EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0346

2010/346/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Ġunju 2010 dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija (notifikata bid-dokument numru C(2010) 3767) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

OJ L 155, 22.6.2010, p. 48–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 059 P. 125 - 130

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/05/2022; Imħassar b' 32022D0701

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/346/oj

22.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/48


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Ġunju 2010

dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3767)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/346/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku, applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-anemija infettiva taż-żwiemel (“EIA”) hija marda virili li taffettwa biss lill-annimali tal-familja Equidae. Il-perjodu ta’ inkubazzjoni hu normalment minn ġimgħa sa tliet ġimgħat, iżda jista’ jkun twil sa tliet xhur. Equidae infettati jibqgħu infettati għal dejjem u jistgħu potenzjalment jittrażmettu l-infezzjoni lil equidae oħrajn. L-infezzjoni bl-EIA għandha tendenza li ma tidhirx jekk ma tirriżultax il-mewt minn wieħed mill-attakki kliniċi akuti waqt il-viremija, u b’hekk il-probabbiltà ta’ trasmissjoni tikber b’mod sostanzjali. It-trasmissjoni lokali sseħħ bi trasferiment tad-demm minn annimal ekwini infettat permezz ta’ tmigħ interrott ta’ dubbien taż-żiemel li jerda’ d-demm, u in utero lill-fetu. Il-mezz ewlieni tat-tixrid fuq distanza kbira tal-marda huwa l-moviment tal-annimali infettati, is-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom, u l-użu ta’ siringi kontaminati jew l-infużjoni ta’ prodotti ta’ demm li fihom il-vajrus.

(2)

L-EIA hija marda li għandha tkun notifikata skont l-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni ta’ equidae minn pajjiżi terzi (2). Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali fil-Komunità (3) tistipula li firxiet ta’ EIA għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni u Stati Membri oħra permezz tas-Sistema ta’ Notifika ta’ Mard tal-Annimali (“ADNS”).

(3)

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 90/426/KEE jistipula restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-moviment ta’ equidae minn impriżi fejn il-preżenza ta’ EIA kienet konfermata sakemm, wara l-qtil tal-annimali infettati, il-bqija tal-annimali jkunu sarulhom żewġ testijiet tal-Coggins b’riżultat negattiv.

(4)

Kuntrarjament għall-qagħda fi Stati Membri oħrajn, l-EIA hija endemika fir-Rumanija u l-qtil immedjat ta’ equidae infettati ma jiġix implimentat. Għal din ir-raġuni, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/269/KE tat-23 ta’ April 2007 dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija (4).

(5)

Madankollu, każijiet riċenti tal-EIA fl-equidae għar-riproduzzjoni u l-produzzjoni mibgħuta mir-Rumanija lejn Stati Membri oħra, u r-riżultat ippubblikat dan l-aħħar dwar missjoni ta’ spezzjoni veterinarja mwettqa mis-Servizzi tal-Kummissjoni fl-2009 f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 10 ta’ Direttiva 90/426/KEE (5), jindikaw li d-Deċiżjoni 2007/269/KE kienet implimentata, infurzata u mmonitorjata ħażin.

(6)

Meta wieħed iqis il-kummerċ ta’ equidae ħajjin, is-semen, l-ova u l-embrijoni, is-sitwazzjoni tal-marda fir-Rumanija tista’ tippreżenta riskju għas-saħħa tal-annimali tal-equidae fl-Unjoni. Għalhekk huwa xieraq li jkunu adottati miżuri protettivi li jistabbilixxu reġim speċifiku għall-moviment u l-kummerċ ta’ equidae u semen, ova u embrijuni ekwini kif ukoll ċerti prodotti tad-demm tal-ekwini mir-Rumanija sabiex ikunu salvagwardjati s-saħħa u l-benesseri tal-equidae fl-Unjoni.

(7)

Il-prevalenza tal-marda mhijiex distribwita ugwalment madwar ir-Rumanija u bejn diversi kategoriji ta’ equidae f’dak l-Istat Membru. Din il-qagħda tippermetti li jiġu applikati kundizzjonijiet inqas strinġenti għall-moviment ta’ ċerti żwiemel irreġistrati għall-kompetizzjoni u t-tiġrijiet u għandha tippermetti fil-futur li jiġu definiti r-reġjuni ħielsa mill-mard fil-futur.

(8)

Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/426/KEE, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, fuq bażi ġenerali jew ristretta, jagħti deroga minn uħud mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(5) għal kull annimal li jġorr marka speċjali li tindika li huwa skedat għall-qatla sakemm iċ-ċertifikat tas-saħħa jsemmi derogazzjoni bħal din. Fil-każ tal-għoti ta’ deroga bħal din equidae għall-qatla jridu jiġu ttrasportati direttament lejn il-biċċerija nnominata u jkunu maqtula fi żmien ħamest ijiem mill-wasla fil-biċċerija.

(9)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali li jsiru biex tiġi żgurata l-verifika ta’ konformità mal-liġi tal-għalf u tal-ikel, ir-regoli ta’ saħħet l-annimali u tal-benessri tal-annimali (6), jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ akkreditazzjoni għal laboratorji li jagħmlu l-analiżi ta’ kampjuni li jittieħdu waqt kontrolli uffiċjali.

(10)

L-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 180/2008 tat-28 ta’ Frar 2008 li jikkonċerna l-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għall-mard tal-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel (7) jistabbilixxi l-funzjonijiet, il-ħidmiet u l-proċeduri tal-laboratorju ta’ referenza fl-Unjoni għal mard tal-ekwini fir-rigward ta’ kollaborazzjoni ma’ laboratorji responsabbli biex jagħmlu dijanjożi tal-mard li jittieħed tal-equidae fl-Istati Membri. Dawk il-funzjonijiet jinkludu, fost l-oħrajn il-promozzjoni tal-armonizzazzjoni tad-dijanożi u l-iżgurar tal-profiċjenza tal-ittestjar ġewwa l-Unjoni billi jiġu organizzati u mħaddma provi komparattivi perjodiċi u permezz ta’ trażmissjoni perjodika tar-riżultati ta’ provi bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u laboratorji nazzjonali/ċentrali. Il-programm ta’ ħidma maqbul bejn il-Kummissjoni u dak il-laboratorju jipprovdi li l-ewwel test ta’ profiċjenza għal EIA għandu jidħol fis-seħħ fl-2010.

(11)

Fl-assenza tal-istandards speċifiċi tal-Unjoni għall-ittestjar għall-EIA, għandha ssir referenza għall-Kapitolu rilevanti tal-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u t-Tilqim għall-Annimali Terrestri 2009 tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Dak il-Kapitolu, li attwalment huwa l-Kapitolu 2.5.6, jippreskrivi l-agar gel immunodiffusion (AGID) għad-detezzjoni tal-EIA fiż-żwiemel, li huwa test preċiż u affidabbli minbarra f’ċerti ċirkostanzi speċifikati fil-Manwal. Din id-Deċiżjoni għalhekk għandha tipprevedi żewġ testijiet AGID għall-EIA b’riżultati negattivi biex jikkumpensaw għal-limitazzjonijiet ta’ dak it-test.

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2008 tas-6 ta’ Ġunju 2008 li jimplimenta d-Direttivi tal-Kunsill 90/426/KEE u 90/427/KEE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni tal-equidae (8) jirrikjedi li l-equidae jiġu identifikati permezz ta’ dokument ta’ identifikazzjoni. Biex tiġi msaħħa r-rabta bejn id-dokument ta’ identifikazzjoni u l-annimal, iż-żwiemel adulti maħsuba għat-trasport mir-Rumanija lejn Stati Membri oħra għandhom jiġu mmarkati permezz ta’ injezzjoni ta’ transponder elettroniku.

(13)

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati (9) jistabbilixxi l-verifiki u miżuri oħra relatati mal-ġurnal tal-vjaġġ li jridu jitwettqu minn awtorità kompetenti qabel vjaġġi twal.

(14)

Ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għall-moviment u t-trasport ta’ equidae huma stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/426/KEE. Sabiex titjieb it-traċċabilità tal-equidae reġistrati minn żoni fir-Rumanija affettwati mill-EIA għal Stati Membri oħra, l-attestazzjoni skont l-Anness B tad-Direttiva 90/426/KEE għandha tinbidel b’ċertifikat dwar is-saħħa tal-annimali skont l-Anness C ta’ dik id-Direttiva.

(15)

Is-sistema integrata kompjuterizzata tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarja (“TRACES”) introdotta skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces (10) tista’ tkun strumentali biex tingħata d-direzzjoni lill-equidae mir-Rumanija għall-biċċeriji fi Stati Membri oħra.

(16)

Il-moviment ta’ equidae oħra, ħlief equidae għall-qatla, mir-Rumanija lejn Stati Membri oħra ma għandux jitqies komplut sakemm test għall-EIA fuq kampjun li jkun inġabar waqt iżolament wara l-wasla fil-post tad-destinazzjoni, jikkonferma l-assenza ta’ dik il-marda.

(17)

Minħabba li s-settur affettwat huwa totalment konxju mir-riskji li ġejjin mill-qagħda tal-marda fir-Rumanija, huwa xieraq li dawk involuti fil-moviment tal-equidae mir-Rumanija jitħallew jaqsmu r-responsabbiltà u n-nefqa mġarrba mill-awtoritajiet kompetenti relatati ma’ movimenti bħal dawn.

(18)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (I) ta’ Direttiva 90/425/KEE (11) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2010 (12) introduċiet ir-rekwiżiti tal-ittestjar għall-EIA anke għal debeb donaturi li minnhom jinġabru l-ova u l-embrijuni. Madankollu, dawk l-emendi għandhom japplikaw biss mill-1 ta’ Settembru 2010. Għalhekk, meta l-ova u l-embrijuni jinġabru minn debeb li jinżammu fir-Rumanija, ikun jinħtieġ li jkunu kkumplimentati r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/294/KE tal-24 ta’ Lulju 1995 li tiddetermina l-kampjun taċ-ċertifikat dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ tal-ova u l-embrijoni tal-ispeċi ekwini (13) bi ħtieġa ta’ test għall-EIA.

(19)

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal prodotti tad-demm ġejjin minn equidae qed jiġu reveduti bħalissa. Attwalment, il-Kapitolu V(A) tal-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (14) jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-serum tal-equidae.

(20)

Għal iktar ċarezza fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2007/269/KE għandha tiġi revokata u sostitwita b’din id-Deċiżjoni.

(21)

Qed jidher li mhuwiex neċessarju li jiġu introdotti kundizzjonijiet tranżizzjonali billi l-miżuri previsti jqisu l-programm Rumen adottat riċentement għall-qerda tal-EIA f’dak il-pajjiż.

(22)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Miżuri protettivi applikabbli għal equidae, semen, ova u embrijuni ta’ annimali mill-ispeċi tal-ekwini kif ukoll ċerti prodotti tad-demm li ġejjin mill-equidae

1.   Ir-Rumanija m’għandhiex tibgħat il-prodotti li ġejjin lil Stati Membri oħra:

(a)

equidae minn reġjuni elenkati fl-Anness;

(b)

semen ta’ annimali mill-ispeċi tal-ekwini;

(c)

ova u embrijuni ta’ annimali mill-ispeċi tal-ekwini;

(d)

prodotti tad-demm ġejjin minn equidae.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a) m’għandhiex tapplika għal equidae minn impriżi barra r-Rumanija li jew:

(a)

jgħaddu mir-Rumanija fuq rotot u awtostradi ewlenin; jew

(b)

jiġu ttrasportati mir-Rumanija direttament u mingħajr interruzzjoni lejn biċċerija għal qatla immedjata u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali komplut skont il-mudell stabbilit fl-Anness C għad-Direttiva 90/426/KEE.

Artikolu 2

Derogi għal moviment tal-equidae mir-reġjuni elenkati fl-Anness lejn Stati Membri oħra

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(1)(a), ir-Rumanija tista’ tawtorizza li jintbagħtu kunsinni ta’ equidae lil Stati Membri oħra, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konsenja totali tal-equidae trid tkun ġiet:

(i)

iżolata skont is-superviżjoni uffiċjali jew stabbiliment approvat mill-awtorità kompetenti bħala ħieles minn anemija infettiva ekwina (“EIA”) (“impriża approvata”); kif ukoll

(ii)

miżmuma ‘l bogħod minn kwalunkwe equidae oħra ta’ status ta’ saħħa iktar batut minimu ta’ 200 m għal perjodu ta’ mill-inqas 90 jum qabel id-data ta’ meta tintbagħat il-konsenja;

(b)

l-equidae kollha fil-konsenja jridu jkunu għaddew minn test ta’ immunodiffużjoni tal-agar ġel għall-EIA (“it-test tal-AGID”) b’riżultat negattiv li jkun sar fuq kampjuni tad-demm meħuda f’żewġ okkażjonijiet b’90 jum bejniethom; it-tieni kampjun irid ikun inġabar fi żmien 10 ijiem qabel id-data ta’ meta tintbagħat il-konsenja mill-impriża approvata; it-test tal-AGID għandu jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kapitolu rilevanti tal-Manwal tat-Testijiet Dijanjostiċi u l-Vaċċini għal Annimali Terrestri 2009 tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali OIE) (“il-Manwal”);

(c)

it-trasportatur irid jiddokumenta l-arranġamenti li saru biex jiżgura li l-equidae fil-konsenja jintbagħtu mill-impriża direttament lill-post tad-destinazzjoni mingħajr ma jgħaddu minn suq jew ċentru ta’ raggruppar;

(d)

fil-każ li l-konsenja tinkludi equidae reġistrati jew equidae għar-riproduzzjoni u l-produzzjoni, l-equidae kollha preżenti fl-impriża approvata waqt it-test ta’ iżolament imsemmi fil-punt (a)(i) iridu jkunu għaddew minn test tal-AGID b’riżultat negattiv li jkun sar fuq kampjuni tad-demm meħuda jew qabel ma jitneħħew mill-impriża waqt il-perjodu ta’ iżolament jew fi żmien 10 ijiem qabel id-data tat-tluq tal-konsenja mill-impriża approvata;

(e)

l-equidae kollha fil-konsenja jridu jiġu mmarkati billi jiġi impjantat fihom transponder elettroniku u jridu jiġu identifikati permezz ta’ dokument ta’ identifikazzjoni wieħed għall-equidae jew permezz ta’ passaport previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 504/2008 li għandu jiddikjara:

(i)

in-numru li jidher meta jinqara t-transponder elettroniku impjantat fil-punt (5) tal-Parti A tat-Taqsima I ta’ dak id-dokument;

(ii)

it-test tal-AGID previst fil-punti (b) u (d) ta’ dan il-paragrafu u r-riżultati tagħhom fit-Taqsima VII ta’ dak id-dokument;

(f)

il-kontrolli relatati mal-ġurnal tal-vjaġġ imwettqa skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 għandhom ikunu sodisfaċenti u ma għandhomx jeħtieġu li jintbagħtu dettalji lil post ta’ kontroll li jinsab fl-Istat membru tat-tranżitu skont l-Artikolu 14(1)(d) ta’ dak ir-Regolament;

(g)

l-equidae fil-konsenja għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali komplut kif dovut skont il-mudell stabbilit fl-Anness C għad-Direttiva 90/426/KEE, li għandu jindika l-post tad-destinazzjoni u jinkludi l-kliem addizzjonali li ġejjin:

“L-equidae mibgħuta skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE (*).

(*)  ĠU L 155, 22.6.2010, p. 48.”"

2.   B’deroga mill-punt 1(b), l-ewwe test tal-AGID, li jrid jitwettaq fuq kampjuni li jittieħdu mill-inqas 90 jum qabel it-tluq, jista’ ma jkunx meħtieġ fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni jkun ta deroga bħal din f’applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 90/426/KEE; jew

(b)

l-equidae jkunu ddestinati għat-trasport dirett lill-biċċerija u nġabru fl-impriża approvata minn impriżi ċċertifikati ħielsa mill-EIA skont il-programm nazzjonali ta’ kontroll EIA fis-seħħ.

Artikolu 3

Deroga mill-moviment ta’ equidae mir-reġjuni elenkati fl-Anness għal Stati Membri oħra fir-rigward ta’ żwiemel irreġistrati li jipparteċipaw f’ċerti kompetizzjonijiet u avvenimenti

B’deroga minn Artikolu 2(1)(a), (b), (c), (d) u (f), ir-Rumanija tista’ tawtorizza t-tluq ta’ konsenji lejn Stati Membri oħra ta’ żwiemel irreġistrati għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet organizzati taħt l-awspiċi tal-World Equestrian Federation (FEI), jew f’avvenimenti internazzjonali ewlenin tat-tlielaq taż-żwiemel, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iż-żwiemel iridu jkunu għaddew minn test tal-AGID, b’riżultat negattiv li jkun sar skont il-kriterji stabbiliti mill-Manwal, fuq kampjun tad-demm meħud fi żmien 10 ijiem qabel id-data tat-tluq mill-impriża approvata;

(b)

l-equidae kollha fuq l-impriża approvata u ġewwa perimetru ta’ 200 m madwar l-impriża approvata ikunu għaddew minn test tal-AGID imwettaq b’riżultati negattivi fuq kampjun tad-demm meħud bejn 90 u 180 jum qabel id-data tal-moviment maħsub;

(c)

il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(e) u (g).

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fil-każ ta’ riżultati pożittivi għat-test tal-AGID

Fil-każ ta’ riżultat pożittiv għal xi wieħed mit-testijiet tal-AGID previsti fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) u punt (a) tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, l-impriża approvata kollha għandha titqiegħed taħt restrizzjoni ta’ moviment sakemm il-miżuri previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(5)(a) tad-Direttiva 90/426/KEE ikunu tlestew.

Artikolu 5

Derogi għal semen, ova u embrijuni ffriżati tal-ispeċi tal-ekwini u prodotti tad-demm ġejjin minn equidae

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(1)(b), ir-Rumanija tista’ tawtorizza l-konsenja lejn Stati Membri oħra ta’ semen iffriżat ta’ equidae li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 1.6(c), 1.7 u 1.8 tal-Kapitolu II (I) tal-Anness D għad-Direttiva 92/65/KEE.

2.   B’deroga mill-Artikolu 1(1)(c), ir-Rumanija tista’ tawtorizza konsenji għall-Istati Membri l-oħra ta’ embrijuni ffriżati meħuda minn debeb donaturi li għaddew minn test tal-AGID li twettaq b’riżultati negattivi jew kampjuni ta’ demm li ttieħdu f’żewġ okkażjonijiet b’90 jum bejniethom; it-tieni kampjun irid ikun ħa bejn 30 u 45 jum wara id-data tal-ġbir tal-embrijuni.

3.   Il-konsenji tas-semen u l-embrijuni ffriżati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit għall-konsenja kkonċernata skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 92/65/KEE li għandu jinkludi l-kliem li ġejjin:

“Semen/embrijuni (ħassar dak li mhux applikabbli) tal-ispeċi ekwini mibgħuta skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE (**).

4.   B’deroga mill-Artikolu 1(1)(b), ir-Rumanija tista’ tawtorizza l-konsenja lejn Stati Membri oħra ta’ semen iffriżat ta’ equidae li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Kapitolu V(A) tal-Anness VIII għar-Regolament(KE) Nru 1774/2002.

Artikolu 6

Obbligi addizzjonali dwar ir-Rumanija

Ir-Rumanija għandha tiżgura li:

(a)

l-isem u l-lokazzjoni ġeografika tal-impriżi approvati u l-isem u l-kapaċità professjonali tal-veterinarju uffiċjali responsabbli għall-impriża approvata u l-iffirmar taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 5(3) jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra;

(b)

il-laboratorju uffiċjali li jwettaq it-testijiet tal-AGID previsti fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3:

(i)

jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2010 u kull sena wara din id-data, jgħaddi minn test annwali ta’ profiċjenza f’kollaborazzjoni mal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-mard tal-ekwini minbarra l-marda Afrikana taż-żwiemel;

(c)

kampjuni tad-demm duplikati jinżammu fil-laboratorju uffiċjali msemmi fil-punt (b) għal kull test tal-AGID li jsir fi ħdan 10 ijiem mid-data tat-tluq skont il-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 għal perjodu ta’ mill-inqas 90 jum, sakemm:

(i)

il-mewt ta’ dak l-annimal ikun ġie nnotifikat skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 504/2008; jew

(ii)

jiġi rrapportat riżultat negattiv għat-test tal-AGID msemmi fl-Artikolu 7(1)(b) qabel ma jgħaddi l-perjodu tad-90 ġurnata;

(d)

il-moviment jiġi prenotifikat lid-destinazzjoni permezz tat-TRACES mill-inqas 36 siegħa qabel il-ħin tal-wasla.

Artikolu 7

Obbligi tal-Istati Membri fil-post tad-destinazzjoni

1.   L-Istati Membri tal-post tad-destinazzjoni għandhom jiżguraw li fejn il-moviment tal-equidae msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) ikun prenotifikat skont il-punt (d) tal-Artikolu 6, mal-wasla tagħhom fil-post tad-destinazzjoni, l-equidae ikunu jew:

(a)

imbiċċra qabel mhux iktar minn 72 siegħa mill-ħin tal-wasla fil-biċċerija nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti permezz tat-TRACES; 10 % tal-konsenji li jaslu fil-biċċerija skont din id-Deċiżjoni jridu jiġu suġġetti għal test tal-AGID ta’ wara l-wasla; jew

(b)

iżolati taħt is-superviżjoni uffiċjali veterinarja fl-impriża tad-destinazzjoni indikata fiċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(1) għal mill-inqas 30 jum u f’distanza ta’ mill-inqas 200 m ‘l bogħod minn kull equidae ieħor jew f’kundizzjonijiet protetti minn vekters, u jkunu suġġetti għal test tal-AGID b’riżultati negattivi mwettaq fuq kampjun tad-demm li jkun ittieħed mhux qabel 28 jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ iżolament.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 1(1)(b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt perjodu ta’ 90 jum wara d-data tal-wasla tal-equidae msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) fl-impriża tad-destinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu, l-equidae jistgħu jintbagħtu biss minn dik l-impriża lejn Stat Membru ieħor jekk:

(a)

ikunu għaddew minn test tal-AGID b’riżultat negattiv li jkun sar fuq kampjun tad-demm meħud 10 ijiem qabel id-data tat-tluq; kif ukoll

(b)

jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali skont il-mudell stabbilit fl-Anness C għad-Direttiva 90/426/KEE.

Artikolu 8

Obbligi ta’ rappurtar

L-Istati Membri affettwati mill-kummerċ tal-equidae u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom skont din id-Deċiżjoni għandhom b’mod regolari, iżda talanqas kull tliet (3) xhur, jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-laqgħat tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

Artikolu 9

Spejjeż ta’ proċeduri amministrattivi

1.   Ir-Rumanija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż miżuri legali meta jinħtieġ, biex tiżgura li l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi addizzjonali, inkluż kwalunkwe testijiet tal-laboratorju meħtieġa jew investigazzjonijiet ta’ aġġornament, relatati mal-moviment tal-equidae, is-semen, l-ova u l-embrijuni u s-serum ġejjin minn equidae minn dak l-Istat Membru skont l-Artikoli 2,3 u 5 jiġġarbu bis-sħiħ mill-konsenjatur tal-equidae jew il-prodotti tagħhom.

2.   L-Istati Membri tal-post tad-destinazzjoni għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji, anke dawk ta’ natura ġuridika, biex jiżguraw li l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi addizzjonali, inkluż kull ittestjar tal-laboratorju jew investigazzjoni ta’ segwitu sakemm jitlestew il-miżuri stipulati fl-Artikolu 7, relatati mal-moviment tal-equidae mir-Rumanija skont l-Artikoli 2 u 3, jiġġarbu bis-sħiħ mid-destinatarju tal-equidae.

Artikolu 10

Revoka

Id-Deċiżjoni 2007/269/KE hija revokata.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42.

(3)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.

(4)  ĠU L 115, 3.5.2007, p. 18.

(5)  DG(SANCO) 2009-8256 – MR FINAL (http://ec.europa.eu/food/fvo/rep_details_en.cfm?rep_id=2341).

(6)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 56, 29.2.2008, p. 4.

(8)  ĠU L 149, 7.6.2008, p. 3.

(9)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(10)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.

(11)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(12)  ĠU L 52, 3.3.2010, p. 14.

(13)  ĠU L 182, 2.8.1995, p. 27.

(14)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.


ANNESS

Reġjuni kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(e):

Stat Membru

Reġjun

Kumment

Rumanija

It-territorju kollu

 


Top