dogane di Roma II; Sezione Operativa Territoriale di Fiumicino.

TARANTO Ufficio delle Dogane di Taranto.

TRIESTE Ufficio delle Dogane di Trieste; Sezione Operativa Territoriale di Porto industriale; Sezione Operativa Territoriale di Punto Franco Vecchio; Sezione Operativa Territoriale di Punto Franco Nuovo.

VENEZIA Ufficio delle Dogane di Venezia; Sezione Operativa Territoriale di Interporto; Sezione Operativa Territoriale di Portogruaro.


ANNESS III

Proċeduri għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-Teżor ta’ San Marino tad-dazji ta’ importazzjoni miġbura mill-Unjoni f’isem ir-Repubblika ta’ San Marino

Artikolu 1

Fir-rigward tal-istabbiliment, il-monitoraġġ u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dazji ta’ importazzjoni miġbura fuq il-merkanzija ddestinata għar-Repubblika ta’ San Marino, l-Artikolu 3, l-Artikolu 6(1), (3)(a) u (b) u l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (1) għandhom japplikaw mutatis mutandis. B’mod partikolari, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri tal-Unjoni b’uffiċċji doganali elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni għandhom iżommu kontijiet separati għad-dazji ta’ importazzjoni miġbura fuq merkanzija ddestinata għar-Repubblika ta’ San Marino, identiċi għal dawk previsti fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni fl-Artikolu 6(1) u (3)(a) u (b) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000;

(b)

id-dazji ta’ importazzjoni li jirrelataw mad-dokumenti T2 SM jew T2L SM għandhom jiġu stabbiliti mill-uffiċċji doganali msemmija fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni fil-mument li jiddaħħlu fil-kontijiet u għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet imsemmija fil-punt (a).

Fejn l-uffiċċju doganali tat-tluq tal-proċedura tat-transitu T2 SM jew tal-ħruġ tad-dokument T2L SM ma jkunx irċieva l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi pprovat li l-merkanzija tkun waslet fir-Repubblika ta’ San Marino lill-uffiċċju doganali tat-tluq jew tal-ħruġ, fi żmien tliet xhur, għandha ssir korrezzjoni għall-annotazzjoni inizjali fil-kontijiet.

F’dan il-każ, id-dazji ta’ importazzjoni għandom jiġu stabbiliti bħala riżorsi proprji tal-Unjoni u jerġgħu jiddaħħlu fil-kontijiet skont l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 jew, kif adatt, fil-kontijiet separati skont l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dak ir-Regolament.

Il-proċedura msemmija hawn fuq għandha tapplika mutatis mutandis għall-prodotti li jikkumpensaw jew għall-merkanzija fl-istat naturali tagħha mibjugħa fit-territorju tar-Repubblika ta’ San Marino taħt arranġamenti ta’ pproċessar ‘il ġewwa (inward processing) jew għall-merkanzija taħt arranġamenti ta’ importazzjoni temporanji li għalihom ikun irriżulta dejn doganali;

(c)

l-Istati Membri kkonċernati għandhom, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea rekords tal-kontijiet tagħhom flimkien ma’ dawk li jirrigwardaw ir-riżorsi proprji. Ir-rekords, stabbiliti bl-istess mod bħalma jkunu għar-riżorsi proprji, għandhom jindikaw ukoll l-ammont totali tad-dazji ta’ importazzjoni miġbura minn kull uffiċċju doganali;

(d)

id-dokumenti ġustifikattivi għandhom jinżammu skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000. Dawn id-dokumenti u d-dokumenti relatati mar-riżorsi proprji għandhom jiġu ffajljati separatament;

(e)

il-korrezzjonijiet għad-drittijiet stabbiliti jew għall-kontijiet li jsiru wara l-31 ta’ Diċembru tat-tielet sena wara s-sena tal-istabbiliment inizjali m’għandhomx jiddaħħlu fil-kontijiet, ħlief għall-punti nnotifikati wara din id-data mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru jew mir-Repubblika ta’ San Marino;

(f)

l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 għandu japplika. Il-miżuri ta’ spezzjoni inkwistjoni għandhom japplikaw ukoll għad-dokumenti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) li juru li l-merkanzija tkun waslet fir-Repubblika ta’ San Marino. L-uffiċjali awtorizzati mir-Repubblika ta’ San Marino jistgħu jipparteċipaw f’dawn il-miżuri ta’ spezzjoni;

(g)

l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jikkreditaw il-kont tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, fl-iskadenzi indikati fl-Artikolu 10(1) ta’ dak ir-Regolament u wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir, id-drittijiet imdaħħla fil-kontijiet previsti fl-Artikolu 6(3)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament.

Il-perċentwali li l-Unjoni tista’ tnaqqas, bħala spejjeż ta’ ġbir, mid-dazji tal-importazzjoni li jinġabru mill-Unjoni f’isem ir-Repubblika ta’ San Marino huwa stabbilit għal 25 %;

(h)

l-Istati Membri inkwistjoni għandhom jinħelsu mill-obbligu li jagħmlu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji rreġistrati għar-Repubblika ta’ San Marino ladarba biss li jkunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni Ewropea għandha titrasferixxi l-ammonti kkreditati f’kont miftuħ mir-Repubblika ta’ San Marino fi żmien tletin jum min-notifika mill-Istati Membri li ammont ikun ġie kkreditat. Ir-Repubblika ta’ San Marino għandha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-dettalji tal-kont li għandu jiġi kkreditat u għandha tħallas għall-ispejjeż tal-kont.

Artikolu 3

Fl-implimentazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1, għandu japplika l-Appendiċi.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).

Appendiċi

Proċedura amministrativa applikabbli fl-implimentazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1

1.   Kompletar tal-formalitajiet fl-uffiċċji doganali awtorizzati biex il-merkanzija tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa

Meta l-merkanzija ddestinata għar-Repubblika ta’ San Marino tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, din tkun koperta bi proċedura ta’ transitu T2 SM jew b’dokument T2L SM kif adatt. Id-dazji ta’ importazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fl-iskadenzi stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti.

Għall-finijiet ta’ kontroll, id-dazji mdaħħla fil-kontijiet għandhom jitniżżlu wkoll f’reġistru, li jinżamm speċifikament għal dan l-iskop mill-uffiċċju doganali kkonċernat, li jkun fih id-dettalji tal-importazzjonijiet kollha ddestinati għar-Repubblika ta’ San Marino, inkluża r-referenza għall-merkanzija importata, id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni, l-elementi ta’ tassazzjoni, l-ammont ta’ dazju involut u n-numru ta’ referenza tal-moviment jew id-dokument maħruġ (T2 SM jew T2L SM).

L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino, bl-użu tal-messaġġ ta’ “avviż tal-wasla”, għandhom jinnotifikaw lill-uffiċċju tat-tluq bil-wasla tal-merkanzija fil-jum li din tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u għandhom jibagħtu l-messaġġ ta’ “riżultati tal-kontroll” lill-uffiċċju tat-tluq sa mhux aktar tard mit-tielet jum wara l-jum li fih il-merkanzija tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni.

Fejn jintuża dokument T2 SM jintuża fil-proċedura ta’ alternattiva għat-transitu (transit fallback procedure), jew dokument T2L SM, l-uffiċċju doganali għandu jindika fuq dawn id-dokumenti l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data tal-ħruġ tad-dokumenti msemmija għar-ritorn tal-kopja Nru 5 tad-dokument T2 SM jew il-kopja tad-dokument T2L SM, ittimbrata kif dovut mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino, lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ.

2.   Kompletar tal-formalitajiet ta’ kontijiet fl-uffiċċji doganali awtorizzati

Id-dazji ta’ importazzjoni għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet “San Marino” (proċedura ekwivalenti għal dik iddettaljata fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000) skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu.

Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri bl-uffiċċji doganali elenkati fl-Anness II jistgħu jiddeċiedu li ma jdaħħlux annotazzjoni fil-kontijiet “San Marino” jekk id-dazji stabbiliti li għalihom tkun ġiet ipprovduta s-sigurtà jkunu ġew sfidati u jistgħu jkunu soġġetti għal tibdil wara r-riżoluzzjoni tat-tilwim li jkun tqajjem. F’din l-eventwalità, u sakemm jiġu konklużi l-proċeduri nazzjonali amministrattivi u/jew ġudizzjarji riżultanti tal-awtoritajiet kompetenti, l-ammont ta’ dazji ta’ importazzjoni għandu jiddaħħal f’kontijiet “San Marino” separati (proċedura analoga għal dik iddettaljata fl-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000).

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, dawn li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala “awtoritajiet kompetenti”:

għal kull kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli għal materji doganali, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru li jkunu wettqu l-approvazzjoni doganali jew, fejn meħtieġ, dawk tal-Unjoni;

għal kull kwistjoni relatata mad-dispożizzjonijiet ta’ proċedura (notifiki, skadenzi, eċċ.), l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru li jkunu wettqu l-approvazzjoni doganali;

għal kull kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ miżura implimentattiva li tikkonċerna l-irkupru sfurzat tad-djun fit-territorju tar-Repubblika ta’ San Marino, l-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Repubblika ta’ San Marino.

3.   Kwittanza tal-proċedura ta’ transitu u ritorn tad-dokumenti ġustifikattivi

L-operazzjoni ta’ transitu tista’ tinħarġilha kwittanza meta l-uffiċċju doganali tat-tluq tal-merkanzija jkun irċieva l-messaġġi adatti ta’ “avviż tal-wasla” u “riżultati tal-kontroll” fl-iskadenzi previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

Meta tiġi użata l-proċedura ta’ alternattiva għat-transitu jew inħareġ dokument T2L SM, il-kopja Nru 5 tad-dokument T2 SM jew il-kopja tad-dokument T2L SM, ittimbrati kif dovut mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ San Marino, jiġu rritornati lill-uffiċċju doganali tal-ħruġ fl-iskadenza ta’ tliet xhur imsemmija fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1.

Fejn il-messaġġi msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jiġux ippreżentati jew fejn il-kopja Nru 5 tad-dokument T2 SM jew il-kopja tad-dokument T2L SM ma tiġix ritornata lill-uffiċċju tat-tluq fl-iskadenza stipulata, għandha tiddaħħal annotazzjoni fir-reġistru msemmi hawn fuq u ssir korrezzjoni fl-annotazzjoni inizjali fil-kontijiet. F’dan il-każ, id-dazji tal-importazzjoni għandhom jiġu stabbiliti bħala riżorsi proprji tal-Unjoni u jiddaħħlu fil-kontijiet iddettaljati fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 jew, fejn xieraq, fil-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) ta’ dak ir-Regolament.

Din l-annotazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe korrezzjoni li tista’ tkun meħtieġa fid-dawl tal-investigazzjoni mmexxija fil-kuntest tal-arranġamenti ta’ transitu tal-Unjoni jew bħala riżultat tal-azzjoni li tittieħed fil-kuntest ta’ għajnuna reċiproka kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 3/92 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni KEE-San Marino.

4.   Applikazzjoni tal-proċedura speċifika fil-kuntest ta’ pproċessar ‘il ġewwa u arranġamenti ta’ importazzjoni temporanja

Il-proċedura msemmija hawn fuq għandha tapplika mutatis mutandis għall-prodotti li jikkumpensaw jew għall-merkanzija fl-istat naturali tagħha mibjugħa ġewwa t-territorju tar-Repubblika ta’ San Marino skont l-arranġamenti ta’ pproċessar ‘il ġewwa jew għall-merkanzija li taqa’ taħt l-arranġamenti ta’ importazzjoni temporanja li għaliha jkun irriżulta dejn doganali.


Top