EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0430

2010/430/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/430/PESK tas- 26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

OJ L 202, 4.8.2010, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/430/oj

4.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/430/PESK

tas-26 ta’ Lulju 2010

li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (minn issa “l-Istrateġija tal-UE dwar l-AQM”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jridu jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta l-Istrateġija tal-UE dwar l-AQM b’mod attiv u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, bħall-iżvilupp tal-istrutturi meħtieġa fl-Unjoni.

(3)

Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tiegħu u dokument “Linji ta’ azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom” (minn issa “Linji ta’ Azzjoni Ġodda”) li jiddikjara li l-proliferazzjoni tal-AQM tkompli tikkostitwixxi waħda mill-akbar sfidi għas-sigurtà u li l-politika tan-nonproliferazzjoni tikkostitwixxi parti essenzjali mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.

(4)

Fil- Linji ta’ Azzjoni Ġodda, il-Kunsill jappella lill-formazzjonijiet u lill-korpi kompetenti tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, lil istituzzjonijiet oħra u lill-Istati Membri, biex jagħtu segwitu konkret lil dak id-dokument bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tiegħu sa tmiem l-2010.

(5)

Fil-Linji ta’ Azzjoni Ġodda, il-Kunsill jenfasizza li l-azzjoni tal-Unjoni biex tiġi evitata l-proliferazzjoni tista’ tibbenefika mill-appoġġ ipprovdut minn netwerk għan-nonproliferazzjoni mhux governattiv, li jlaqqa’ flimkien lill-istituzzjonijiet ta’ politika estera u ċ-ċentri ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fl-oqsma strateġiċi tal-Unjoni waqt li jibni fuq netwerks utli li diġà jeżistu. Tali netwerk jista’ jiġi estiż għal istituzzjonijiet f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni qed twettaq djalogi speċifiċi b’rabta man-nonproliferazzjoni.

(6)

Fil-15-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom (minn issa “l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) li tistabbilixxi linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tqis li l-akkumulazzjoni u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom jippreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

(7)

L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tidentifika fost l-objettivi tagħha l-ħtieġa li jitrawwem multilateraliżmu effettiv biex jissawru mekkaniżmi, sew jekk internazzjonali, reġjonali jew fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-ġlieda kontra l-provvista u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta’ kontribut għall-implimentazzjoni mtejba tal-Istrateġija tal-UE dwar l-AQM, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ multilateriżmu effettiv, prevenzjoni u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, netwerk Ewropew ta’ “gruppi ta’ riflessjoni” indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni huwa b’dan stabbilit sabiex jiġu segwiti l-objettivi li ġejjin:

(a)

l-inkoraġġiment ta’ djalogu politiku u dak relatat mas-sigurtà u d-diskussjoni fuq perijodu fit-tul dwar miżuri li jiġġieldu l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom fis-soċjetajiet ċivili, u b’mod aktar partikolari fost l-esperti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi;

(b)

il-provvediment għal dawk li jipparteċipaw fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill bl-opportunità li jikkonsultaw in-netwerk dwar kwistjonijiet relatati man-nonproliferazzjoni u biex jippermettu lir-rappreżentanti tal-Istati Membri jipparteċipaw fil-laqgħat tan-netwerk ippresedut mir-rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ);

(c)

il-kostituzzjoni ta’ pass ’il quddiem siewi fl-azzjoni ta’ nonproliferazzjoni mill-Unjoni u l-komunità internazzjonali, b’mod partikolari bil-provvediment ta’ rapport/u/jew rakkomandazzjonijiet lir-rappreżentant tar-RGħ.

(d)

il-kontribut għal aktar sensibilizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar l-isfidi tal-proliferazzjoni u tal-ħtieġa li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-Unjoni u fil-kuntest ta’ fora multilaterali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġu evitati, skoraġġuti, imwaqqfa u fejn possibbli eliminati programmi ta’ proliferazzjoni li jikkonċernaw id-dinja kollha.

2.   Fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tan-netwerk Ewropew propost ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni m’għandux ikun limitat għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mat-theddid ippreżentat mill-proliferazzjoni tal-AQM, iżda għandu jkopri wkoll kwistjonijiet relatati ma’ armi konvenzjonali inklużi s-SALW. L-inklużjoni ta’ kwistjonijiet dwar armi konvenzjonali fil-qasam tal-attività tan-netwerk ser joffri għodda eċċezzjonali għad-djalogu u rakkomandazzjoni għal azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW u l-politika tal-Unjoni dwar l-armi konvenzjonali.

3.   F’dan il-kuntest, il-proġetti li jridu jiġu appoġġati mill-Unjoni għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

provvediment ta’ mezzi għall-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ tnedija u konferenza annwali bil-ħsieb tal-preżentazzjoni ta’ rapport/u/jew rakkomdandazzjoni lir-rappreżentant tar-RGħ;

(b)

provvediment ta’ mezzi finanzjarji u tekniċi għall-ħolqien ta’ pjattaforma fuq l-Internet biex jiġu ffaċilitati l-kuntatti u jitrawwem djalogu ta’ riċerka fost in-netwerk tal-gruppi ta’ riflessjoni waqt li jiġu analizzati kwistjonijiet dwar l-AQM u dawk relatati mal-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir- RGħ għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill- Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni ibbażat fuq la Fondation pour la Recherche Stratégique (FRS), the Peace Research Institute Frankfurt (HSFK/PRIF), the International Institute for Strategic Studies (IISS) u the Stockholm International Peace Research Institute (SIPRI). Il-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal din il-fini, ir-RGħ għandu jidħol għall-arranġamenti meħtieġa mal-konsorzju.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3) għandu jkun ta’ 2 182 000 EUR.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont imniżżel fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal din il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni. Il-ftehim għandu jistipula li l-konsorzju għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).

Madankollu, hija għandha tiskadi 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta’ finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


ANNESS

IN-NETWERK EWROPEW TA’ GRUPPI TA’ RIFLESSJONI INDIPENDENTI GĦAN-NONPROLIFERAZZJONI B’APPOĠĠ GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE KONTRA L-PROLIFERAZZJONI TAL-ARMI TA’ QERDA MASSIVA (STRATEĠIJA TAL-UE DWAR L-AQM)

1.   Objettivi

L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni ta’ politika, stabbilita mill-Kunsill fit-8 ta’ Diċembru 2008 fid-dokument “Linji ta’ azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom”. Skont dan id-dokument, l-azzjoni tal-Unjoni biex tiġġieled il-proliferazzjoni tista’ tibbenefika mill-appoġġ ipprovdut min-netwerk għan-nonproliferazzjoni li mhux governattiv, li jlaqqa’ flimkien lill-istituzzjonijiet ta’ politika estera u ċ-ċentri ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fl-oqsma strateġiċi tal-Unjoni waqt li jibni fuq netwerks utli li diġà jeżistu. Tali netwerk jista’ jiġi estiż għal istituzzjonijiet f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni qed twettaq djalogi speċifiċi b’rabta man-nonproliferazzjoni.

Dan in-netwerk ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni jkun jimmira li jinkoraġixxi d-djalogu politiku u d-djalogu relatat mas-sigurtà u d-diskussjoni fuq perijodu fit-tul dwar miżuri li jistgħu jittieħdu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (AQM) u s-sistemi tal-kunsinna tagħhom fis-soċjetajiet ċivili, u b’mod aktar partikolari fost l-esperti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi. Huwa ser jikkostitwixxi pass ’il quddiem siewi fl-azzjoni għan-nonproliferazzjoni mill-Unjoni u mill-komunità internazzjonali.

Il-ħidma tan-netwerk għandha tiġi estiża għal kwistjonijiet relatati mal-armi konvenzjonali, inklużi armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW), inklużi miżuri li jiżguraw l-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom (l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW). In-netwerk ser jgħin biex jiġu żviluppati aspetti ġodda tal-azzjoni tal-Unjoni li jkopru kemm id-dimensjonijiet preventivi kif ukoll dawk reattivi tal-kwistjonijiet ta’ sigurtà relatati ma’ armi konvenzjonali, inkluż il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, kif previst mill-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW. Il-prevenzjoni tal-kummerċ illegali u mhux regolat ta’ armi konvenzjonali, inklużi s-SALW, ġiet ukoll rikonoxxuta bħala prijorità tal-Unjoni fil-qafas tal-proċess tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi.

In-netwerk jista’ jikkontribwixxi għal aktar sensibilizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar l-isfidi tal-proliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, inkluż il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, u dwar il-ħtieġa li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-Unjoni u fil-kuntest ta’ fora multilaterali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġu evitati, skoraġġuti, imwaqqfa u fejn possibbli eliminati programmi ta’ proliferazzjoni li jikkonċernaw id-dinja kollha u l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-SALW u l-munizzjon tagħhom.

L-Unjoni tixtieq tappoġġa dan in-netwerk kif ġej:

permezz tal-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ tnedija u konferenza annwali bil-ħsieb tal-preżentazzjoni ta’ rapport u/jew rakkomandazzjonijiet lir-rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

permezz tal-ħolqien ta’ pjattaforma fuq l-Internet li tiffaċilita l-kuntatti u trawwem djalogu ta’ riċerka fost in-netwerk tal-gruppi ta’ riflessjoni dwar in-nonproliferazzjoni.

2.   Organizzazzjoni tan-netwerk

In-netwerk ser ikun miftuħ għall-istituti ta’ riċerka u l-gruppi ta’ riflessjoni rilevanti kollha mill-Unjoni u jkun jirrispetta b’mod sħiħ id-diversità tal-opinjoni fl-Unjoni.

In-netwerk ser jiffaċilita l-kuntatti bejn esperti nongovernattivi, rappreżentanti tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. In-netwerk ser ikun lest li jimpenja ruħu ma’ atturi nongovernattivi minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Istrateġiji tal-UE dwar l-AQM u s-SALW, li huma bbażati fuq il-kunċetti ta’ multilateriżmu u kooperazzjoni internazzjonali. Il-mandat tan-netwerk ser ikopri n-nonproliferazzjoni tal-AQM, is-sistemi tal-kunsinna tagħhom, u kwistjonijiet relatati ma’ armi konvenzjonali, inklużi s-SALW.

In-netwerk ser ikun ippresedut mir-rappreżentant tar-RGħ, f’konformità mal-linji gwida definiti fil-qafas taċ-Ċentru għall-Monitoraġġ tal-AQM fir-rigward tal-miżuri ta’ nonproliferazzjoni. Il-parteċipanti fil-korpi preparatorji relevanti tal-Kunsill (CODUN/CONOP/COARM eċċ) ser ikunu jistgħu jikkonsultaw in-netwerk dwar kwistjonijiet relatati man-nonproliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW, u r-rappreżentanti tagħhom ser ikunu jistgħu jattendu l-laqgħat tan-netwerk. Dawn il-laqgħat jistgħu jkunu organizzati waħda wara l-oħra mal-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma, jekk dan ikun fattibbli.

Il-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni ibbażat fuq FRS, HSFK/PRIF, IISS u SIPRI ser jiġi fdat bil-ġestjoni tal-proġett, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentant tar-RGħ.

Il-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, f’konsultazzjoni mar-rappreżentant tar-RGħ u l-Istati Membri, ser jistieden parteċipanti, speċjalizzati fi kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, għal-laqgħa ta’ tnedija u konferenza annwali. Il-parteċipanti iridu juru l-għarfien tekniku tagħhom permezz ta’ serje ta’ pubblikazzjonijiet jew attivitajiet ta’ riċerka oħra fil-qasam tal-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni tal-AQM u l-armi konvenzjonali.

3.   Deskrizzjoni tal-proġetti

3.1.   Proġett 1: Organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ tnedija u konferenza annwali b’rapport u/jew rakkomandazzjonijiet

3.1.1.   Għan tal-proġett

L-għan tal-laqgħa ta’ tnedija huwa li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni li huma bbażati fl-Unjoni. Il-laqgħa ta’ tnedija, ppreseduta mir-rappreżentant tar-RGħ, ser torganizza l-attivitajiet tan-netwerk u tħejji konferenza annwali bil-ħsieb tal-preżentazzjoni ta’ rapport u/jew rakkomandazzjonijiet lir-rappreżentant tar-RGħ.

Il-konferenza annwali dwar in-nonproliferazzjoni tat-tip Carnegie, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti governattivi u gruppi ta’ riflessjoni indipendenti mill-Unjoni u pajjiżi terzi, jiddiskutu u jidentifikaw miżuri ulterjuri fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u l-indirizzar tal-isfidi marbuta mal-armi konvenzjonali, inkluża l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Il-konferenza annwali tista’ tkun imqassma fi blokki tematiċi u sessjoni plenarja ta’ konklużjoni, ppreseduta mir-rappreżentant tar-RGħ.

Abbażi tal-konferenza annwali, ser jiġi prodott rapport orjentat lejn il-politika flimkien ma’ sett ta’ rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni għar-rappreżentant tar-RGħ. Ir-rapport ikun disseminat fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni rilevanti u l-Istati Membri u jkun disponibbli online.

3.1.2.   Riżultati tal-proġett

stabbiliment ta’ modus operandi għan-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni;

stabbiliment ta’ konferenza prinċipali Ewropea dwar in-nonproliferazzjoni li ssir il-post ewlieni għall-promozzjoni ta’ diskussjoni strateġika dwar miżuri fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u biex tindirizza l-isfidi relatati mal-armi konvenzjonali, inkluża l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom;

preżentazzjoni ta’ rapport orjentat lejn il-politika u/jew rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni li jtejbu l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE dwar l-AQM u s-SALW u jiffurmaw pass ’il quddiem utli għan-nonproliferazzjoni u l-azzjoni relatata mal-armi konvenzjonali mill-Unjoni u l-komunità internazzjonali;

żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi dwar it-theddid relatat mal-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, li jippermettulhom jantiċipaw aħjar.

3.1.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ żewġ laqgħat ta’ tnedija, żewġ laqgħat annwali u t-tħejjija ta’ żewġ rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet:

laqgħa ta’ tnedija bil-parteċipazzjoni ta’ mhux aktar minn 50 grupp ta’ riflessjoni indipendenti mill-Unjoni, speċjalizzati fin-nonproliferazzjoni u l-kwistjonijiet tal-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW;

konferenza annwali bil-parteċipazzjoni ta’ esperi governattivi u mhux aktar minn 200 grupp ta’ riflessjoni indipendenti mill-Unjoni u pajjiżi terzi, speċjalizzati fin-nonproliferazzjoni u l-kwistjonijiet tal-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW;

rapport orjentat lejn il-politika u/jew rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni li jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE dwar l-AQM u s-SALW.

3.2.   Proġett 2: Ħolqien ta’ pjattaforma fuq l-Internet

3.2.1.   Għan tal-proġett

L-istabbiliment ta’ sit elettroniku fuq l-Internet jiffaċilita l-kuntatti intersessjonali bejn il-laqgħat tan-netwerk u jrawwem djalogu ta’ riċerka fost il-gruppi ta’ riflessjoni dwar in-nonproliferazzjoni. L-Istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn sit elettroniku ddedikat fejn il-parteċipanti tan-netwerk ikunu liberi jiskambjaw l-informazzjoni, jikkondividu l-ideat tagħhom u jippubblikaw l-istudji tagħhom dwar in-nonproliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tal-provvista tagħhom u l-kwistjonijiet dwar l-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW. Is-sit elettroniku jista’ jkun akkumpanjat minn ittra elettronika.

Il-proġett ser jipprovdi segwitu online għall-avvenimenti u tieqa għar-riċerka Ewropea. Huwa ser jikkontribwixxi għal disseminazzjoni effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka fost il-komunità ta’ gruppi ta’ riflessjoni u ċ-ċrieki governattivi. Dan ser iwassal għal antiċipazzjoni aħjar u għarfien tat-theddid marbut mal-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, u l-armi konvenzjonali, inkluż il-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom.

3.2.2.   Riżultati tal-proġett

stabbiliment ta’ pjattaforma fejn il-gruppi ta’ riflessjoni dwar in-nonproliferazzjoni jistgħu jikkondividu l-fehmiet u l-analiżi dwar il-proliferazzjoni tal-AQM u l-kwistjonijiet tal-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW;

promozzjoni ta’ ftehim aħjar tal-Istrateġiji tal-UE dwar l-AQM u s-SALW fis-soċjetà ċivili u jservi bħala interfaċċja bejn l-Unjoni u n-netwerk tal-gruppi ta’ riflessjoni;

permess sabiex jitniżżlu mill-Internet bla ħlas dokumenti mil-laqgħat tan-netwerk u mill-gruppi ta’ riflessjoni indipendenti li jkunu jixtiequ jikkondividu r-riżultati tar-riċerka tagħhom mingħajr kumpens finanzjarju;

żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi dwar it-theddid relatat mal-armi konvenzjonali, l-AQM u l-mezzi tal-kunsinna tagħhom, li jippermettulhom jantiċipaw aħjar.

3.2.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

L-użu tat-teknoloġija tat-tip ta’ servizz ta’ netwerk soċjali, meta fattibbli u adatta, jista’ tiġi esplorat sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż u jkunu possibbli l-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzoni online bejn il-parteċipanti tan-netwerk f’ambjent familjari. Il-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, iddelegat bil-proġett ikun responsabbli għall-web-hosting, web-design u l-manutenzjoni teknika tas-sit elettroniku. Il-konsorzju jista’ jipprovdi taħriġ bażiku lir-rappreżentant tar-RGħ u l-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill dwar is-sit elettroniku.

4.   Tul ta’ żmien

It-tul ta’ żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti hu ta’ 36 xahar.

5.   Benefiċjarji

5.1.   Benefiċjarji diretti

Il-proliferazzjoni tal-AQM kemm mill-istati kif ukoll mit-terroristi ġiet identifikata fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u fl-Istrateġija tal-UE dwar l-AQM potenzjalment bħala l-akbar theddida għas-sigurtà tal-Unjoni. B’mod simili l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW irrikonoxxiet li l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom jippreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-proġetti suġġeriti jissodisfaw l-għanijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi strateġiċi stabbiliti fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà.

5.2.   Benefiċjarji indiretti

Il-benefiċjarji indiretti tal-proġetti huma:

(a)

gruppi ta’ riflessjoni indipendenti speċjalizzati fil-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u l-armi konvenzjonali, inklużi s-SALW, mill-Unjoni u pajjiżi terzi;

(b)

istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(ċ)

stati Membri tal-Unjoni;

(d)

pajjiżi terzi.

6.   Parteċipanti minn partijiet terzi

Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom b’din id-Deċiżjoni. L-esperti min-netwerk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti minn partijiet terzi. Huma ser jaħdmu f’konformità mar-regoli standard tagħhom.

7.   Aspetti ta’ proċedura, koordinazzjoni u l-Kumitat ta’ Tmexxija

Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser ikun kompost minn rappreżentant tar-RGħ u tal-entità implimentattiva msemmija fil-paragrafu 8. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser jirrevedi l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill regolarment, tal-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.

8.   Entità implimentattiva

L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tiġi fdata lill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, li ser iwettaq il-kompitu taħt il-kontroll tar-RGħ. Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, il-konsorzju ser jikkoopera mar-RGħ, u mal-Istati Membri u Stati Parti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, kif adatt.


Top